Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk bejn April u Mejju min kien intitolat għall-mediċina Methylphenidate Slow Release ġiex mogħti l-mediċina branded ‘Concerta’? Jekk iva, jista’ jgħid x'inhi r-raġuni li minn Ġunju dawn il-pazjenti reġgħu bdew jingħataw mediċina ġenerika u ma baqgħux jingħataw mediċina ta' kwalità prima?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi minnu, persuni li kienu intitolati għal methylphenidate slow-release ngħataw mediċina ta’ marka partikolari li tirrifletti l-prodott li ġie mixtri u allura kien disponibbli (Concerta®). Aktar tard, meta ġiet akkwistata ditta oħra ta’ l-istess mediċina, dawn il-pazjenti komplew il-kura tagħhom bit-tieni prodott, peress li l-intitolament tagħhom huwa għall-mediċina ġenerika u mhux għall-marka speċifika. Min-naħa l-oħra, pazjenti li fuq rakkomandazzjoni medika u approvazzjoni tal-bord kompetenti fi ħdan l-EMTC, ġew awtorizzati speċifikament għal Concerta®, kienu u baqgħu jingħataw Concerta®.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid:
i. għaliex il-mediċina Lisdexamfetamine (magħrufa bl-ismijiet kummerċjali Elvanse u Elvanse Adult), minkejja li hija awtorizzata fil-livell tal-Unjoni Ewropea u tirrappreżenta għażla terapewtika importanti b'mod partikolari għal dawk il-pazjenti li ma jirrispondux b'mod adegwat għall-methylphenidate, għadha mhijiex inkluża fil-Formularju tal-Gvern u għaldaqstant mhijiex aċċessibbli għall-pazjenti Maltin permezz tal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC); u
ii. jekk il-Ministeru hux beħsiebu jinkludi din il-mediċina fil-Formularju tal-Gvern, u jekk iva, meta huwa mistenni li dan iseħħ, u jekk le, x'inhuma r-raġunijiet li wasslu għal din id-deċiżjoni?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 1913.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hix diġà ġiet ikkunsidrata l-possibbiltà li tidħol fil-Formularju tal-Gvern il-mediċina importanti fl-ADHD magħrufa bħala Lisdexamphetamine? Jekk iva, jista' jgħid għalfejn dan id-dewmien sabiex din tidħol?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mediċina qed tiġi kkunsidrata flimkien mal- Guanfacine u mediċini oħra. Qed isir kull sforz biex dawn il-mediċini jimxu ’l quddiem, sabiex ikollna firxa aktar wiesgħa ta’ għażliet terapewtiċi għall-immaniġġjar tal-ADHD.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkunsidra li l-mediċina Guanfacine 1, 2 u 3mg tidħol fil-Formularju tal-Gvern taħt il-ħames skeda peress li din hija l-iktar mediċina safe li tista' tintuża f'kundizzjonijiet ta' newrodiversità u hija għolja għall-konsumatur b'riskju li minflok, jintużaw antipsikotiċi li mhumiex daqshekk rakkomandati fit-tfal?
Response (BORG, IAN)
Filwaqt li nirringrazzja lill-Onor. Interpellant tal-mistoqsija tiegħu, ninfurmah li din l-osservazzjoni qiegħda tiġi kkunsidrata.
Estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza u l-bini tal-Acute Psychiatric Unit
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-kuntratt relatat mal-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza u l-bini tal-Acute Psychiatric Unit hux se jiġi onorat u implimentat skont il-ftehim?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Dipartiment tal-Emerġenza - Kuntratt ta’ privatizzazzjoni
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-kuntratt dwar il-privatizzazzjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza skadiex jew ġiex itterminat? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx l-intenzjoni li dan jiġġedded jew jinħareġ kuntratt ġdid?
Dipartiment tal-Emerġenza - Kuntratt ta’ privatizzazzjoni - Spiża
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm sewa lill-Gvern il-kuntratt dwar il-privatizzazzjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Dipartiment tal-Emerġenza - Kuntratt ta’ privatizzazzjoni
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-kuntratt dwar il-privatizzazzjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza għadux fis-seħħ jew jekk skadiex?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt dwar l-‘Outsourcing of Emergency Services’ għadu viġenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti bħalissa ġewwa l-Isptar Mount Carmel u kemm minn dawn il-pazjenti qegħdin hemm għall-kura mentali relatata mal-abbuż tad-droga?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 264 pazjenti ġewwa l-Isptar Mount Carmel. 55 huma għall-kura mentali relatata mal-abbuż tad-droga
Sptar Mater Dei — Ammissjonijiet fis-sena 2023 relatati ma’ overdose u abbuż tad-droga
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ammissjonijiet ġewwa l-Isptar Mater Dei fis-sena 2023 b'overdose jew kundizzjonijiet mediċi relatati mal-abbuż tad-droga?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qegħda tinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika l-għanijiet tal-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Mentali u x’qiegħed isir biex dawn l-għanijiet jintlaħqu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed nerga inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Mentali. Dan diġa kien tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra fis-seduta 249, tas-17 ta’ Lulju tal-2019.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hemm professjonisti neqsin fil-qasam tas-saħħa mentali fil-preżent f’pajjiżna? Xi professjoni jħaddnu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 543 professjonist jagħti s-servizzi tiegħu fil-qasam tas-Saħħa Mentali. Peress illi qiegħed isir żvilupp kbir f’dan il-qasam, il-compliment tal-professjonisti qiegħed dejjem jiżdied.
Għajnuna lill-familji ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’sapport qiegħed jingħata lill-familji li jieħdu ħsieb xi membru tal-familja tagħhom, li għandu problema ta’ saħħa mentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Occupational Therapists li jaħdmu fil-komunita’ joffru tagħrif, pariri u sapport professjonali lill-familjari ta' klijenti li jużaw dawn is-servizzi. Dawn isiru l-iktar fuq bażi individwali peress li jingħata servizz li jiffoka fuq il-persuna. Is-sessjonijiet jingħataw face-to-face, bit-telefon jew online.
L-Occupational Therapists li jaħdmu fil-komunita’ jiġu nvoluti (skont l-imxija tal-Covid-19 u pariri tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika) fi gruppi ta’ tagħrif u tagħlim, pero ma jsirx biss mal-familji li jibbenfikaw mis-servizzi tagħna. Fuq il-punti tal-istrateġija nazzjonali, l-Occupational Therapists qed jaħdmu biex jilħqu kemm jista’ jkun familji u dan qed isir permezz ta’ webinars online, li jsiru darba f’xahar u huma miftuħin kemm għal-service users u l-familjari tagħhom, kif ukoll għall-pubbliku. Isir ukoll kollaborazzjoni ma’ diversi NGO’s biex il-qraba jingħataw pariri u tagħlim professjonali.
Il-qraba ta' persuni b'diffikulta’ ta' saħħa mentali, skont il-bżonn, u kemm jista' jkun f'ħidma terapewtika id f'id mal-pazjent:
- jiġu mistiedna għall-ward round
- jiġu riferuti għas-servizz tal-qraba fl-Isptar Monte Carmeli
- jingħataw tagħrif dwar l-għaqdiet mhux governattivi, bħal Mental Health Association
- jingħataw appoġġ u gwida mill-occupational therapist, b'kollaborazzjoni ma' membri oħra tat-tim multidixxiplinarju
- qraba u out-patients għandhom il-faċilita li jagħmlu kuntatt telefoniku.
Minn naħa tad-Dipartiment tal-Psikoloġija jiġu offruti sessjonijiet ta' terapija psikoloġika lill-qraba tal-pazjenti li jkollhom bżonn jidħlu l-isptar Monte Carmeli. Jiġu offruti wkoll sessjonijiet ta' Family Therapy fejn ikun hemm bżonn. Minn Lulju ta’ din is-sena se jiġu offruti sessjonijiet f'ambjent ta' gruppi lill-familjari tal-pazjenti li jiddaħħlu l-isptar. Il-familjari tal-pazjenti li jirċievu l-kura fil-komunita' ukoll ikollhom l-opportunita' li jirċievu sessjonijiet ta' terapija psikoloġika jekk dawn ikunu jixtiequ. Id-Dipartiment tal-Psikoloġija flimkien mal-konsulent Psikjatra qed iħejju pjanijiet biex fiż-żmien li ġej jibda jiġi offrut ukoll sapport f'ambitu ta' grupp lill-qraba tal-pazjenti tal-Acute Wards ġewwa l-isptar Monte Karmeli.
Il-pazjenti li jirċievu l-kura fil-kliniċi tas-saħħa mentali fil-komunita, jiġu segwiti flimkien mal-familjari tagħhom skont il-ħtieġa u jingħataw ukoll sapport u sostenn bħala unit wieħed, dejjem jekk il-pazjent jagħti kunsens għal dan. Il-professjonisiti fejn hemm bżonn jirreferu wkoll l-membri familjari skont il-ħtieġa għas-servizz meħtieġ. Tingħata wkoll edukazzjoni fuq il-kundizzjoni mentali lil-familjari u kif dawn għandhom jassistu lil persuna qarib/a tagħhom u kif dawn jistgħu jgħinu lill-pazjent fil-management tal-mediċini li jkunu ġew preskritti mill-psikjatra kuranti.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17701, tista’ l-Ministru tgħid jekk ħarġitx sejħa pubblika ġdida biex jerġa’ jinbena l-Proġett Vajrita billi hemm lista twila ta’ stennija ta’ persuni li jixtiequ jirċievu s-servizzi taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u tad-Djar Residenzjali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħarġu diversi sejħiet pubbliċi sabiex jibda x-xogħol fuq il-proġett u kien hemm diversi sottomissjonijiet. Fil-preżent għaddej xogħol amministrattiv dwar is-sejħa pubblika relatata mat-twaqqiegħ tal-binja. Sejħiet pubbliċi oħra għadhom mhumiex magħluqa. Sadattant il-persuni b’diżabilità kollha li kienu qed jirċievu servizz ta’ matul il-jum jew residenzjali mill-kumpless Vajrità qed jingħataw is-servizz meħtieġ minn binjiet oħra u għalhekk ma kienx hemm waqfa fl-għotja tas-servizzi lil dawn il-persuni.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew irrapurtati każi ta' COVID-19 s'issa fl-iskejjel kollha u kemm qed idumu biex jiġu infurmati l-ġenituri tat-tfal meta jinstab xi ħadd pożittiv fil-klassi tat-tfal tagħhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn meta fetħu l-iskejjel f’Ottubru 2020 sal-11 ta’ Frar 2021 ġew irrappurtati u investigati 2227 każ ta’ Covid-19 fl-entitajiet edukattivi kollha. Dan jinkludi childcare centres, kindergartens, skejjel primarji u sekondarji kif ukoll entitajiet edukattivi post-sekondarji. Il-persuni pożittivi jinkludu studenti, għalliema u ħaddiema oħra li għandhom x’jaqsmu mal-qasam edukattiv bħal staff klerikali, cleaners, ħaddiema tal-maintenance, bus drivers eċċ.
Malli l-iSchools Contact Tracing Team ikun infurmat b’każ pożittiv għall-Covid-19 fi skola jikkomunika mal-liaison officer ta’ dik l-iskola sabiex jinfurmah bid-deċiżjoni li tkun ittieħdet ibbażata fuq ir-risk assessment li jkun sar. Il-liaison officer b’hekk ikun jista’ jinforma lill-ġenituri li kien hemm każ pożittiv fl-iskola u li l-każ ikun inħadem minn naħa tal-iSchools Contact Tracing Team. Minn naħa tiegħu l-iSchools Contact Tracing Team jikkuntattja lil dawk il-ġenituri li t-tfal tagħhom ikunu ġew identifikati li jridu jitpoġġew fi kwarantina mandatorja biex jinfurmahom b’din id-deċiżjoni. Ħafna drabi l-kuntatt mal-ġenituri kkonċernati minn naħa tal-Ischools Contact Tracing Team isir dak in-nhar jew l-għada li l-każ pożittiv ikun identifikat u tkun waslet l-informazzjoni mill-iskejjel.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li qed jintbagħtu Security Officers impjegati mal-Primary Health Care, jagħmlu xogħol b’sahra kemm matul il-ġurnata kif ukoll bil-lejl, barra mix-xogħol li jaħdmu s-soltu, f’postijiet bħal Gzira Health Centre li bħalissa jinsab magħluq, minħabba xogħlijiet li qed isiru fiha, għaldaqstant is-servizz ta’ watchman huwa suffiċjenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa qed isir xogħol estensiv ta’ immodernizzar u rinovazzjoni fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-G¿ira , li dan iċ-Ċentru jagħmel parti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja.
Għaldaqstant, dan id-dipartiment qed jutilizza
security guard
tiegħu kuljum sabiex jissorvelja l-post u dak kollu li hemm ġewwa fih fuq ba¿i ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Barra minn hekk, is-security guard huwa wkoll responsabbli biex jieħu t-temperatura ta’ kull
min ikun irid jidħol fil-post u jieħu l-mi¿uri kollha neċessarji skont il-ħtieġa.
Is-security guards huma mpjegati tal-Primary HealthCare u għaldaqstant ma nħassitx il-ħtieġa li jitqabbad watchman.
Vaċċin tal-COVID-19 — Persuna responsabbli għall-Koordinazzjoni tar-Roll out
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min hi l-persuna responsabbli mill-koordinazzjoni tar-roll out tal-vaċċin tal-COVID-19 f'Malta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġie maħtur koordinatur, li flimkien ma nies oħrajn iffurmaw tim sabiex imexxi l-loġistika tat-tilqim.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-koordinazzjoni tal-għoti tal-vaċċin tal-COVID-19 hux qed issir mill-Isptar Mater Dei, mid-Dipartiment tas-Saħħa, mill-Ministeru għas-Saħħa jew minn xi entità oħra?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 18410.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, kemm-il vaċċin wasal Malta maqsum ġimgħa b'ġimgħa? Kemm hu t-total ta' vaċċin li wasal Malta? Ġimgħa b'ġimgħa kemm ingħata vaċċin u kemm hu t-total tal-vaċċin li ngħata s'issa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-31 ta’ Jannar ġew amministrati 27,759 dożi tal-vaċċin tal-Covid li minnhom 3,948 kienu tat-tieni doża.
Ninfurmah ukoll illi sal-bieraħ kienu waslu Malta total ta’ 46,080 doża tal-vaccin tal-Covid 19.
Matul il-ġurnata tal-lum mistenni li jaslu aktar dożi.