Legislature:
Category:
Reset
Active:

Public Services Garages — Lista

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ Public Services Garages liċenzjati biex joperaw f’pajjiżna u għal kull garaxx jgħid kemm għandu vetturi reġistrati miegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Public Service Garages – Qafas li jirregola s-servizz provdut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistix xi forma ta’ qafas li permezz tiegħu jirregola s-servizzi provduti mill-Public Service Garages f’pajjiżna u jekk iva, jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – attivitajiet organizzati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka l-attivitajiet li ġew organizzati f’kull Ċentru ta’ Matul il-Jum matul din is-sena sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ klijenti li attendew għal dawn l-attivitajiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi jiġu organizzati diversi attivitajiet għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum. L-attivitajiet huma varji biex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-persuni li jattendu f’dawn iċ-ċentri. Dawn l-attivitajiet jiġu mfassla kemm fuq bażi individwali kif ukoll fi gruppi. L-attivitajiet individwali jinkludu dan li ġej: - Uħud mill-attivitajiet jiġu ndirizzati lejn individwi li, minħabba l-kundizzjoni tagħhom, jistgħu jsibu diffikulta’ biex iwettqu attivitajiet bażiċi ta’ kuljum bħal tindif u qadi domestiku. Dawn l-attivitajiet ikunu mmirati biex l-individwu jerġa’ jikseb l-indipendenza tiegħu. - Jiġu mwettqa wkoll sessjonijiet li jipprovdu l-opportunita’ għal riflessjoni fuq il-ħiliet intrapersonali kif ukoll interpersonali tal-individwi. Sessjonijiet fuq ħiliet interpersonali jindirizzaw kwalitajiet li jintużaw biex persuni jirrelataw man-nies ta’ madwarhom, filwaqt li ħiliet intrapersonali jippermettu li l-persuna jkollha ħiliet fil-komunikazzjoni magħha nfisha biex tgħin il-kwalita’ tar-relazzjonijiet soċjali tal-persuna. Attivitajiet fi gruppi jinkludu: - Sessjonijiet terapewtiċi immirati lejn proġetti, sessjonijiet krejattivi, diskussjoni fi gruppi, gruppi ta’ eżerċizzju fiżiku, xogħol volontarju u ħarġiet soċjali. Isir ukoll taħriġ pre-vokazzjonali u professjonali bħal għarfien ta’ kif wieħed għandu jikteb curriculum vitae , u kif għandu jġib ruħu waqt intervista relatata ma’ mpjieg eċċ. Għal dawk il-pazjenti li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistaw jattendu personalment għal dawn is-sessjonijiet isiru ukoll sessjonijiet permezz ta’ żjarat fid-djar ta’ dawn l-persuni. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn Jannar u Ottubru tal-2017, l-medja fix-xahar ta’ pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali li kienu rreġistrati fiċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Matul il-Jum kien ta’ 240.

Bord tad-Diretturi għas-Saħħa mentali — laqgħat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Bord tad-Diretturi għas-Saħħa Mentali li ilu mwaqqaf mill-bidu ta’ din is-sena u x’rakkomandazzjonijiet fassal dan il-Bord biex jipproponi strateġija ħolisitka għall-kura tas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-bord imsemmi minnu ltaqgħa 4 darbiet.

Servizzi ta' sapport għall-persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali u l-carers tagħhom

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29964 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka fid-dettal is-servizzi kollha ta’ sapport lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u min jieħu ħsiebhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kura għal każijiet akuti tingħata fl-Acute Wards tal-isptar Monte Carmeli u fis-Psychiatric Unit tal-isptar Mater Dei. Fl-isptar Monte Carmeli hemm ukoll sezzjonijiet għal kura ta' rijabilitazzjoni għal dawk il-pazjenti bi problemi ta' dipendenza fuq sustanzi, b’learning disability kif ukoll sezzjoni għal ġerjatrija psikjatrika. Qrib dan l-istess sptar hemm ukoll il-Youth Residency Unit għal tfal u adoloxxenti bi problemi psikjatriċi. Id-dipartiment joffri servizz ta' Out Patients għal psikjatrija tal-adulti, adoloxxenti u tfal. Is-sessjonijiet tal-Out Patients għal adulti isiru f'Mater Dei u f’ 7 kliniċi fil-komunita’ filwaqt li dawk tat-tfal u l-adoloxxenti isiru fl-isptar San Luqa. Il- Liaison Clinics isiru fl-isptar Mater Dei fin- Neuropsychiatry u l- Perinatal Psychiatry u tal-Isptar Karen Grech isiru fis-sezzjoni tal-Ġerjatrija. Fl-isptar Mater Dei hemm ukoll servizz ta' Liaison Psychiatry għas-swali kollha kif ukoll fid-Dipartiment ta' l-Emerġenza. Dan id-Dipartiment imexxi ħames ċentri tas-saħħa mentali fil-komunita’.F’dawn iċ-ċentri jattendu day users . L- Outreach Team huwa tim multidixxiplinarju li jsegwi pazjenti ġo djarhom u l-ambjent tagħhom. Dan it-tim huwa iffukat l-iktar fuq l-pazjenti li jkollhom Treatment Order . Id-Dipartiment jaħdem b'kollaborazzjoni diretta mal-Fondazzjonijiet Dar Kenn Għal Saħħtek, Appoġġ, Sedqa, Caritas, Richmond Foundation u Suret il-Bniedem. Il-kura msemmija hawn fuq tingħata kollha min timijiet multidixxiplinari li jikkonsistu fi psikjatri, tobba, infermiera, psikologi, social workers u occupational therapists .

Programm LEAP – numru ta’ benefiċċjarji

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huwa n-numru ta’ benefiċjarji li huma mill-faxxa tal-faqar u l-esklużjoni soċjali f’kull Ċentru ta’ Riżorsi tal-Familja? X’tip ta’ għajnuna regolari qed tingħata lil dawn il-benefiċjarji minn dawn iċ-Ċentri u kemm hija l-ispiża kull sena biex jitmexxa l-Programm LEAP?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ċentru LEAP – għajnuna lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 31246, jista’ l-Ministru jgħid issa minn liema lokalitajiet ġejjin il-186 persuna li għandhom problemi ta’ saħħa mentali? X’qiegħed isir biex jiġu megħjuna dawn l-individwi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Kunsilli Lokali taż-Żejtun, Wied il-Għajn, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk – inizjattivi rigward faqar u esklużjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ħadu l-Kunsilli Lokali taż-Żejtun, Wied il-Għajn, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk sabiex itaffu l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali f’dawn il-lokalitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li wettaq diversi ħidmiet u inizjattivi bl-iskop li jtaffi l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Fost dawn kollaborazzjoni mal-Istitut Paolo Freire sabiex jgħin tfal jgħelbu l-illitteriżmu, sostenn lid-djar li jospitaw persuni b’diżabilità, fetaħ Ċentru għall-Ħarsien tat-Tfal matul il-jum, u nieda taħriġ bl-isem Għaqal id-Dar b’taħriġ dwar maniġġjar tal-ħin fost l-oħrajn. Dan waqt li jagħti sostenn fil-komunità fuq bazi individwali meta dan jintalab jew meta jiġi nnuntat li hemm il-bżonn. Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li jipprovdi servizzi ta counsellor b’xejn li jiltaqa’ kull ġimgħa ma residenti fil-bżonn. Filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk u Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq tennew li għalkemm mhux konxji ta’ esklużjoni soċjali fil-lokalitàjiet madankollu dawn il-Kunsilli Lokali jorganizzaw diversi korsijiet li jgħinu sabiex tissaħħaħ l-inklużjoni fil-komunità lokali, fosthom korsijiet fl-użu tal-computer u artiġġjanat b’konkorrenza tajba u attendenza varjata.

Sptar Monte Carmeli – reponsabilità għas-saħħa u sigurtà tal-pazjenti u l-ħaddiema

Question

Jistà l-Ministru jagħti spjegazzjoni ta’ min qed jerfa’ r-responsabilità għas-saħħa u s-sigurtà tal-pazjenti u l-ħaddiema fl-Isptar Monte Carmeli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-isptar Monte Carmeli qiegħed fil-proċess li joħroġ sejħa għal Principle Health and Safety Officer ġdid.

Sptar Monte Carmeli – azzjonijiet tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol

Question

Jistà l-Ministru jgħid x’azzjoni qed tieħu l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fuq dak li qed jiġri fl-Isptar Monte Carmeli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika d-domanda tiegħu.

Sptar Monte Carmeli – rapport mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol

Question

Jistà l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fil-każ tal-Isptar Monte Carmeli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika d-domanda tiegħu.

Sptar Monte Carmeli — Pazjent marid bil-Legionella

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid dan il-pazjent kemm kien ilu jiġi kkurat għal din il-kundizzjoni fl-Isptar Monte Carmeli u d-data ta’ meta ġiet ikkonfermata d-djanjożi tal-Legionella?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2221.

Pazjent li miet bil-Legionella – investigazzjoni maġisterjali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk saritx jew jekk hux se ssir investigazzjoni maġisterjali dwar il-każ tal-pazjent li miet bil-Legionella?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2221.

Pazjent li miet bil-Legionella – Spettur Sanitarju

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar mill-Ispettur Sanitarju dwar il-każ tal-pazjent li miet bil-Legionella?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rapporti li tal-Ispettorat tas-Saħħa Ambjentali huma kunfidenzjali.

Supretendent tas-Saħħa Pubblika – ħidma fuq il-każ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid u jikkonferma jekk is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika kienx jew għadux jaħdem b’mod indipendenti fuq il-każ tal-pazjent li miet bil-Legionella sabiex jaqdi dmirijietu skont il-Public Health Act?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2221.

Pazjent – informazzjoni lill-qraba

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’informazzjoni ngħataw il-qraba tal-pazjent li miet bil-Legionella, fir-rigward tal-kawża tal-mewt – cause of death?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-familjari tal-individwu kkonċernat ingħataw kopja taċ-ċertifikat tal-mewt li kien fih il-kawża tal-mewt.

Sptar Monte Carmeli – reservoir ta’ ilma kkontaminat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm damu l-awtoritajiet tal-Isptar jippruvaw jikkontrollaw il-problema tar-reservoirs ikkontaminati? Jista’ jikkonferma li tqabbad konsulent privat sabiex jagħti parir fuq x’għandu jsir?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2221.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunieri li jbatu bi problemi ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li jbatu bi problemi ta’ saħħa mentali? X’kura psikjatrika qed jirċievu dawn il-priġunieri?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hawn 196 priġunier li għandhom problemi relatati ma’ saħħa mentali. 41 minn dawn il-priġuniera, li ġew ċertifikati li jeħtieġ jirċievu kura f’faċilità psikjatrika, jinsabu fit-taqsima tal-Forensic Unit f’Monte Carmeli. 155 priġunier, li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, qegħdin fuq trattament psikjatriku taħt il-kura tal-Konsulenti Psikjatriċi tal-Faċilità. Darbtejn fil-ġimgħa fil-Faċilità jsiru viżti mill-Psikajtra u/jew mit-tim ta’ tobba tagħhom fejn kull darba jsir review ta’ numru ta’ priġuniera. Kuljum fil-Faċilità jkun hawn il-preżenza ta’ tabib mediku u f’każ li tkun meħtieġa l-assistenza psikjatrika, issir referral immedjata għall-Forensic Unit u l-priġunier ikun trasferit mal-mument tar-referral.

Abbużi fuq anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati każijiet ta’ abbuż fuq l-anzjani lill-pulizija fis-sena 2015 u fis-sena 2016 sad-data li tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi peress li s-sistema kompjuterizzata tal-pulizija ma tinkludix kategorija speċifika għal reati relatati ma’ abbuż fuq persuni anzjani, imma t-tip ta' reati imwettqa, l-informazzjoni li setghet tinġabar fiċ-ċirkustanzi kien in-numru ta' rapporti li saru mal-pulizija, kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. Din tkopri reati relatati ma’ abbużi li jinvolvu persuni ta' sittin sena jew aktar, li kienu vittmi, tar-reati kif indikati fit-tabella. Rapporti li jinvolvu vittma/i ta’ età 60 sena jew aktar Tip ta' Rapport 2015 2016 2017 (sa Ottubru) Feriti fuq il-persuna 91 86 52 Vjolenza Domestika 103 113 101 Serq b'armi 8 3 4 Mugging 17 5 6 Snatch & Grab 56 100 37 Total 275 307 200