Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Isptar Mount Carmel – YPU – Pazjenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ pazjenti rikoverati preżentement fl-Isptar Mount Carmel fis-sezzjoni tal-Young People’s Unit (YPU) li toffri kura speċjalizzata għat-tfal u għall-adolexxenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li attwalment hemm 3 pazjenti rikoverati fil-Young People’s Unit (YPU) tal-Isptar Mount Carmel, li tipprovdi kura speċjalizzata għat-tfal u l-adolexxenti.

L-Isptar Mount Carmel – Dual diagnosis – Pazjenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ pazjenti fl-Isptar Mount Carmel li qed jirċievu kura għas-saħħa mentali b’konsegwenza ta’ abbuż ta’ droga, jiġifieri dawk il-pazjenti li jaqgħu taħt il-kategorija magħrufa bħala dual diagnosis?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ pazjenti rikoverati fl-Isptar Mount Carmel li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ dual diagnosis huwa ta’ 39 pazjent.

Servizz tas-Saħħa – Psikjatri, psikologi, psikoterapisti u social workers full-time

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm psikjatri jaħdmu mas-Servizz tas-Saħħa full-time? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm psikologi, psikoterapisti u social workers jaħdmu full-time mas-Servizz tas-Saħħa?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

L-Isptar Mount Carmel – In-patients

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti ġewwa l-Isptar Mount Carmel bħala in-patients fil-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-pazjenti qegħdin għal kura ta’ saħħa mentali, użu tad-droga jew sustanzi abbużivi?

Response (BORG, IAN)

Infurmat li fl-Isptar Mount Carmel, li huwa faċilita' għal kura tas-saħħa mentali, fil-preżent hemm 235 pazjent.

Każi mediċi u mwiet relatati ma’ temperaturi ambjentali għoljin

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ ammissjonijiet fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex relatati ma’ problemi ta’ saħħa kkawżati minn temperaturi ambjentali għoljin matul ix-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju 2026? Kif jitqabblu dawn iċ-ċifri ma’ dawk għall-istess perjodu fl-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew iċċertifikati mwiet li kienu konsegwenza diretta tal-effett tas-sħana f’Malta matul l-istess perjodi fl-2026 u fl-2025?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizz ta’ kimoterapija ambulatorja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ġie introdott is-servizz ta’ kimoterapija ambulatorja għal pazjenti morda bil-kanċer f’pajjiżna? Jista’ jgħid ukoll: i.    liema tip jew tipi ta’ kanċer qegħdin jiġu trattati b’dan il-mezz ta’ kimoterapija; ii.   kemm ġew trattati s’issa pazjenti b’kimoterapija ambulatorja minn meta ġie offrut dan is-servizz; u iii.  x’tip ta’ kimoterapija ambulatorja qiegħda tiġi amministrata u jekk hemmx il-ħsieb li dan is-servizz ta’ trattament onkoloġiku jkun estiż għal firxa aktar wiesgħa ta’ tipi differenti ta’ kanċer?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta’ kimoterapija ambulatorja ġie ntrodott f’Ottubru 2023. Bħalissa, il-kimoterapija ambulatorja qed tintuża prinċipalment għat-trattament ta’ pazjenti bil-kanċer tal-musrana (Colorectal Cancer) u kanċer tal-parti ta’ fuq tal-passaġġ gastrointestinali (Upper GI Cancer). Minn meta beda jiġi offrut is-servizz tal-kimoterapija ambulatorja, ġew trattati madwar 100 pazjent. L-unika kimoterapija li tista’ tiġi amministrata b’mod ambulatorju hija 5-Fluorouracil (5-FU), li tingħata permezz ta’ infużjoni kontinwa għal perjodu ta’ madwar 40 sa 42 siegħa. Dan jippermetti lill-pazjent jirċievi t-trattament u mbagħad imur lura d-dar, mingħajr il-ħtieġa li jibqa’ rikoverat l-isptar matul dan il-perjodu.

EHIC - Talbiet għal rimborż – Żmien medju

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhu ż-żmien medju li jgħaddi bejn meta titressaq talba għal rimborż lil pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea u meta effettivament jasal il-ħlas, u jekk hemmx talbiet li ilhom pendenti aktar minn sena? Jekk iva, jista’ jgħid x'passi qed jittieħdu biex dawn jinġabru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pagamenti jaqgħu taħt il-liġi ta’ l-Unjoni Ewropeja bin-numru 987/09.

EHIC – Talbiet għal rimborż – Ammont imħallas

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mill-valur totali tat-talbiet għal rimborż imressqa lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea permezz tas-sistema tal-EHIC matul l-aħħar sitt xhur, effettivament tħallas u daħal fil-kaxxa ta' Malta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u liema pajjiżi għandhom l-akbar ammonti pendenti?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

EHIC – Talbiet għal rimborż

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il talba għal rimborż tressqet mill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea permezz tas-sistema tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC/E-111) għal servizzi mogħtija fl-Isptar Mater Dei matul l-aħħar sitt xhur u x'kien il-valur totali ta' dawn it-talbiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu 2026 u l-31 ta’ Awwissu 2026, l-Isptar Mater Dei irreġistra 3,892 każ relatat ma’ pazjenti koperti taħt is-sistema EHIC/E-111, bil-kontijiet tagħhom jiġu riferuti lill-Uffiċċju tal- Entitlement biex issir it-talba ta’ rimbors mill-pajjiż rispettiv. Il-valur totali mitlub għal dawn il-kontijiet ammonta għal €3,729,853.94.

L-Isptar Mater Dei – Flus dovuti minn pazjenti barranin

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus dovuti lill-Isptar Mater Dei minn pazjenti barranin matul l-aħħar sitt xhur, u kemm minn dan l-ammont ġie rkuprat mill-isptar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x'miżuri qed jittieħdu biex jinġabar il-bilanċ pendenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu 2026 u l-31 ta’ Awwissu 2026, l-Isptar Mater Dei ffattura servizzi b’valur ta’ €3,056,208.12 lill-pazjenti li kienu suġġetti għal ħlas dirett. Minn dan l-ammont, €1,779,624.39, ekwivalenti għal 58.2%, ġew irkuprati jew regolarizzati, filwaqt li €1,276,583.73 baqgħu pendenti fid-data tal-analiżi. L-Isptar Mater Dei jopera proċess strutturat ta’ kontroll tal-kreditu li jibda mill-ħruġ tal-kont, li fil-maġġoranza tal-każijiet issir fil-ħin tar-rilaxx tal-pazjent b’mod mediku. F’dan l-istadju, il-pazjent jingħata spjegazzjoni ċara dwar il-mezzi kollha disponibbli sabiex jiġi regolarizzat il-ħlas dovut. Fejn ikun hemm polza tal-assigurazzjoni fis-seħħ, il-pazjent jingħata l-assistenza meħtieġa sabiex il-kumpanija tal-assigurazzjoni tingħata d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kollha relevanti sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-garanzija tal-ħlas. Meta l-ispejjeż mediċi ma jkunux koperti mill-polza tal-assigurazzjoni, jew meta l-pazjent ma jkollux assigurazzjoni valida, il-pazjent jintalab iħallas l-ammont dovut direttament. F’każijiet fejn il-ħlas immedjat ma jkunx possibbli, l-Isptar jista’ jidħol f’arranġamenti ta’ ħlas skedat mal-pazjent. Il-ħlasijiet taħt dawn il-ftehimiet jiġu segwiti regolarment mid-dipartiment tal-Billing sabiex jiġi żgurat li l-obbligi miftehma jiġu osservati. Il-każijiet kollha pendenti huma segwiti b’mod attiv permezz ta’ ittri ta’ tfakkira, komunikazzjoni telefonika u kuntatt dirett mal-pazjent jew mar-rappreżentanti tiegħu. Fejn dawn il-miżuri ma jwasslux għar-regolarizzazzjoni tad-dejn, l-Isptar jieħu l-passi ulterjuri previsti, inkluż ir-riferiment għal proċeduri legali għall-irkupru tal-ammonti dovuti.

L-Isptar Mater Dei – Ħlas għas-servizzi mogħtija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mill-pazjenti kollha li kienu obbligati jħallsu għas-servizzi mogħtija mill-Isptar Mater Dei matul l-aħħar sitt xhur, kemm kienu ċittadini tal-Unjoni Ewropea mingħajr EHIC, u kemm kienu ċittadini ta' pajjiżi terzi? Jista’ jgħid ukoll x’kien il-perċentwal ta’ dawk li fil-fatt ħallsu għas-servizzi li ngħatawlhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu Marzu – Awwissu 2026, kien hemm 597 kont relatat ma’ trattamenti mogħtija lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea (li ma kellhomx EHIC) u 2,361 kont relatat ma’ trattamenti mogħtija lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Mill-valuri totali: Ċittadini tal-UE: tħallas 63.1% (€344,988.89 minn €547,015.47) Ċittadini ta’ pajjiżi terzi: tħallas 57.2% (€1,436,203.83 minn €2,509,192.65)

L-Isptar Mater Dei – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi l-proċedura li tiġi segwita fil-każ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (non-EU) li jattendu fl-Isptar Mater Dei kemm fid-Dipartiment tal-Emerġenza kif ukoll għal kwalunkwe ammissjoni jew proċedura sussegwenti? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn jiġux iċċarġjati, u b’liema tariffi?

Response (BORG, IAN)

Infurmat li fl-Isptar Mater Dei, kull pazjent li jattendi fid-Dipartiment tal-Emerġenza jew għal ammissjoni sussegwenti jingħata l-kura medika meħtieġa skont il-kundizzjoni klinika tiegħu. Il-proċess ta’ verifika tal-intitolament u l-arranġamenti ta’ ħlas isiru matul il-passaġġ tal-pazjent fl-isptar meta l-pazjent ikun klinikament stabbli u jkun sigur li jsiru tali arranġamenti. Meta ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx intitolat għal kura mingħajr ħlas, il-kontijiet jinħarġu skont it-tariffi applikabbli stabbiliti taħt l-Att dwar il-Ħlasijiet għall-Kura tas-Saħħa (Healthcare Fees Act) u l-leġiżlazzjoni relatata. Matul l-ewwel sena ta’ residenza tagħhom f’Malta, ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma normalment meħtieġa jkunu koperti b’polza privata ta’ assigurazzjoni tas-saħħa. F’dawn il-każijiet, l-Isptar Mater Dei jagħmel il-proċess meħtieġ sabiex l-ispejjeż tal-kura jiġu rkuprati mill-assigurazzjoni rispettiva fejn il-kopertura tkun applikabbli. Fejn l-ispejjeż ma jkunux koperti mill-assigurazzjoni jew fejn ma teżistix kopertura valida, il-pazjent jintalab iħallas għall-kura u s-servizzi mogħtija. L-uffiċjali finanzjarji tal-Isptar Mater Dei jsegwu l-kontijiet pendenti permezz tal-proċeduri stabbiliti ta’ kontroll u rkupru tad-dejn, inkluż kuntatt mal-pazjent, segwitu għal dokumentazzjoni nieqsa, arranġamenti ta’ ħlas fejn applikabbli u segwitu mal-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Meta l-miżuri kollha ta’ rkupru tad-dejn ma jwasslux għall-ġbir tal-ammont dovut, il-każ jista’ jiġi riferut għal passi legali skont il-proċeduri stabbiliti tal-Isptar Mater Dei.

L-Isptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – Pazjenti mingħajr EHIC

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi l-proċedura li tiġi segwita fil-każ ta' ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jattendu d-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei mingħajr il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC/E-111)? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn jiġux iċċarġjati għas-servizzi mogħtija, u jekk iva, b’liema tariffi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li meta ċittadini tal-Unjoni Ewropea jattendu d-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei mingħajr l-EHIC, dawn jistgħu iħallsu u jiġu rimborżati minn pajjiżhom meta jmorru lura u jippreżentaw l-irċevuti oriġinali, jew jintalab Ċertifikat Proviżorju lill-istituzzjoni kompetenti fejn ikun inxurjat iċ-ċittadin mill-Entitlement Unit.

EHIC – Pazjenti li jiġu ammessi għal aktar kura

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ċittadin tal-Unjoni Ewropea fil-pussess tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC/E-111) li, wara li jattendi d-Dipartiment tal-Emerġenza, ikollu bżonn ammissjoni bħala pazjent residenti (inpatient) jew proċeduri mediċi jew kirurġiċi, jibqax intitolat għal servizz bla ħlas? Jekk le, jista' jgħid jekk dan il-pazjent jiġix iċċarġjat mill-isptar għal dawn is-servizzi u b’liema tariffi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-EHIC tkopri kura medika urġenti li ma tkunx ippjanata waqt żjara temporarja skont dak li jiddeċiedi t-tabib mediku responsabbli għall-kura tal-pazjent.

EHIC – Rimborż mill-pajjiż tal-oriġini tal-pazjent

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi l-proċedura li tintuża mill-Isptar Mater Dei u mill-awtoritajiet tas-saħħa biex jintalab u jinġabar rimbors mill-pajjiż tal-oriġini ta' ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jattendi d-Dipartiment tal-Emerġenza u li jkun fil-pussess tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC/E-111)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-proċedura hija bbażata fuq dak li hu stabbilit fir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea.

L-Isptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – Attendenzi – EHIC

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, kemm minn dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li attendew id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei matul l-aħħar sitt xhur, kienu fil-pussess tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC, li ħadet post il-formola E-111)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul il-perjodu Marzu – Awwissu 2026, in-numru ta’ pazjenti rreġistrati bl-użu tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) ġewwa l-Isptar Mater Dei kien kif ġej: Xahar                 Numru Marzu                 433 April                   472 Mejju                  591 Ġunju                 704 Lulju                   963 Awwissu             1040

L-Isptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – Attendenzi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna li mhijiex ċittadina Maltija attendiet id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei matul l-aħħar sitt xhur, maqsuma bejn ċittadini ta' pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u ċittadini ta' pajjiżi terzi (non-EU)?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni miġbura permezz tas-sistema administrattiva tal-Isptar Mater Dei, n-numru ta’ attendenzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza minn April sa Settembru 2026 jinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: Number of Registered A&E Attendances Hospital identification/ID card letter April to September 2026 (provisional) Maltese & Gozitan (M,L,P, G, H) 57684 Non-Maltese Residents and Registered EU Nationals (A) 13752 Foreigners and non-registered EU Nationals (F) 7634 New Born/Children (C) 350

L-Isptar Mater Dei – Psychiatric Unit

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal il-proġett biex jinfetaħ is-Psychiatric Unit fl-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid ukoll jekk ġewx identifikati infermiera speċjalizzati fil-qasam tas-saħħa mentali sabiex imexxu dan il-unit, u jekk iva, x’taħriġ ingħataw?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Unit tal-Psikjatrija se tiftaħ bħala parti mill-proġett tal-espansjoni tal-Emerġenza fi ħdan l-Isptar Mater Dei, liema proġett inbeda x-xogħol fuqu f’ Awwissu li għadda. Infurmat li ġew identifikati numru ta’ nfermiera biex jaħdmu fis-sala Psychiatric Unit fl-Isptar Mater Dei. L-infermiera huma speċjalizzati fil-psikjatrija u mħarrġa fl-isptar Monte Karmeli, u għandhom esperjenza ta’ xogħol fis-swali varji fosthom fis-swali tal-Admissions tal-Isptar Monte Karmeli. L-infermiera li jaħdmu Monte Karmeli għandhom esperjenza vasta tax-xogħol fil-psikjatrija.

Mediċini fis-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema mediċini fis-saħħa mentali, minbarra Sertraline u Escitalopram, qed jiġu kkunsidrati biex jingħataw b’xejn fuq il-ħames skeda? Jista' jgħid ukoll kemm ilu quddiem il-Ministeru għall-konsiderazzjoni r-rapport tal-esperti psikjatriċi li jirrakkomanda x’mediċini b’xejn għandhom jingħataw lill-pazjenti u jqiegħed dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-clinical pathway ġiet sottomessa fl-2021. Minn dak iż-żmien il-mediċini għaddew mill-proċessi ta’ evalwazzjoni u akkwist, b’uħud minnhom, inkluż is-Sertraline, diġà ġew introdotti u oħrajn bħall-Escitalopram u oħrajn mistennija jkunu disponibbli dalwaqt.

Mediċini Sertraline u Escitalopram

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li l-Gvern kien ilu s-snin jikkonsidra li jdaħħal fil-Formularju tal-mediċini b’xejn l-iktar żewġ mediċini użati f’Malta għall-ansjetà u d-dipressjoni u ċjoè; is-Sertraline u l-Escitalopram, u jgħid jekk dawn ġewx mixtrija mingħand l-aġent qabel l-aħħar ta’ Mejju 2026 imma għandhom ma ngħatawx? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex? Fid-dawl li l-Gvern issa ħabbar l-introduzzjoni tas-Sertraline fuq il-formolarju tal-Gvern, jista’ jagħti indikazzjoni ċara dwar meta l-mediċina Escitalopram ser issib postha fuq il-formolarju għall-benefiċċju ta’ pazjenti bi problemi ta' saħħa mentali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s-sertraline daħal fil-formularju u l-escitalopram wasal biex jidħol ukoll fil-futur qarib.