Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji dwar kif is-sistema ta’ assessjar kontinwu laqgħat lit-tfal tal-iskola, u jekk iva min għamel dawn l-istudji u x’kienu l-konklużjonijiet tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid, fid-dawl li l-iskejjel jinsabu magħluqa, kemm-il skola qiegħda tagħti tagħlim onlajn billi jsiru lezzjonijiet onlajn fuq applikazzjonijiet teknoloġiċi li jippermettu klassi virtwali? Jista’ jindika liema huma dawn l-iskejjel u meta beda dan it-tagħlim?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskejjel kollha f’Malta, kemm tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti, kollha qed jagħtu tagħlim onlajn skont il-linji gwida maħruġa mill-Grupp ta’ Ħidma maħtur mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u magħmul minn rappreżententi tat-tliet setturi u l-Malta Union of Teachers.
Passi biex l-edukaturi jkollhom assistenza teknika waqt lezzjonijiet virtwali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qiegħed jieħu sabiex l-edukaturi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom assistenza teknika għall-użu ta’ applikazzjonijiet diġitali li wħud mill-għalliema qegħdin jużaw sabiex iżommu klassi virtwali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li assistenza teknika b’mod sħiħ qed tingħata lill-edukaturi mid-Direttorat għal-Litteriżmu Diġitali u Ħiliet Transversali kemm permezz ta’ sapport individwali onlajn, permezz ta’ helpline telefoniku, kif ukoll b’taħrig kontinwu permezz ta’ sensiela ta’ online webinars. Qed jingħata sapport sħiħ lill-iskejjel kollha ta’ kull settur skont it-talba. Qed isir ukoll outreach kontinwu lejn l-iskejjel sabiex inkomplu nsaħħu l-ħidma onlajn mill-edukaturi. Dettalji kollha dwar dan is-sapport jinsab fuq is-sit elettroniku: http://digitalliteracy.skola.edu.mt
Talba għall-sistema tal-eżamijiet minflok assessjar kontinwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux talba mill-Malta Union of Teachers sabiex ineħħi s-sistema tal-assessjar kontinwu u jerġa’ jirriverti għas-sistema tal-eżamjiet ta’ nofs is-sena u tal-aħħar tas-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li l-Malta Union of Teachers ma ressqitx it-tali talba lid-Dipartiment sabiex ineħħi s-sistema tal-assessjar kontinwu u jerġa’ jirriverti għas-sistema tal-eżamjiet ta’ nofs is-sena. Ta’ min jinnota li l-eżamijiet annwali qatt ma tneħħew u qed isiru għas-snin kollha minn Year 4 sa Year 11.
Jista’ l-Ministru jgħid liema skejjel qiegħed isir xogħol ta’ manutenzjoni, jew xogħol ta’ żvilupp fihom, matul iż-żmien li l-iskejjel jinsabu magħluqa minħabba l-pandemija tal-COVID-19?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. interpellanta li l-iskejjel li fihom qiegħed isir xogħol ta’ manutenzjoni, jew xogħol ta’ żvilupp matul iż-żmien li l-iskejjel jinsabu magħluqa minħabba l-pandemija tal-COVID-19, huma kif muri fil-lista li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex qiegħed jieħu passi sabiex jindirizza l-falliment tal-politika tal-gvern dwar l-‘early school leavers’ fejn statistika tal-Eurostat tindika li Malta qiegħda 7.5% ‘il bogħod mill-mira li kienet ippjanata tilħaq f’din is-sena, 2020? Jekk iva, jista’ jgħid liema huma dawn il-passi u x’miżuri se jieħu sabiex jindirizza din is-sitwazzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellanta li filwaqt li Malta għadha ma laħqitx il-mira ta’ 10 fil mija, il-figuri li qed tikkwota jirreferu għall-2018. Dan ifisser li għad fadal jizdiedu l-istatistika ta’ sentejn oħra qabel ma naslu għar-rata ta’ Early School Leaving tal-2020:
ESL Rate for Malta
Year
2010
2011
2012
2013
2014
2015
2016
2017
2018
Males
29.9%
28.8%
25.2%
23.2%
22.2%
22.9%
23.1%
20.9%
19.4%
Females
17.4%
16.3%
16.8%
17.7%
18.3%
16.6%
15.8%
14.3%
15.5%
Total
23.8%
22.7%
21.1%
20.5%
20.4%
19.8%
19.6%
17.7%
17.5%
Ta' min wieħed jiġbed l-attenzjoni li Malta minn 23.8% fl-2010 niżlet għal 17.56% fl-2018 u 16.3% fl-2019. Fil-fatt Malta hija waħda mill-ftit pajjiżi fost it-28 stati membru fl-Unjoni li kellha l-ikbar tnaqqis f’dawn l-aħħar snin ta’ ‘l fuq minn 5 fil-mija (il-Portugal, Spanja, il-Greċja u l-Irlanda huma l-pajjiżi l-oħra bl-aktar tnaqqis). Malta baqgħet għaddejja b’titjib kostanti fir-rata ta’ early school leaving bit-tnaqqis fir-rata ta’ kull sena. Dan fil-kuntest li kien hemm tmien pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea li fl-aħħar snin żiedu u mhux naqqsu r-rata tal-early school leavers u oħrajn li staġnaw mill-2016.
Mill-2018, beda proċess intensiv ta’ evalwazzjoni tal-politika nazzjonali dwar l-Early School Leaving u x’għandu jkun il-pjan fil-ġejjieni. Sar studju ta’ sena fuq livell nazzjonali b’kollaborazzjoni mal-Unjoni Ewropea permezz tal-fondi tal-SRSP (Structural Reform Support Programme), fejn ħarġu numru ta’ rakkomandazzjonijiet. Dawn ġew maqsuma ma’ diversi stakeholders fil-qasam edukativ u lil hemm f’konferenza nazzjonali u internazzjonali li saret f’Novembru tal-2019 fuq firxa ta’ tlett jiem.
Wara feedback li nġabar minn riċerkaturi u edukaturi Maltin u barranin waqt din il-konferenza, tfassal pjan ta’ azzjoni fejn fosthom hemm it-tnedija ta’ strateġija ġdida li ħa tkun imfassla sal-2021. Dan il-pjan ta’ azzjoni jinvolvi wkoll proġett bl-għan ewlieni li nkomplu nolqtu lil kull student, partikolarment dawk li huma żvantaġġati fuq livell soċjali iktar minn oħrajn biex inkomplu fl-għan tagħna li nibnu sistema iktar inklussiva u ekwa.
Ta’ min ifakkar li bosta mill-miżuri li ġew imfasslin fl-istrateġija preżenti ġew milħuqa u kien permezz ta’ dawn il-miżuri li Malta hija fost il-pajjiżi tal-UE li għandha waħda mill-aħjar rati ta’ tnaqqis.
Reġistru Pubbliku – kuntratti ta’ koabitazzjoni reġistrati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ta’ koabitazzjoni ġie reġistrat fir-Reġistru Pubbliku mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Koabitazzjoni sal-lum?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura jirriżulta li mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Koabitazzjoni sal-lum kien hemm tlettax (13)-il kuntratt ta’ koabitazzjoni li ġie reġistrat mar-Reġistru Pubbliku.
Malta Philharmonic Orchestra – Terminazzjoni ta’ Ħatra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni sabiex tiġi tterminata l-ħatra mill-Orkestra Filarmonika ta' Malta tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jekk din id-deċiżjoni tteħditx f’laqgħa miżmuma mill-Bord jew itteħditx barra laqgħa formali tal-Bord?Jista’ jgħid ukoll jekk kenitx deċiżjoni unanima tal-membri kollha tal-Bord?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Malta Philharmonic Orchestra — Proċeduri ta’ awditjar – allegazzjonijiet minn individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex se jieħu l-proċeduri ta’ awditjar meħtieġa sabiex l-allegazzjonijiet magħmula mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fl-ittra ta’ riżenja tiegħu mill-Orkestra Filarmonika ta' Malta jiġu investigati? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid b’liema mod se jwettaq dan l-awditjar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju qed isiru l-verifiki neċessarji fuq l-allegazzjonijiet li saru. Jekk jirri¿ulta li t-tali allegazzjonijiet huma fondati, ser jittieħdu l-miżuri neċessarji u opportuni. Jingħad ukoll li uħud mill-allegazzjonijiet magħmula pero jeżorbitaw għal kollox il-funzjoni jew interess tal-istess persuna, li dettalji dwaru ngħataw separatament.
Malta Philharmonic Orchestra – principal conductor
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie maħtur l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala principal conductor fl-Orkestra Filarmonika ta' Malta u jindika meta ttieħdet id-deċiżjoni għal tali ħatra u minn min ittieħdet dik id-deċiżjoni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġie maħtur bħala principal conductor fl-Orkestra Filarmonika ta' Malta fl-1 ta’ Settembru 2019.
Id-deċiżjoni ttieħdet fil-11 ta’ April 2019 mill-Bord tad-Diretturi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħatra tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hijiex koperta b’kuntratt, u jekk iva, jippreżenta kopja ta’ dak il-kuntratt quddiem il-Parlament?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ħatra tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hi koperta b’kuntratt li daħal fis-seħħ fl-aħħar ta’ Settembru 2019.
Minħabba n-natura kummerċjali tal-kuntratt u dettalji personali, ma nħossx li kopja tiegħu għandu jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Malta Philharmonic Orchestra – European Foundation for Support of Culture — sponsor
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-European Foundation for Support of Culture hijiex sponsor tal-Orkestra Filarmonika ta' Malta (MPO) u jekk kenitx sponsor ta’ xi parti mill-attivitajiet tal-istess MPO? Jista’ jgħid ukoll f’każ li kienet sponsor, x’tip ta’ sponsorship tat lill-MPO u l-ammont ta’ fondi li l-MPO rċeviet mingħand l-imsemmija fondazzjoni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta bbenifikat minn €7,000 f’direct funding matul Ottubru tas-sena 2016 (€2,000) u Ġunju tas-sena 2018 (€5,000).
Il-fondi ntużaw għal spejjes relatati ma’ kunċerti li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta kienet involuta fihom.
Malta Philharmonic Orchestra – relazzjoni mal-European Foundation for Support of Culture
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Orkestra Filarmonika ta' Malta għandhiex relazzjoni mal-European Foundation for Support of Culture, u jgħid fiex tikkonsisti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Orkestra Filarmonika ta Malta (MPO) u l Fondazzjoni Ewropeja għall-Appoġġ tal-Kultura (EUFSC) jikkolaboraw flimkien f’avvenimenti kulturali bħal per eżempju il-Malta International Music Festival. Barra minn hekk, l MPO tiġi mistiedna biex tieħu sehem f’tours organizzati mill-EUFSC, fejn il-Fondazzjoni hi l-organiżżatur u l-producer ta’ dawn it-tours.
Malta Philharmonic Orchestra – sponsor mingħand Culture and Art Foundation
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Culture & Art Foundation, reġistrata fl-Armenja, qattx tat sponsor lill-Orkestra Filarmonika ta' Malta (MPO) u jekk kenitx sponsor ta’ xi parti mill-attivitajiet tal-istess MPO? Jista’ jgħid ukoll f’każ li kienet sponsor, x’tip ta’ sponsorship tat lil MPO u l-ammont ta’ fondi li l-MPO rċeviet mingħand l-imsemmija fondazzjoni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Culture & Art Foundation, ma tatx sponsor lill-Orkestra Filarmonika ta' Malta (MPO) u ma kinitx sponsor ta’ xi parti mill-attivitajiet tal-istess MPO.
Malta Philharmonic Orchestra – relazzjoni mal-Culture and Art Foundation
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Orkestra Filarmonika ta' Malta għandhiex relazzjoni mal-Culture & Art Foundation, reġistrata fl-Armenja, u jgħid fiex tikkonsisti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Orkestra Filarmonika ta' Malta m’għandhiex relazzjoni mal-Culture & Art Foundation.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12694 u tgħid liema kienu l-kunċerti u l-avvenimenti li ġew organizzati jew sponsorjati mill-MTA/VisitMalta matul is-snin 2018 u 2019? Tista’ tgħid ukoll jekk l-avveniment ġiex organizzat mill-MTA/VisitMalta direttament u esklussivament jew seħħx bi sħubija jew sponsorship mogħti lil terzi?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tagħti sapport u/jew tinvesti f’diversi inizjattivi jew attivitajiet ta’ laqta turistika skont il-kriterji stabbiliti. Matul is-snin 2018 u 2019, l-MTA/VisitMalta organizzat jew sponsorjat kważi 400 kunċert/avveniment.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – tkeċċija ta’ impjegati
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12700 u jgħid jekk dak irrapportat fl-artiklu li jinsab fuq il-link https://timesofmalta.com/articles/view/most-opm-officials-linked-to-keith-schembri-told-to-leave.766188 huwiex minnu u ċjoè li tkeċċew impjegati mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kienu assoċjati mal-individwu msemmi fl-artiklu, u jekk iva jgħid min huma u liema kariga kienu jokkupaw?
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12701 u jgħid kemm-il impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kien impjegat f’dak l-uffiċċju sal-1 ta’ Diċembru 2019 ma għadux impjegat f’dak l-uffiċċju llum? Jista’ jindika min minnhom kien impjegat tal-gvern u min kien fuq ħatra ta’ position of trust?
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12697 u tgħid kemm-il darba jkun hemm kontribut finanzjarju tal-MTA/VisitMalta f’xi avveniment, jekk l-MTA ikollhiex introjtu minn dak l-avveniment u jekk le, tista’ tgħid għand min imur l-introjtu ta’ dak l-avveniment minn bejgħ ta’ biljetti u/jew oġġetti mibjugħa on site waqt l-avveniment?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata mill-MTA li kull proġett għandu n-negozjati tiegħu u hemm diversi mudelli ta kif jingħata l-kontribut min-naħa tal-Awtorità.
Hemm avvenimenti li jiġu organizzati mill-MTA u l-flus jinġabru direttament mill-MTA, oħrajn fejn l-MTA tagħti
sponsorship
finanzjarju biex tgħolli l-kwalità tal-avveniment, oħrajn fejn il-
marketing
barra minn xtutna tal-avveniment jiġi kopert mill-MTA, kif ukoll ikun hemm avvenimenti fejn l-MTA tagħti għajnuna loġistika.
Tista’ l-Ministru tgħid in-numru ta’ avvenimenti li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu diġà kkommettiet ruħha għalihom għas-sena 2020? Tista’ tagħti l-lista ta’ dawn l-avvenimenti u d-deskrizzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Awtorità inkluż l-ammont ta’ flus kommess ma’ kull wieħed minn dawn l-avvenimenti?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nirreferi lill-Ono. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12698. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tagħti sapport u/jew tinvesti f’diversi inizjattivi jew attivitajiet ta’ laqta turistika skont il-kriterji stabbiliti. L-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant ma tistax tingħata.