Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Miguel Resource Centre

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta u fejn se jiċċaqlaq l-operazzjoni ta’ San Miguel Resource Centre? Jista’ jgħid ukoll jekk il-binja mgħamra ta’ San Miguel Resource Centre hijiex se tkun qegħda tintuża bħala Ċentru għal dawk l-istudenti li jkunu għalqu t-22 sena sabiex huma jibqgħu b’dan is-servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru ta’ San Miguel jilqa’ fih studenti tal-Primarja. Dan iċ-Ċentru ser ikun rilokat Bulebel, limiti taż-Żejtun. Skont l-action plans tal-FTS din ser isseħħ fis-sena 2019.

Servizzi lill-individwi li jispiċċaw minn Helen Keller Resource Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qegħdin jingħataw lil dawk li jispiċċaw mill-Helen Keller Resource Centre u jekk hemmx il-ħsieb li hekk kif San Miguel Resource Centre jiġi trasferit f’post ieħor, il-fond kif armat bħalissa jintuża għal persuni li jkunu ‘l fuq mill-età biex jattendu f’Resource Centres oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Aġenzija SAPPORT tara li l-klijenti li kienu qed jibbenefikaw mis-servizzi mgħotija miċ-Ċentru ta’ Riżorsi Helen Keller, ikunu eleġibbli għal servizzi oħra mgħotija mill-istess Aġenzija. Servizz importanti li dawn l-klijenti qed ikunu eleġibbli għalih huwa s-Servizz Star 25, illi jikkonsisti f’interventi speċjalizzati għall-ħtiġijiet diversi u differenti tal-persuni b’diżabilità. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, ċ-Ċentru San Miguel ma jaqax taħt ir-responsabbilta` ta’ dan il-Ministeru, u għaldaqshekk ma nistax ngħati l-informazzjoni f’dan ir-rigward.

Visual and Performing Arts School – classical ballet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema sillabu se jiġi segwit u mgħallem għal classical ballet fil-Visual and Performing Arts School, u jgħid ukoll fuq liema sillabu jew metodu ta’ classical ballet se jiġu kkunsidrati dawk l-applikanti li se jipparteċipaw f’auditions għal din l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sillabu li ġie adottat huwa msejjes fuq tagħlim u taħriġ migjub minn skejjel internazzjonali bħal Cecchetti, Royal Academy of Dancing, British Organisation, American Ballet Theatre, Vaganova u Russian School of Ballet. Is-sillabu sar b’mod li jgħaqqad oqsma differenti tal-Classical Ballet; taħriġ f’point work, repertoire, anatomija taż-żeffiena, analiżi ta’ teknika, koreografija u analiżi ta’ kompożizzjoni koreografika. Kif ukoll taħriġ ta’ devised theatre u multi disciplinary approached work. L-audition tiġi mqassma fi tliet partijiet: żfin klassiku, modern u kontemporanju kif ukoll intervista. Għall-partijiet prattiċi l-istudenti jkunu ggwidati biex jesebixxu passi li huma l-bażi tal-genre. L-istudenti jiġu rikonoxxuti għall-mod ta’ kif jagħmlu l-eżerċizzji, it-teknika ta’ passi li huma universali, il-fiżika, il-mod ta’ kif jippreżentaw lilhom infushom u l-passjoni li għandom għaż-żfin.

Institute of Education – Memorandum of Understanding

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum of Understanding iffirmat mill-Institute of Education kemm ma’ entitajiet Maltin kif ukoll ma’ dawk barranin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MOUs iffirmati mill-Institute for Education qed jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Institute of Education — lecturers

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta lista ta’ lecturers li se jkunu qegħdin jgħallmu fid-diversi korsijiet offruti din is-sena mill-Institute of Education u jindika l-kwalifiki tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lecturers tal-Institute għandhom kwalifiki bejn MQF 5 u MQF 8 jiddependi mil-livell tal-kors. Kull kors josserva r-regolamenti u l-istandards tal-akkreditar tal-NCFHE.

Ċirkolari dwar il-break tal-10 ta’ filgħodu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li nħarġet ċirkolari li tagħti struzzjonijiet dwar il-break tal-10 ta’ filgħodu fejn titlob li t-tfal ma joħorġux fil-bitħa u jindika min ħareġ din iċ-ċirkolari u għal-liema kulleġġi u skejjel tapplika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ma nħarġet l-ebda ċirkulari mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi f’dan ir-rigward. Madankollu, jekk l-Onor. Interpellant għandha dettalji dwar xi Kulleġġ jew skola partikolari, nitlobha tgħaddihomli.

Ħatra ta’ Ambaxxatur tal-Kultura għal Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm hija l-ħatra tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala Ambaxxatur tal-Kultura għal Malta, u jindika jekk hemmx persuni oħra maħtura b’dan it-titolu, min huma u x’ínhu r-rwol mistenni minnhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-persuna indikata separatament hi maħtura Ambaxxatur għall-Kultura għal perjodu indefinit, sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni mod ieħor. Dan hu t-tieni Ambaxxatur għall-Kultura li l-Gvern Malti qed jaħtar. Il-persuna l-oħra inħatret fl-2012. L-iskop li persuna tinħatar Ambaxxatur għall-Kultura hi li bil-kuntatti personali li jkollha minħabba n-natura tax-xogħol tagħha, twassal l-għarfien dwar l-istorja ta’ Malta, il-kultura u l-identità Maltija kull fejn tkun qed tagħmel ħidmietha. B’hekk, dawn l-Ambaxxaturi jwasslu l-isem tajjeb ta’ Malta fost ċrieki kulturali u nkomplu nattiraw lejn pajjiżna investiment kulturali. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-persuna indikata minnha ma tieħu ebda ħlas għal dan ix-xogħol ta’ Ambaxxatur tal-Kultura.

Proġett “Kif Jgħid il-Malti”

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ippropona l-proġett ‘Kif Jgħid il-Malti”, jekk kienx hemm sejħa għall-proposti u għall-proġetti b’din it-tema, min ingħata l-inkarigu sabiex iwettaq dan il-proġett, min kienu l-artisti involuti f’dan il-proġett u kemm sewa dan il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

MCAST – kariga ta’ CEO u principal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie infurmat bir-riżenja jew bid-deċiżjoni li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ma jkomplix fil-kariga ta’ Principal u CEO tal-MCAST, u jgħid liema raġuni ngħatat għal din id-deċiżjoni, jekk inħarġitx sejħa għal Principal jew CEO u jekk iż-żewġ karigi humiex se jibqgħu jiġu moqdija minn persuna waħda jew le?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-kuntratt tal-Principal u CEO tal-MCAST skada f’Ottubru 2017. Inħarġet sejħa interna u esterna biex jimtela l-post vakanti ta’ Principal u CEO nhar l-10 ta’ Dicembru 2017.

Skema tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskema tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel inbdietx għal din is-sena akkademika? Jekk bdiet jista’ jgħid jekk ingħatax kuntratt għal dan il-għan, jekk inbidlitx l-iskema u fiex tikkonsisti; u jekk ma nbdietx jista’ jgħid għalfejn u meta se tibda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li l-iskema msemmija għadha ma nbdietx fl-iskejjel kollha. Infakkar lill-Onor. interpellant illi ż-żewġ skemi li kien hemm sas-sena skolastika l-oħra (l-iSchool Fruit and Vegetable Scheme u l-iSchool Milk Scheme) jingħaqdu biex jiffurmaw in-'New School Scheme'. Għalkemm din l-iskema l-ġdida ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi, infurmat li hemm koperazzjoni bejn iż-żewġ Ministeri kkonċernati biex kollox isir taħt ir-regoli stabbiliti inkluż dawk tal-UE.

Diretturi – persuni li jokkupaw il-kariga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sa mis-sena 2012 min kien jokkupa l-kariga ta’ Director General Curriculum, Research, Innovation and Lifelong; Director General Educational Services; Director General Quality and Standards in Education, u Director General Strategy & Support? Jista’ jindika għal kull tibdil jekk inħarġitx sejħa għal post li jkun sar vakanti, u jekk kien hemm bdil, kemm dam sabiex jimtela l-post bil-persuna magħżula?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B'risposta għal din il-mistoqsija, ninsab infurmat kif ġej: · Director General Curriculum, Research, Innovation and Lifelong Learning Fis-sena 2012 din il-pożizzjoni ma kinitx teżisti. Fl-4 t’April 2017, Dr Frank Fabri beda jokkupa din il-pożizzjoni permezz ta’ lateral move mill-kariga li kien jokkupa, dik ta’ Director General (Operations) u baqa’ fil-kariga sa Ġunju 2017. Is-sejħa għall-post vakanti ħarġet fl-1 ta’ Settembru 2017 u nħatar is-Sur Stephen Cachia b’effett mit-12 ta’ Jannar 2018. Bejn Ġunju 2017 u Jannar 2018 ħadd ma kien fil-kariga · Director General Educational Services Fis-sena 2012 din il-kariga kienet okkupata minn Ms Micheline Sciberras u baqgħet fil-kariga sa Diċembru 2013. Is-sejħa għall-post vakanti ħarġet fis-26 ta’ Lulju 2013 u fis-16 ta’ Diċembru 2013 inħatar is-Sur George Borg bħala Direttur Ġenerali (Educational Services) u dam fil-kariga sad-19 t’April 2017. Is-sejħa għall-post vakanti reġgħet ħarġet fit-28 ta’ Jannar 2016 u fl-20 t’April 2017 inħatret Ms M. Mc Namara u għadha sal-lum tokkupa din il-kariga. · Director General Quality and Standards in Education Fis-sena 2012 din il-kariga kienet okkupata mis-sinjura Grace Grima u baqgħet fil-kariga sa Diċembru 2013. Is-sejħa għall-post vakanti ħarġet fis-26 ta’ Lulju 2013 u fit-8 ta’ Mejju 2017 inħatar is-Sur Ian Mifsud bħala Direttur Ġenerali (Quality and Standards). Bejn Diċembru 2013 u s-7 ta’ Mejju 2014 ħadd ma kien fil-kariga. · Director General Strategy and Support Fis-sena 2012 din il-pożizzjoni ma kinitx teżisti. Is-sejħa ħarġet fit-3 ta’ Frar 2017 u nħatret fil-kariga Ms Maria Galea b’effett mit-18 t’April 2017.

Università ta’ Malta – ħatra ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid lil min ħatar hu jew ippropona għal ħatra għal kwalunkwe pożizzjoni fl-Università ta’ Malta sa mis-sena 2013, x’kienet il-ħatra, kemm kien iż-żmien ta’ kull ħatra, jekk dawn il-ħatriet sarux wara sejħa pubblika jew interna, u x’inhu l-introjtu fi kwalunkwe forma marbut ma’ kull ħatra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qiegħed ngħaddi l-informazzjoni mitluba direttament lill-Onor. Interpellant.

Skejjel tal-Gvern – provdituri tal-uniformijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux kuntratt jew kuntratti ma’ provdituri tal-uniformijiet tat-tfal tal-Iskejjel tal-Gvern u jekk/meta jiskadi dan il-kuntratt jew kuntratti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol daħal f’kuntratt ma’ fornitur tal-uniformijiet fis-sena 2014 wara sejħa pubblika sabiex jingħata proposti dwar il-bejgħ tal-uniformijiet. Dan il-kuntratt jiskadi fl-2019.

Skejjel tal-Gvern u tal-Knisja – social workers — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il social worker huwa ngaġġat b’każijiet fl-iskejjel tal-Gvern u fl-iskejjel tal-Knisja? Kemm-il każ qegħdin isegwu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li hemm 21 social worker inkluża Senior Social Worker li jaħdmu fl-iskejjel tal-Gvern. Fil-preżent dawn qed isegwu 352 student tal-primarja u 390 student tas-sekondarja. In-numru ta’ social workers li huma ingaġġati b’każijiet fl-iskejjel tal-Knisja huwa għaxra (10) u qiegħdin isegwu 208 każ.

MCAST — lecturers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lecturer huwa impjegat biex jgħallem fl-MCAST, u kemm-il lecturer huwa impjegat fuq bażi full-time, u fuq bażi part-time fil-livelli kollha li jippermettu li l-impjieg ikun part-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bħalissa l-MCAST qed jimpjega 668 lecturer li minnhom 439 huma fuq bażi full-time u 229 fuq bażi part-time.

MCAST – Board of Governers, Prinċipali, CEO u Deputat Prinċipali — pagi u salarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-paga, is-salarju jew kwalunkwe forma ta’ ħlas u allowance li jingħataw lil kull membru tal-Board of Governors, lill-Prinċipal, lis-CEO u lil kull Deputat Prinċipal tal-MCAST?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant huwa kif se nsemmi: Designation Honoraria Salarju Allowances Total MCAST President of the Board of Governors € 13,976 - € 2,400 € 16,376 MCAST Vice President of the Board of Governors € 8,309 - - € 8,309 MCAST Principal and CEO - € 55,425 € 3,080 € 58,505 MCAST Vice Principal - € 50,091 € 4,228 € 54,319 MCAST Deputy Principal - € 41,515 € 4,228 € 45,743 MCAST Board of Governors’ Members @ € 2,795 - - € 2,795

American University of Malta – boroż ta’ studju mogħtija

Question

Fir-risposta mogħtija mill-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 3387, il-Ministru wieġeb li l-boroż ta’ studju ngħataw fuq bażi ta’ gwida u tal-eleġibbilità tas-sejħa. Jista’ l-Ministru jippreżenta kopja tal-gwida u tal-eleġibbilità tas-sejħa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kopja tal-gwida li ħarġet mal-iskema msemmija qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ir-regoli tal-eliġibilità huma inklużi f’sezzjoni 4 tal-gwida.

American University of Malta – boroż ta’ studju mogħtija

Question

Fir-risposta mogħtija mill-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 3387, il-Ministru wieġeb li wħud minn dawk l-istudenti li ngħataw borża ta’ studju għadhom qed isegwu l-istudju tagħhom fl-Università Amerikana f’Malta. Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-11 il-student li ngħataw borża ta’ studju għadhom isegwu l-istudju tagħhom f’din l-Università u jgħid jekk humiex Maltin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ir-rwol tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kien speċifikament biex jinnomina numru ta’ scholarships offruti lill-Gvern mill-Università Amerikana ta’ Malta (AUM). Kif diġà ġie mwieġeb, il-Gvern ippropona 11-il applikazzjoni għall-evalwazzjoni tal-AUM. Għalhekk l-informazzjoni li għandu l-Ministeru hi dik li ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari 3387.

Internal constitution and internal regulations of the American University of Malta

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3385, jista’ l-Ministru jippreżenta kopja tal-Internal Constitution and Internal Regulations of the American University of Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Kif diġà ngħad fir-risposta għat-tweġiba Parlamentari 3385, dak hu dokument li għadda lill-NCFHE biex jigi skrutinizzat b’mod awtonomu mill-Gvern.

American University of Malta – għażla ta’ studenti li jgawdu minn boroż ta’ studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qegħdin jiġu magħżula dawk l-istudenti li jgawdu minn boroż ta’ studju mogħtija lill-Gvern mill-American Univesity of Malta, u jgħid jekk hemmx bord maħtur għal dan l-iskop u min huwa maħtur fuq dan il-bord? Jekk ma hemmx bord maħtur għall-għażla u deċiżjoni dwar studenti li jistgħu jingħataw dawn il-boroż ta’ studju, jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel deċiżjonijiet dwar l-għażla ta’ studenti u ta’ korsijiet li huma jsegwu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħal ma jiġri f’kull skema ta’ boroż ta’ studju, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xoghol ħatar bord apposta biex jivverifika l-applikazzjonijiet kollha li jidħlu. Dan il-bord appuntat ad hoc għall-iskema msejjħa kien magħmul minn: Prof Angela Xuereb, Dr Mario Balzan, Mr Mario Cassar u Ms Tanya Formosa.