Legislature:
Category:
Reset
Active:

Legalizzazzjoni ta’ dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba kellu għal-legalizzazzjoni ta’ dokumenti bejn Jannar 2017 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ dokumenti li ġew illegalizzati bejn l-1 ta’ Jannar u l-14 ta’ Settembru 2017 kien ta’ sitta u għoxrin elf,mitejn u tlieta u erbgħin (26,243).Dan ifisser li f’disa’ xhur tmint elef,tliet mija u disgħa u ħamsin (8,359) persuna ġiet biex tinqeda mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni Kummerċjali.

Pajjiżi tal-Amerika Latina, Amerika Ċentrali, pajjiżi Ażjatiċi u oħrajn Ewropej – ftehim pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ftehim pendenti ma’ pajjiżi tal-Amerika Latina, tal-Amerika Ċentrali, pajjiżi Ażjatiċi u oħrajn Ewropej?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 57 ftehim li preżentament qegħdin fil- proċess ta’ negozzjati mal-pajjiżi tal-Amerika Latina, tal-Amerika Ċentrali, pajjiżi Ażjatiċi u oħrajn Ewropej, li huma elenkati: Kontinent Numru ta’ Ftehim Amerika Latina 14 Amerika Ċentrali 3 Asja 24 Ewropa 16

Ħatriet ta’ konsli ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħatru konsli ġodda minn Jannar 2017 u f’liema reġjuni għandhom ġurisdizzjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Mill-bidu tas-sena 2017 ġew appuntati seba’ konsli onorarji. Il-pajjiżi u l-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-konsli huwa kif ġej: Konsli Onorarji Belt Pajjiż Ġurisdizzjoni Montpellier Franza Fuq id-Dipartimenti ta’ Hérault, Aude u Pyrénées-Orientales Almere Olanda Fuq il-Provinċji ta’ Groningen, Friesland, Drente, Flevoland, Overijssel u Gelderland Munich Ġermanja Fuq l-istat tal-Bavarja Oviedo Spanja Fuq il-Prinċipat ta’ Asturias Venezja Italja Fuq ir-Reġjun tal-Veneto Vigo Spanja Fuq il Komunita’ Awtonoma ta’ Galicia Medan Indoneżja Fuq il-Gżira ta’ Sumatra li tinkludi l-provinċji ta’ Aceh, North Sumatra, West Sumatra, Riau, Riau Island, Jambi, Bengkulu, South Sumatra, Bangka-Belitung Islands u Lampung
Leg 13 PQ #1223 Sitting 23 2017-10-04 Oral · Final From: STEFAN ZRINZO AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Wirt Għawdex — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta’ xogħlijiet li saru mill-Ministeru b’kollaborazzjoni ma’ Wirt Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Tisbiħ tal-blokok ta’ akkomodazjoni soċjali eżisteni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-Gvern dwar it-tisbiħ tal-blokok tal-akkomodazzjoni soċjali diġà eżistenti? Kemm-il talba kien hemm mir-residenti għal manutenzjoni fil-komun tal-blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali fl-aħħar snin u kemm intefqu flus?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema snin qed jirreferi.

Relazzjoni tal-Gvern ma’ Fondazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi r-relazzjoni tal-Gvern mal-Fondazzjoni Richmond?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali għandu tlett Public Social Partnerships mal-Fondazzjoni Richmond. Is-servizzi offruti mill-Fondazzjoni Richmond huma s-segwenti: · Programm ‘Innoċenti’ (Kids in Development), · Villa Chelsea, u · Supportive Housing Scheme. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, din is-sena, il-Gvern alloka ftit aktar minn nofs miljun ewro lil Richmond Foundation sabiex tkun tista’ toffri is-servizzi tagħha skont il-ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat.

Bini ta’ akkomodazzjoni affordabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-proġetti ta’ bini ta’ akkomodazzjoni affordabbli u x’qed isir biex jiġi assigurat li dan l-iżvilupp iħalli impatt ekonomiku u soċjali pożittiv fil-komunità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li tlesta x-xogħol ta’ skavar fis-siti ta’ Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ B, Ħal Kirkop B u Ħal Kirkop C, bħalissa għaddejjin u qed jitkompla xogħol ta’ skavar fis- siti ta’ Ħal Kirkop D, Siġġiewi u Qrendi B. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li l-Housing Projects Management Unit hija responsabbli mill-iskavar ta’ dawn is-siti, l-kostruzzjoni u l- finishes tal-istess sit qed jieħdu ħsiebhom il- Malita Investments plc .

Servizz fil-komunità għal min kellu bżonn assistenza fl-applikazzjonijiet tal-akkomodazzjoni

Question

Wara li kien twaqqaf is-servizz fil-komunità lil nies li kellhom bżonn assistenza fl-applikazzjonijiet tal-akkomodazzjoni u tagħrif ieħor dwar id-drittijiet tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qiegħed jippjana li jibda xi servizz ta’ dan it-tip?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar ma waqfet l-ebda tip ta’ servizz dwar assistenza fl-applikazzjonijiet tal-akkomodazzjoni u tagħrif ieħor dwar id-drittijiet tagħhom fil-komunità. Is-servizz kien u għadu jingħata mill-uffiċjali tal-Customer Care tal-Awtorita’ tad-Djar, kif ukoll f’diversi Ċentri tal-Leap madwar Malta. Dawn is-servizzi ma jingħatawx biss lill-applikanti għall-Akkomodazzjoni Soċjali izda lill-applikanti kollha li jiġu bżonn tal-għajnuna tal-Awtorità tad-Djar.

Awtorità tad-Djar – skemi eżisteni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir dwar l-iskemi eżistenti tal-Awtorità tad-Djar biex jiġi assigurat li qed jolqtu lil dawk li verament jistħoqqilhom u biex is-servizz ikun wieħed xieraq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar għandha diversi modi biex tassigura li l-iskemi tagħha jolqtu lill-persuni li verament għandhom bzonn. Fosthom billi: · Jsir kuntatt kontinwu mal-klijenti permezz tal-Customer Care Unit fi ħdan l-Awtorità tad-Djar u l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali; · Jsir kuntatt ta’ outreach billi jnkunu preżenti fl-uffiċini ta’ Leap ġewwa il-lokalitajiet ta’ Qawra, Msida, Qormi, Wied il-Għajn u Birgu; · Permezz tal-Kunsilli Lokali; · Jintuza is-servizz mogħti mill-Gvern magħruf bħala Servizz.Gov; · U b’kuntatt dirett mal-pubbliku permezz tal-website, e-mails, telefon inkluz zewġ freephones . Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, minn zmien għal zmien, il-Bord tal-Awtorità tad-Djar jirrevedi xi kundizzjonijiet tal-iskemi fejn dan iħoss li huwa ta’ vantaġġ għall-klijenti vulnerabbli tagħha. Dan it-tibdil għal aħjar interess tal-klijenti li jaffrekwentaw lil Awtorita’ tad-Djar, isir eventwalment mill-management wara li jikkonsidra l-ilmenti li jkunu qed jaghmlu l-applikanti.

Abbuż fl-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel il-Gvern biex jiġġieled l-abbuż fl-akkomodazzjoni soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lu, l-Gvern fetaħ numru Freephone għall-pubbliku (80072294) biex kull abbuż ikun jista’ jiġi rraportat, biex b’hekk l-Awtorita’ tkun tista’ tinvestiga dawn l-allegati abbużi. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorita’ saħħet din is-sezzjoni bi tlett impjegati b’esperjenzja fejn jidħlu investigazzjonijiet ta’ dan it tip. Minkejja li dan in-numru kien biss riċentament li ġie mwaqqaf, diġa’ daħlu 18-il telefonata b’rapporti mill-pubbliku, u qed tittieħed kull azzjoni meħtieġa biex isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa mill-ħaddiema tal-Awtorita’ tad-Djar fil-pront.

Ġibjun Imqabba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jittieħdu biex jitneħħew l-inkonvenjent li qed joħloq il-Ġibjun tal-Imqabba li hemm biswit il-bypass tal-Imqabba u dan fid-dawl li meta dan il-ġibjun jimtela’, l-ilma qiegħed jispiċċa fi proprjetajiet privati?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura qed ifassal proposta, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Imqabba, biex jinbena ġibjun ġdid fl-akkwati tal-ġibjun eżistenti li hemm fil-bypass tal-Imqabba, biex jilqa’ fih l-ilma li jfur mill-ġibjun eżistenti. Kif din il-proposta tkun finalizzata, issir talba għall-fondi biex dan il-proġett ikun jista’ jitwettaq.

Freeport — spezzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 818, jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra x’kienu r-riżultanzi ta’ dawn l-ispezzjonijiet u jekk kienx hemm ksur ta’ kundizzjonijiet imposti fuq l-operat tal-Freeport? Barra minn hekk, jista’ jgħarraf lill-Kamra jekk dawn l-ispezzjonijiet sarux wara rapporti, kenux miftehma mat-tmexxija tal-Freeport jew jekk kenux spezzjonijet marbuta ma’ xi skeda? Finalment, jista’ jgħarraf lill-Kamra meta kienet l-aħħar spezzjoni li saret u jekk hemmx ippjanati spezzjonijiet oħra u dan fir-rigward ħsejjes u fatturi oħra kkawżati mill-operat tal-Freeport?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul dawn l-ispezzjonijiet irriżulta li kien hemm bżonn ta’ titjib fl-immaniġġjar tal-iskart, fil-ħażna ta’ żjut jew likwidi oħra, u fl-operat waqt manutenzjoni ta’ vetturi u apparat ieħor. Dawn kienu jmorru kontra l-kundizzjonijiet tal-permess ambjentali għaldaqstant l-ERA ħadet azzjoni billi talbet lill-operatur jibdel is-sistemi operattivi tiegħu bir-riżultat li ġew żviluppati proċeduri ġodda fl-immaniġġjar tal-iskart u ġew installati tabelli għall-kontenituri. Barra min hekk l-operatur ħarreġ lill-impjegati f’dawn l-oqsma. B’riżultat ta’ dawn l-ispezzjonijiet ġie installat ukoll oil-water seperator u culverts biex jilqgħu xi żjut u likwidi oħra fiż-żona ta’ manutenzjoni. Rigward tipi ta’ spezzjonijiet, hemm dawk li huma ta’ rutina (skont skeda) fejn l-operatur ikun infurmat ftit siegħat qabel biex jiġi assigurat li l-persuna responsabbli mill-implimentazzjoni tal-permess tkun disponibbli. Spezzjonijiet oħra li jsiru b’riżultat ta’ lmenti mal-ERA jiġu investigati mingħar pre-avviż. L-aħħar spezzjoni li saret fil-Freeport kienet fit-3 ta’ Mejju 2017 u spezzjonijiet oħrajn huma ppjanati għall-futur skont l-iskeda ta’ spezzjonijiet li l-uffiċjali tal-Awtorità jaħdmu biha bħala proċedura interna. F’dawn l-ispezzjonijiet il-faċilità tiġi spezzjonata fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tal-permess tal-operat.

Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali – spezzjonijiet fiż-żona ta’ ġibjun fl-Imqabba

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħarraf lill-Kamra jekk fis-sena 2015, 2016 u 2017 sarux spezzjonijiet mill-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali fl-Imqabba fiż-żona ta’ ġibjun u dan fir-rigward ilmenti li tressqu dwar ilma staġnat fl-istess ġibjun kif ukoll ilmenti rigwardanti health hazards inkluż preżenza ta’ ġrieden? Jista’ jgħarraf ukoll lill-Karma jekk itteħdux passi, jew entitajiet intalbux jieħdu passi, rigward l-istess?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2015, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda ilment relatat mal-ġibjun li jinsab fiż-żona tal-Imqabba. Xorta waħda saru trattamenti ta’ prevenzjoni kontra l-ġrieden fix-xhur ta’ Lulju u ta’ Novembru. Matul is-sena 2016, dan id-Direttorat irċieva 5 ilmenti bejn ix-xhur ta’ Marzu u Awwissu minħabba akkumulu ta’ ilma qiegħed. Inħareġ avviż lill-entita’ kkonċernata fit-30 ta’ Mejju 2016 sabiex jitneħħa dan l-inkonvenjent u s-sitwazzjoni tiġi rregolarizzata. Fl-1 t’ Awissu ġie kkonfermat li l-inkonvenjent kien tneħħa. Waqt li dawn l-ilmenti kienu qed jiġu nvestigati saru 4 trattamenti għal kontra l-ġrieden fiż-żona tal-post imsemmi f’dawn il-ġranet: 21 ta’ Ġunju, 12 ta’ Lulju, 22 ta’ Lulju u fid-29 ta’ Lulju. Saru wkoll it-trattamenti ta’ prevenzjoni fix-xhur ta’ Marzu, Awwissu u ta’ Novembru ta’ l-istess sena. Matul is-sena 2017, fix-xahar ta’ Lulju id-direttorat irċieva 2 ilmenti rigward ħmieġ fl-istess żona izda mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-ilmenti ma kienux ikkonfermati. Madanakollu saru 2 trattamenti għal kontra il-ġrieden fl-4 u fit-22 ta’ Lulju. Saret spezzjoni oħra fit- 3 t’ Awwissu 2017 fejn ġie kkonfermat li ma kien hemm ebda akkumulu ta’ ħmieġ jew ilma qiegħed. Madanakollu fil-25 ta’ Settembru sar rapport lill-Awtorita’ rispettiva sabiex jiġi evitat milli jkun hemm ilma stagnat f’dan il-ġibjun u tittieħed kull prekawzjoni neċessarja.

Enemed – tnaqqis fl-emissjonijiet minn użu ta’ diesel

Question

Meta nafu li wieħed mill-akbar sorsi ta’ tniġġis hu d-diesel li jintuża fl-inġenji tal-kostruzzjoni u karozzi, fost oħrajn, jista’ l-Ministru jispjega x’qiegħda tagħmel il-kumpanija Enemed biex tnaqqas l-emissjonijiet minn dan is-sors ta’ fjuwil?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumpanija Enemed sa mill-ewwel ġurnata ta’ t-twaqqif tagħha bdiet tibni l-istrateġija għall-ġejjieni primarjament iffukata fuq l-ewwel ħames snin. Wara ħafna snin fejn il-firxa ta’ prodotti li kienet timporta għas-suq lokali kien dejjem l-istess, jiġifieri EN228 – Petrol u EN590 – Diesel, bdiet taħdem biex tiżviluppa u tintroduċi prodotti ġodda u aħjar għal konsumatur. Dan setgħet tagħmlu billi waqqfet dipartiment ġdid tal-Quality Assurance u impjegat magħha chemist biex tibda’ tagħmel ukoll riċerka u żvilupp ta’ prodotti ġodda. Għamlet ukoll investiment ta’ aktar minn €300,000 f’laboratorju ġdid. Konxja mill-fatt li sors ewlieni ta’ t-tniġġiż tal-arja ġej mill-emissjonijiet mill-karozzi privati u inġenji ta’ kostruzzjoni, il-kumpanija bdiet tagħmel ir-riċerka sabiex tiżviluppa prodott li jkollu emissjonijiet inqas. Id-Diesel EN590 skont ir-regoli tar-REWS għandu jiġi miżjud b’ammont ta’ mhux aktar minn 7 fil-mija ta’ addittiv ta’ biofuel li jkun ġej minn sors rinovabbli biex jintlaħaq it- target Nazzjonali ta’ Renewables , hekk kif stipulat mill-Kummissjoni Ewropea. Minħabba l-prezzijiet fis-swieq internazzjonali ta’ additivi rinovabbli, l-aktar prodott irħis li jinstab fuq is-suq huwa il-“Biodiesel” jew teknikament FAME . Dan il-“Biodiesel” huwa wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ tniġġis peress li ma jinħaraqx kollu fil-magna tal-karozza u jispiċċa joħrog bħalha duħħan iswed li fil-fatt jispiċċa iżid il-“particulate matter” fl-arja. L-Enemed permezz tar-riċerka li għamlet, identifikat prodott li m’għandhux din il-karatteristika u jinħaraq kollu mingħajr ma jagħmel ħsara lil magni tal-karozzi u jiġġenera duħħan. Il-prodott il-ġdid li l-Enemed tagħtu l-isem ta’ E-Diesel huwa filfatt l-ekwivalenti ta’ ‘super diesels’ li jinbiegħu fil-pajjiżi Ewropej li huma ta’ kwalita superjuri għad-diesel normali. Dawn is- super diesels huma magħrufa li jagħtu performance tal-magna aħjar, fejn jonqsu l-emissjonijiet sa 30 fil-mija u l-karozza żżid l-effiċjenza tagħha u għalhekk taħli sa 20 fil-mija anqas fjuwil. Għalkemm dawn is- super diesels barra minn Malta jqumu aktar mid-diesel normali, l-Enemed fuq direzzjoni mix- shareholder tagħha ddeċidiet li tbiegħu bl-istess prezz tad-diesel l-antik u tassorbi ż-żieda fil-prezz hi. Għalhekk minn Jannar ta’ din is-sena l-kumpanija waqqfet il-bejgħ tad-diesel normali u qalbet għall-E-Diesel, li kif semmejt huwa prodott ta’ kwalità superjuri li hu aktar effiċjenti u naqqas bil-kbir l-emissjoniet ta’ duħħan u trab iswed.

Enemed – tisħiħ tar-refuelling tal-ajruplani

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’qed tagħmel l-Enemed fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex issaħħaħ is-servizz tar-refuelling tal-ajruplani, issa li nafu li n-numru ta’ ajruplani li jġibu t-turisti f’pajjiżna żdied u mistenni jkompli jiżdied?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta l-kumpanija Enemed ħadet f’idejha l-operazzjoni tar-refuelling tal-ajruplani fl-Ajruport Internazzjonali għamlet analiżi biex tara f’liema stat jinsab l-apparat u l-infrastruttura tal-faċilità tagħha. Irriżulta li mill-għaxar bowzers tal-fuel li kellha, l-aktar wieħed ġdid kellu l-fuq minn għaxar snin filwaqt li l-maġġoranza tal-bowsers kienu jqarrbu l-għoxrin sena. L-impjant tal-ħażna tal-fjuwil fl-ajruport kien laħaq kważi l-maximum capacityu s-sistemi tal-IT kienu antikwati u ma jilqgħux għall-ħtiġijiet tal-llum. Prattikament, l-investiment li sar tul dawn l-aħħar 25 sena kien kważi xejn. Għalhekk ġie deċiz li b’mod immedjat tibda’ tinbidel il-flotta ta’ bowsers li jintużaw għal “ fuelling tal-ajruplani”. Sal-llum, ġew refurbished l-għaxar bowser , inġieb wieħed second hand, fully refurbished bowser biex in-numru tela’ għal-ħdax u sal-bidu tas-sena d-dieħla jaslu tlett bowsers ġodda b’investiment ta’ €1.5 miljuni. Dawn il- bowsers flimkien mal-flotta l-ġdida se jiggarantixxu turnaround time aħjar biex ir- r efueling tal-ajruplan isir fi żmien iqsar. Fil-bidu ta’ din is-sena l-Enemed ħarġet ukoll tender sabiex il-ħażna tal-fuel tiġi mibdula kompletament fejn se jitneħħew it-tankijiet eżiztenti u jiġu mibdula b’tankijiet ikbar. B’hekk fejn għandu x’jaqsam mal-ħażna, l-Enemed se jkollha l-kapaċità li tilħaq id-domanda għal għoxrin sena li ġejjin. Hu stmat li dan il-proġett se jqum madwar €15-il miljun u x-xogħol antiċipat li jibda’ lejn l-aħħar ta’ din is-sena. L-Enemed ukoll nidiet proġett biex tinbidel is-sistema tal-IT kollha u tiġi installata sistema tal-aħħar teknoloġija. Dan il-proġett se jqum madwar €100,000 u l-proċess kollu mistenni jitlesta wkoll sa l-aħħar tas-sena. Minbarra hekk, b’kollaborazzjoni u bi qbil mal-GWU, se jibda’ xift ġdid tal-ħaddiema bi prova għal sena fejn b’dan ix-xift kemm il-work/life balance tal-ħaddiema se jkun aħjar u kif ukoll jitjieb b’mod sostanzjali s-servizz lejn l-operaturi tal-ajru. Filwaqt li għaddej dan kollu, l-Enemed se tkun qed tikkummisjona studju ta’ ‘’Business Process Re-Engineering” sabiex tagħmel ċert li tibqa’ taqdi l-ħtiġijiet tal-klijenti tagħha fil-futur u b’hekk tkun qed tiggarantixxi lil pajjiż li wieħed mill-pilastri tal-ekonomija jibqa’ jiġi moqdi kif suppost.

Enemed – kwalità ta’ fjuwils superjuri

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’għamlet u x’qed tagħmel l-Enemed biex tiggarantixxi kwalità ta’ fjuwils superjuri u li din tibqa’ konsistenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li l-Enemed irrivediet il-proċessi ta’ kwalità tagħha għar-rigward tal-fuels sabet li għalkemm kienu jsiru xi testijiet fuq il-prodotti meta jitgħabba l-vapur mingħand is-supplier u anke meta jasal Malta, dawn it-testijiet kienu biżżejjed biex ikollha ċertifikat ta’ kwalita kif stipulat bħalha minimu skond il-liġi. Ħafna drabi kien ikollha toqgħod fuq riżultati ta’ testijiet li jsiru minn laboratorji esterni jew subcontracted u b’hekk il-proċess ta’ kwalità ma kienx taħt il-kontroll assolut tagħha. Kien għalhekk li l-ewwel miżura li ħadet kien li mpjegat magħha chemist sabiex jibda’ jibni laboratorju. L-għan kien li ma jsirux biss testijiet bażiċi fuq il-kwalità imma jiżdied in-numru ta’ checks fil-proċessi kollha sabiex il-kwalità tkun garantita. ll-kumpanija bniet laboratorju ġdid b’investiment ta’ aktar minn tlett mitt elf ewro (€300,000) u mpjegat laboratory technician biex jagħmel il- quality checks neċessarji. Barra minn hekk irrevidiet il-proċess kollu u f’kull stadju daħħlet miżuri ta’ kwalità biex tiggarantixxi kemm il-kwalità kif ukoll il-konsistenza tal-kwalita tal-prodotti tagħha. Kien għalhekk li qed tibgħat il- chemist għand il-fornituri tal- fuels biex jiċċertifika l-prodott qabel jitgħabba fuq il-vapur. Meta jasal Malta qed tieħu kampjuni biex tagħmel ċert li l-prodotti tagħha ma biddlux il-karatteristiċi u baqgħu tajbin. Żiedet ukoll testiijiet u proċeduri li jivverifikaw il-kwalità kemm meta jkun maħżun fit-Tankijiet il-kbar kif ukoll fuq kull bowser li joħroġ biex iqassam ix-xogħol. Dan li semmejt għandu x’jaqsam ma proċessi interni tal-kumpanija. Fejn għandu x’jaqsam mal-prodott li jkun fil-pompa tal-petrol, l-Enemed ħadet ħsieb li perjodikament tnaddaf it-tankijiet kollha tal-ħażna tal-pompi biex tnaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni. Għal dan ix-xogħol għandha “team” ta’ nies speċjaliżżati. Sabiex isserraħ moħħ is-sidien tal-karozzi li jixtru l-prodotti tal-Enemed li filfatt il-prodott hu tagħha u mhux imħallat ma` ta’ ħaddieħor, il-kumpanija żżid il- brand marker li hu trasparenti għal għajnejn tal-bniedem flimkien mal-kulur. Team ta’ nies oħra jagħmel spezzjonijiet regolari lil pompi tal-petrol kollha ta’ Malta u Għawdex fejn b’apparat speċjali jivverifikaw il-preżenza u l-kwantità ta’ dan il- brand marker . Jekk l-ammont li suppost ikun fih in parts per million – ppm ma jaqbilx ma dak li jkun ħareġ bih il-prodott mill- Filling Depot tagħha, il-kumpanija tiftaħ investigazzjoni dettaljata biex tara jekk kienx hemm taħlit ta’ prodotti. Jekk jinstab li l-prodott kien imħallat, l-Enemed tista’ twaqqaf milli tforni dik il-pompa tal-petrol bi prodotti tagħha. L-Enemed bdiet ukoll proċess li jwassal sabiex il-kumpanija tkun ISO9001 certified . Dan ikun qed jiggarantixxi li l-kwalità kemm tal-proċessi u tal-prodotti tagħha huma ta’ l-għola livelli Internazzjonali kif wara kollox jixraq għal-konsumatur u anke l-pajjiż.

Skema ta’ self lill-familji bi dħul baxx għax-xiri tad-dar tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li bbenefikaw mill-iskema ta’ self li qed jipprovdi l-APS Bank biex familji bi dħul baxx jingħataw il-possibbiltà li jixtru d-dar tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar ircieviet 254 -il applikazzjoni taħt l-Iskema li tipprovdi għajnuna finanzjarja fuq self ta' xiri ta' propjetà privata. Il-proċess ta' dawn l-applikazzjonijiet huwa kif jidher hawn taħt: Approvati mill-HA, FSWS u APS - 35 Approvati mill-HA - Pendenti APS u FSWS - 70 Approvati mill-HA (assi pendenti) - Pendenti FSWS u APS - 67 Stadju Inizjali - 14 Invalidi - 49 Ma jistgħu jiġu proċessati minħabba dokumenti nieqsa - 19 Ngharraf lill-Onor. Intepellant li, l-approvazzjoni tas-self hija deċiżjoni finali tal-bank u l-Awtorità tad-Djar m'għandħa l-ebda dritt li timponi fuq il-bank għall-approvazzjoni ta' xi self lill-klijenti. Is-sussidju jibda jingħata meta l-applikanti jiffirmaw il-kuntratt tax-xiri tal-post u jibda jitħallas is-self.

Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi – operational permits tal-Freeport

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex jiġi aċċertat illi l-operational permits tal-Freeport jiġu osservati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru disa’ (9) spezzjonijiet fil-Freeport mil-Awtorità ghall-Ambjent u r-Riżorsi/mid-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent (fi ħdan il-MEPA).

Imqabba – Sqaq l-Isptar għal Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija – triq asfaltata

Question

Jista’ l-Ministru kkonċernat jgħarraf lil din il-Kamra meta se tiġi asfaltata t-triq il-ġdida li ġiet miftuħa minn Sqaq l-Isptar u li tagħti għal Triq il-Konvoj ta' Santa Marija fl-Imqabba?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali ta’ Transport Malta se jagħmlu spezzjoni u rapport dwar it-triq imsemmija.