Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta – internal memo – Taste of History and Events — electricians

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid għaliex l-electricians ta' Heritage Malta qed ikunu mistenija li jagħmlu xogħol ta' waiters waqt l-attivitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Heritage Malta – internal memo – Taste of History and Events – ħaddiema mingħajr aċċess għall-emails

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest -Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid għaliex ħaddiema ta' Heritage Malta li ma għandhomx aċċess għall-email, ma ġewx mgħarrfa b'din l-inizjattiva? Jista' jgħid għaliex din ma ħarġitx bil-lingwa Maltija wkoll?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Heritage Malta – internal memo – Taste of History and Events – ħaddiema fi grad maniġerjali – ħlas addizzjonali

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest -Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid jekk individwi fi grad maniġerjali (li jinkludu senior executives, managers u principle curators/conservators) fi ħdan Heritage Malta hux se jkunu intitolati għal ħlas addizzjonali abbinat mal-attivitajiet ta' Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Heritage Malta – internal memo – Taste of History and Events – kriterji għall-għażla ta’ ħaddiema

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji se jiġu magħżula l-ħaddiema ta' Heritage Malta għal dan il-għan?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Heritage Malta – internal memo – Taste of History and Events – job description relatati

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-job descriptions relatati ma’ kull job title imniżżel fl-Expression of Interest?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Sillabi ġodda mnieda fil-Kinder, Grade 3 u Year 7

Question

Jista’ l-Ministru jgħid li issa li ġew mnedija s-sillabi ġodda fil-Kinder, Grade 3 u Year 7 permess tal-LOFs, il-kumplament tal-klassijiet liema sillabi se jkomplu jsegwu? Jista’ jgħid ukoll jekk l-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti humiex se jsegwu l-istess sillabi tal-LOFs u x’taħriġ qiegħed jingħataw l-għalliema bi preparazzjoni għal din il-bidla?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-klassijiet kinder 1, Year 3 u Year 7 se jibdew jużaw is-sillabi l-ġodda minn Settembru 2018. Il-bqija tal-klassijiet se jibqgħu jużaw is-sillabi li għandhom sal-lum. Huwa ppjanat li sillabi ġodda jidħlu fil-bidu ta’ kull sena skolastika, gradwalment, sena b’sena. L-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti għandhom l-għażla li jgħallmu bis-sillabi tal-iskejjel tal-Istat jew joħolqu s-sillabi tagħhom. Dejjem hekk kienet il-prassi. Matul ix-xahar ta’ Marzu sar taħriġ dwar l-LOF lill-kapijiet u l-assistenti kapijiet tal-iskejjel kollha. Iktar minn 300 ruħ ġew imħarrġa. Matul ix-xhur ta’ April u Mejju qiegħed isir taħriġ ieħor lill-għalliema kemm tal-primarja kif ukoll tas-sekondarja. Madwar 2,000 għalliem qiegħdin jiġu mħarrġa. Dan it-taħriġ huwa mmexxi mill-Uffiċjali Edukattivi tas-suġġetti differenti. Fl-in-service training ta’ Lulju li ġej, se jitkompla t-taħriġ għall-għalliema, fejn madwar 2,000 għalliem ieħor se jingħataw it-taħriġ. Fis-sena skolastika li ġejja, jerġa’ jsir aktar taħriġ għall-għalliema skont il-ħtieġa.

Skejjel tal-Istat – textbook tal-matematika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk se jkunx hemm tibdil fit-textbook tal-matematika fl-iskejjel tal-Istat mis-sena skolastika li jmiss 2018/2019? Jista’ jikkonferma t-textbooks se jkunu qegħdin jintużaw sena b’sena ta’ livell primarju mis-sena skolastika li ġejja, anke in vista tal-introduzzjoni tal-LOFs dejjem fis-suġġett tal-matematika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li matul is-sena skolastika li ġejja [2018-2019] mhu se jsir l-ebda tibdil fil-kotba tal-matematika fl-iskejjel tal-Istat. Il-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim mhu mfassal fuq l-ebda textbook partikolari u għalhekk jista’ jintuża mal-iskema preżenti li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u anke ma’ diversi skemi oħrajn. Matul dawn l-aħħar snin id-Direttorat ta l-opportunità lill-iskejjel kollha tal-Istat jipproponu textbooks differenti jekk iħossu li t-textbooks li għandhom mhumiex jilħqu l-għanijiet tas-sillabu u l-ħtiġijiet tal-istudenti tagħhom tajjeb biżżejjed. L-iskejjel ingħataw il-libertà biex jipproponu l-għażliet tagħhom lid-Direttorat. Jekk l-iskema li jagħżlu tkun tindirizza l-istess miri li hemm fis-sillabi nazzjonali m’għandux ikun hemm l-ebda problema.

Każini tal-banda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każin tal-banda f’Malta u f’Għawdex qiegħed għand il-kumitat jew l-għaqda tal-banda, taħt kirja jew enfitewsi u jindika liema huma?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor Interpellant hija mitluba tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat fejn jidhlu kirjiet jew enfitewsi fejn il-Gvern huwa s-sid. Fejn il-Gvern m'huwiex is-sid, allura nitlob lill-Onor Interpellant tirregola ruhha ma' dak li jridu l-Ordnijiet Permanenti.

Direttorati tal-Edukazzjoni – xogħol ta’ refurbishment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġi jiswa x-xogħol ta' refurbishment li qed isir fil-Customer Care Area tad-Direttorati tal-Edukazzjoni u meta se jitlesta? Jista’ jgħid ukoll x'jinkludi tali proġett u jekk inħariġx tender biex isir tali xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Minsteru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jkun qed jiftaħ One Stop Shop u fih jiġbor 63 servizz li sal-lum jingħataw minn diversi Dipartimenti u/jew entitajiet fi ħdan il-Ministeru. Dan il-one stop shop ser ikun qed jinkludi wkoll is-servizz.gov. L-ispejjeż għal dan ix-xogħol minn kuntratturi mistenni jlaħħaq madwar €100,000 u jingħata skont ir-regolamenti tax-xiri pubbliku (Public Procurement Regulations).

Institute for Education – lista ta’ uffiċjali li siefru

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ uffiċjali mill-Institute for Education li siefru mill-2016 sal-aħħar ta' April 2018? Jista’ jgħid ukoll kemm ġiet tiswa u x'kien l-iskop ta' kull safra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorati responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Inizjattiva My Journey — uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huwa jew huma l-uffiċjali fi ħdan id-Direttorati responsabbli mill-implimentazzjoni tal-inizjattiva My Journey? Jista’ jgħid kif u f’liema skejjel se tiġi introdotta din l-inizjattiva fis-sena skolastika li jmiss?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riforma My Journey hija responsabbiltà tad-dipartmenti edukattivi kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. L-aspett kurrikulari tar-riforma huwa r-responsabbiltà tad-Dipartiment għall-Kurrikulu, Tagħlim tul il-Ħajja u Impjegabilità. Id-Dipartimenti l-oħra tal-Ministeru, jiġifieri dak tal-Istrateġija u s-Sapport huwa responsabbli li jara li jkun hemm ir-riżorsi fiżiċi, fosthom refurbishment jew bini ta’ laboratorji speċjalment għal suġġetti li se jiġu introdotti ġodda, u kif ukoll umani min-naħa tad-Dipartiment għas-Servizzi Edukattivi. Din l-inizjattiva se tiġi introdotta fl-iskejjel sekondarji kollha fil-klassijiet tal-Year 9 mis-sena skolastika 2019/20, iġifieri mhux mis-sena skolastika li jmiss imma minn dik ta’ wara. Matul is-sena skolastika li jmiss se ssir kampanja ta’ informazzjoni nazzjonali sabiex tiġi spjegata fid-dettal din l-inizjattiva.

Aġenzija EUPA – bord tat-tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min jikkonsisti l-bord tat-tmexxija tal-aġenzija European Union Programmes Agency (EUPA)? Jista’ jgħid ukoll minn min huma appuntati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenzija European Union Programmes Agency (EUPA) m’għandiex bord ta’ tmexxija imma hi mmexxija minn CEO appuntat b’sejħa pubblika. L-aġenzija hi mwaqqfa b’ Avviż Legali 128 tas-sena 2007, emendata b’avviżi legali 505 tas-sena 2011 u 21 tas-sena 2015. Artiklu 12 (1) tal-avviż legali jistipula li l-aġenzija hija b’mod ġenerali kontabbli għall-Ministru, l-Awtorità Nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea. Fejn tidħol tmexxija tal-Programm Erasmus+ u issa wkoll il-programm European Solidarity Corps, l-EUPA għandha żewġ kumitati indipendenti li jevalwaw l-assessjar tal-applikazzjonijiet li jsir minn esperti esterni.

EUPA – lista ta’ proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-proġetti li ġew approvati mill-European Union Programmes Agency (EUPA) bħala parti mill-fondi ERASMUS + Programme matul is-sena 2018? Jista’ jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawk il-proġetti li ma ġewx approvati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni hija maqsuma fi tliet listi kif se nsemmi:- Selected Project Proposals Reserved Project Proposals Rejected Project Proposals

EUPA – lista ta’ eżaminaturi/assessuri tal-proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li tqabdu mill-European Union Programmes Agency (EUPA) bħala eżaminaturi/assessuri tal-proġetti li tressqu għall-fondi Erasmus għas-sena 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont id-dispożizzjonijiet tan-National Agencies Guide mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea, l-ismijiet tal-eżaminaturi/assessuri ma jistgħux isiru pubbliċi. Infurmat ukoll li dawn l-assessuri jiġu appuntati abbażi tal-iskills and knowledge fil-qasam partikolari, u biex tiġi assigurata l-indipendenza tagħhom isimhom ma jiġix ippubblikat.

Valletta 2018 Foundation – persuni ngaġġati bħala konsulenti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5075, jista’ l-Minsitru jgħid min huwa dan il-konsulent?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan il-konsulent huwa Dott. Jean Pierre Magro. Dott. Magro għandu dottorat mill-Università ta’ Exeter fi Transmedia Narrative li huwa suġġett li għandu x’jaqsam b’mod dirett mal-komunikazzjoni. Huwa ħadem ma’ diversi universitajiet u istituzzjonijiet ta’ livell terzjarju madwar id-dinja, inklużi l-London Film School u l-Università ta’ Southern California. Ħadem ukoll bħala kittieb ta’ film scripts fosthom ta’ film li kien ikkunsidrat għall-Oscars f’fażi preliminarja. Ta min jirrimarka illi Dott. Magro pproduċa żewġ films fl-Ingilterra u numru ta’ dokumentarji li rebħu diversi premjijiet kif ukoll ħadem f’kumpaniji tal-produzzjoni tal-films fl-Istati Uniti u fi Spanja u għandu kollaborazzjonijiet attivi ma’ organizzazjonijiet diversi fil-qasam tal-publikazzjoni fuq bażi internazzjonali. Dott. Magro jservi wkoll ta’ evalwatur prinċipali tal-programm Creative Europe fuq l-oqsma tal-film u t-televiżjoni.

Malta International Contemporary Art Space – Chairperson u/jew membru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm sejħa għall-pożizzjoni ta’ Chairperson u/jew membru tal-Malta International Contemporary Art Space, u jindika l-kundizzjonijiet finanzjarji mogħtija lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-ħatra tagħha u anke jindika l-esperjenza u l-kwalifiki tagħha li ġew ikkunsidrati għal ħatra tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ftehim kollettiv mal-MUT – żieda lill-edukaturi fl-iSkejjel tal-Knisja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-edukaturi fl-iSkejjel tal-Knisja mistennija jieħdu ż-żidiet dovuti lilhom skont il-ftehim kollettiv iffirmat fl-aħħar tas-sena li għaddiet mal-MUT?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u s-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja qablu li s-salarji ta’ Mejju ser jirriflettu ż-żidiet u sa Ġunju l-arretrati kollha jkunu mħallsa. Ngħarraf lill-Onor. interpellant li l-proċess li bih jitħallsu l-gradi tal-edukaturi impjegati mal-Iskejjel tal-Knisja, huwa differenti minn dak tal-gradi tal-edukaturi impjegati fl-Iskejjel tal-Istat. Filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol joħroġ direttament is-salarji għall-gradi tal-edukaturi impjegati fl-Iskejjel tal-Istat, fil-każ tal-gradi tal-edukaturi impjegati mal-Iskejjel tal-Knisja, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jibgħat il-fondi meħtieġa biex ikopri dawn is-salarji lis-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja li mbagħad joħroġ is-salarji tal-edukaturi li jinsabu fl-Iskejjel tal-Knisja.

Persuni li japplikaw għall-permess ta’ residenza biex jagħmlu xogħol volontarju – polza ta’ assikurazzjoni

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 5072 u 5073 jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk dawk il-persuni li japplikaw għall-permess ta’ residenza sabiex jagħmlu xogħol volontarju jew xogħol missjunarju f’Malta, humiex qegħdin jiġu mitluba jagħmlu polza tal-assikurazzjoni tas-saħħa jew humiex qegħdin jiġu eżentati minn dan u jiġu koperti bl-Avviż Legali 201 tas-sena 2004?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat li ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għal permess ta’ residenza temporanju għandu bżonn jippreżenta polza tal-assikurazzjoni. Din tkopri l-applikant jekk kemm-il darba jkollu żżonn assistenza medika f’Malta. Applikanti li jkunu eżentati mill-ħlasijiet skont il-provedimenti tal-A.L. 201 tal-2004 ma jintalbux polza tal-assikurazzjoni minn Identity Malta.

Valletta 2018 – festa l-kbira – stedina lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġitx stedina lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta sabiex il-Kunsill jattendi għall-kunċert tal-festa l-kbira bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Valletta 2018, u jekk ma kienx hemm stedina, jista’ jgħid ir-raġuni għalfejn ma nħarġitx stedina u min għamel id-deċiżjoni dwar il-persuni li jiġu mistiedna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-avveniment kien miftuħ għal kulħadd. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta huwa awtomatikament mistieden għal kull attività tal-Fondazzjoni Valletta 2018 peress li s-Sindku huwa wkoll wieħed mil-Gvernaturi tal-Fondazzjoni Valletta 2018 f’isem, u bħala rapprezentant tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.