Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur – fondi għal avvenimenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ingħataw fondi għal kull avveniment sponsorjat mill-Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur matul is-snin 2018 u 2019? Tista’ tindika lil min ingħataw l-ammont tal-fondi, u jekk ingħatatx għajnuna ta’ xorta oħra?
Avvenimenti sponsorjati minn EventsMalta – studju dwar il-kontribut finanzjarju lill-pajjiż
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx studju dwar liema huwa u kemm huwa l-kontribut finanzjarju lill-pajjiż ta’ kull avveniment sponsorjat minn EventsMalta li ngħata sapport finanzjarju dirett u/jew indirett u tqiegħed tali studju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li għadhom ma sarux studji mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Studji indipendenti li saru fuq festivals fosthom Lost & Found, Abode on the Rock (Gozo), Summerdaze u Cirque du Soleil juru li l-
increment economic contribution
li primarjament jiġi kkalkulat fuq turisti li żaru pajjiżna speċifikament għal dawn l-avvenimenti, fuq ħarsa konservattiva skont l-istudji, jidher li jħallu impatt ta’ madwar 30 miljun ewro fl-ekonomija Maltija, 397 full-time job f’dan is-settur u madwar 6 miljun lejn trasport u setturi ta’ distribuzzjoni.
Rapporti lill-pulizija dwar Aġir kontra ġurnalisti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il rapport ġie ppreżentat lill-Pulizija minn ġurnalisti li fih il-Pulizija ġew mitluba jinvestigaw aġir li twettaq kontra l-ġurnalist waqt il-qadi ta’ dmirijietu f’dawn l-aħħar ħames snin, u ċjoè mis-sena 2015, u jagħmel dan billi jagħti n-numru ta’ rapporti ppreżentati, jindika n-natura tar-reat indikat fir-rapport, u jindika kemm-il persuna tressqet il-qorti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li kien hemm erba’ (4) rapporti preżentati lill-Pulizija minn ġurnalisti fejn talbu lill-Pulizija jinvestigaw aġir li twettaq kontrihom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom mis-sena 2015 sas-sena 2019. L-ewwel każ fis-sena 2018 kien ta’ ġurnalista li twaqqaf milli jieħu filmat minn ħaddiem responsabbli minn tindif f’lokalità fil-Belt. Il-każ waqaf meta l-ġurnalist aċċetta apoloġija tal-ħaddiem ikkonċernat. Fis-sena 2019 kien hemm każ il-Belt li għadu qed jiġi investigat, dwar inċident fejn ġurnalista ġiet impeduta milli tieħu filmati meta allegatament ġiet imbuttata u ħassitha ffastidjata. Każ ieħor il-Belt ukoll fl-istess sena u li wkoll qed jiġi investigat jikkonċerna ġurnalisti li rrapurtaw li ġew impeduti milli joħorġu mil-lok fejn saret konferenza stampa meta din spiċċat. L-aħħar każ fis-sena 2019 kien dwar ittra anonima li rċeviet ġurnalista, fejn l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Laqgħat ma’ kumpanija
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta seħħew l-aħħar laqgħat bejnu u rappreżentanti tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jgħid ukoll minn kien preżenti għal din il-laqgħa, f’liema kapaċità u min talab il-laqgħa?
Response (ABELA, ROBERT)
B’referenza għall-mistoqsija numru 12699, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għal din il-laqgħa, li qed issir referenza għaliha, attendew il-Prim Ministru Dr Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, l-Onorevoli Joseph Muscat u Dr Armin Ernst f’isem Steward Healthcare.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – tkeċċija ta’ impjegati
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk dak rappurtat fl-artiklu li jinsab fuq il-link https://timesofmalta.com/articles/view/most-opm-officials-linked-to-keith-schembri-told-to-leave.766188 huwiex minnu u ċjoè li tkeċċew impjegati mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kienu assoċjati mal-individwu msemmi fl-artiklu, u jekk iva jgħid min huma u liema kariga kienu jokkupaw?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kien impjegat f’dak l-uffiċċju sal-1 ta’ Diċembru 2020 ma għadux impjegat f’dak l-uffiċċju llum? Jista’ jindika min minnhom kien impjegat tal-gvern u min kien fuq ħatra ta’ position of trust?
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa – laqgħat ma’ kumpanija
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta seħħew l-aħħar laqgħat bejnu u rappreżentanti tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jgħid ukoll min kien preżenti għal din il-laqgħa, f’liema kapaċità u min talab il-laqgħa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 12699.
Tista’ l-Ministru tgħid matul is-snin 2018 u 2019 kemm ingħataw fondi għal kull avveniment sponsorjati minn EventsMalta, tindika l-ammont tal-fondi, lil min ingħataw u jekk ingħatatx għajnuna ta’ xorta oħra?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li “Events Malta” hija kumpanija privata u m’għandha xejn x’taqsam mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kuntratt ta’ konsulenza li ngħata mill-Malta Tourism Authority lill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament u li jġib id-data tad-9 ta’ Diċembru 2019 ġiex approvat mill-Bord tal-istess Awtorità? Jekk iva f’liema data ġie approvat?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmata li quddiem il-Bord tal-Awtorita’ titla’ biss in-nomina għal Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’, liema nomina tinħatar u tiġi approvata mill-istess Bord. Dan sakemm ma jkunx hemm talba minn wieħed mill-membri tal-istess Bord li jitlob sabiex xi kuntratt, employment jew promotion jitla’ quddiem l-istess Bord tal-Awtorita’.
Tista’ l-Ministru tgħid min huwa maħtur Direttur tal-Events ta’ VisitMalta? Tista’ tindika wkoll jekk tali ħatra saritx wara sejħa pubblika u jekk le b’liema mod saret u fuq deċiżjoni ta’ min saret?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lis-Sur Lionel Gerada jokkupa l-kariga ta’ Direttur tal-Events fi ħdan l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu. Dan ġie maħtur wara sejħa pubblika li ħarġet fl-14 ta’ Ġunju 2019.
Tista’ l-Ministru tgħid liema kienu l-kunċerti u l-avvenimenti li ġew organizzati jew sponsorjati mill-MTA/VisitMalta matul is-snin 2018 u 2019? Tista’ tgħid ukoll jekk l-avveniment ġiex organizzat mill-MTA/VisitMalta direttament u esklussivament jew seħħx bi sħubija jew sponsorship mogħti lil terzi?
Tista’ l-Ministru tgħid liema hija l-proċedura sabiex organizzatur jitlob għal sponsorship mingħand VisitMalta u tgħid ukoll liema huma l-kriterji li fuqhom tiġi deċiża t-talba tiegħu?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura għall-isponsorships tinsab online fuq il-website tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu fejn fiha hemm iddettaljat il-kriterji meħtieġa skont il-budget li jkollha l-istess Awtorita’.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna ġiet impjegata sabiex taħdem fuq il-funzjoni VisitMalta tal-MTA fis-snin 2018 u 2019 u tgħid ukoll jekk tali impjieg seħħx wara sejħa pubblika jew le?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sezzjoni VisitMalta fi ħdan l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu tagħmel parti mid-Direttorat tal-Komunikazzjoni u Midja Diġitali. Minbarra d-Direttur, is-sezzjoni tħaddem żewġ persuni fi grad ta’ Executive u persuna bħala Assistant Manager.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba jkun hemm kontribut finanzjarju tal-MTA VisitMalta f’xi avveniment, jekk l-MTA ikollhiex introjtu minn dak l-avveniment u jekk le tista’ tgħid l-introjtu ta’ dak l-avveniment minn bejgħ ta’ biljetti u/jew oġġetti mibjugħa on site waqt l-avvenniment għand min imur?
Mużew Marittimu ta’ Malta – Tender għall-implimentazzjoni tad-disinji tad-dawl u AC Units
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħariġx tender sabiex jiġu implimentati d-disinji fuq it-tqegħid ta’ dawl u AC Units fil-Mużew Marittimu ta’ Malta, u jekk inħarġet, kemm-il proposta kien hemm, min intgħażel u meta hu skedat li jitlesta x-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar 5 snin ħarġu 3 tenders pubbliċi għal xogħol relatat ma’ installazzjoni ta’ sistemi elettriċi u installazzjoni ta’ AC units fil-Mużew Marittimu.
Fit-2018 ħarġet tender għall-implementazzjoni ta’ modifikazzjonijiet u konsolidazzjoni fuq parti mis-sistema tad-dawl. Peress li ma kien hemm ebda offerta għall-ewwel tender, reġgħet ġiet miftuħa tender pubblika fl-10 ta’ Ġunju 2019 (MJCL MPU 112 2019).
Fit-2014 kien ppublikat Tender HM 22/16/2014 għal installazzjoni ta’ AC units fl-uffiċini tal-Muzew Marittimu u dan it-tender kien ġie mirbuħ minn Kencar AC supplies.
Fit-2016 kien ġie ppublikat Tender HM 22/03/2016 għal installazzjoni ta’ AC units fis-St Angelo Hall u dan it-tender kien ġie mirbuħ minn CAS Ltd.
Għar Dalam National Park – masterplan u interpretation strategy
Question
Jista’ l-Ministru jippreżenta l-masterplan u l-interpretation strategy li tħejjew għal Għar Dalam National Park u jgħid il-baġit li hemm imħejji għat-twettiq ta’ dan il-proġett u jippreżenta skeda tal-programm ta’ ħidma li huwa maħsub li jiġi segwiet biex jiġi implimentat dan il-proġett?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed titfassal interpretation strategy u qed isiru għadd ta’ surveys fuq dak kollu meħtieg. Huwa biss ladarba jkun lest dan ix-xogħol preparatorju li jkunu jistgħu isiru stimi tal-finanzi meħtieġa.
Qed inpoġġi wkoll kopja tal-
management brief
fuq il-mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 10424 Ghar Dalam Management Plan Brief.pdf
Mużew Marittimu ta’ Malta – tender għar-restawr tal-aperturi tal-injam
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jinħareġ it-tender għar-restawr tal-aperturi tal-injam fuq il-faċċati u fuq it-turrets tal-Mużew Marittimu ta’ Malta, liema tender kien ġie kanċellat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li tender għal xogħol fuq l-aperturi esterni kollha tal-Mużew Marittimu diġà ġiet ippubblikata u wara l-proċess dovut, dan ix-xogħol ġie awarded. (CT2397/2018 awarded 29th April 2019).
Jista’ l-Ministru jgħid min huwa l-electrical engineer li tqabbad sabiex iħejji disinn u jassisti fit-tibdil fuq is-sistema tal-elettriku fil-Mużew Marittimu ta’ Malta, u jindika l-metodu kif intgħażel l-istess engineer?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li sa issa nħarġet sejħa waħda għal spezzjoni ta’ parti mis-sistema tal-elettriku fil-Muzew Marittimu ta’ Malta. Din inħarġet taħt sejħa pubblika u ġiet awarded.
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa skedat li x-xogħlijiet fil-Palazz tal-Inkwiżitur ikunu lesti, u jgħid min huma l-kuntratturi magħżula għal dan ix-xogħol u kemm huwa l-ammont miftiehem u li se jiġi mħallas jew tħallas għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda kuntrattur li bħalissa qed jagħmel xi xogħol fil-Palazz tal-Inkwiżitur. L-uniku xogħol li qiegħed isir fil-Palazz imsemmi qed isir minn ħaddiema ta’ Heritage Malta stess, u dan jikkonsisti f’restawr fuq bazi kontinwa.