Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #1988 Sitting 45 2017-10-30 Oral · Final From: STEFAN ZRINZO AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Finanzi tal-pajjiż — fatturi

Question

Peress li għadha kemm ġiet ippubblikata stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO - 169/2017) li tindika s-suċċessi finanzjarji tal-pajjiż fl-aħħar erba’ snin u fost oħrajn, tindika li dak li kapaċi jipproduċi l-pajjiż, il-Prodott Gross Domestiku (PGD) jew kif nissimplifikawha bħala l-“kejk nazzjonali”, mill-2013 sal-2016 żdiedet b’xejn inqas minn €2.3 biljun, jista’ l-Ministru jindika l-fatturi ewlenin għal dan is-suċċess u x’inhu ppjanat biex inkomplu nipproduċu aktar fis-snin li ġejjin? Jista’ jispjega kif l-istess stqarrija tal-NSO tindika li d-dejn nazzjonali kompla jiżdied u x’qed isir biex tinbidel kompletament ir-rotta hawn ukoll?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Dan il-Gvern niedha u implementa strateġija ħolistika sabiex jikber il-potenzjal tal-ekonomija Maltija u l-kapaċità li tipproduċi. L-istrateġija bdiet tiġi mplimentata permezz tal-Baġits, fejn f’kull baġit ifukkajna sabiex l-ewwel noħolqu l-ġid imbagħad naraw li kulħadd qed igawdi minn dan il-ġid li jkun inħoloq. Fl-ewwel baġits (2014 u 2015) rajna li jsiru riformi strutturali bħal riforma fl-enerġija li wasslet għal traħħis fil-kontijiet tad-dwal u l-ilma għal familji u negozji kollha, kif ukoll mi¿uri li joħolqu xogħol u jiddiskoraġixxu d-dependenzi li m’humiex neċessarji u mi¿uri fejn in-nies ikun jaqblilhom li joħorġu jaħdmu. Nsemmu fost oħrajn, id-diversi tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul għal kull komputazzjoni, iċ-ċentri tac-child care b’xejn, il-fond tal-maternity leave, it-tapering tal-benefiċċji, l-in-work benefits u l-inċentivi fiskali kemm għall-impjegati bħal tax credits għan-nisa li jerġu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u anke għal SMEs. Dawn ħallew riżultati pożittivi ferm, hekk kif l-impjiegi bdew jikbru b’rata robusta filwaqt li l-qgħad niżel għal livell rekord baxx. Dan wassal sabiex jiżdied il-konsum privat u b’hekk ikompli jiġi ġenerat aktar xogħol u aktar ġid. Dawn il-miżuri kollha waslu sabiex ikollna tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross li huwa ferm aħjar mill-medja Ewropeja u li hu saħansitra fost l-aqwa fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja u ż-Żona Ewro. Fil-baġits tal-2016 u tal-2017 rajna li l-ġid jitqassam bejn kulħadd u indirizzajna sew il-faxxex ta’ nies li jistgħu jaqgħu f’riskju ta’ faqar jiġifieri nies qegħda, nies bi dħul baxx, pensjonanti u nies b’mard terminali jew b’diżabbilità. B’riżultat ta’ dawn il-baġits ir-rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar u numru ta’ nies li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja, naqsu sew. Fil-baġit għas-sena 2018 li għadni kif ppreżentajt f’din il-kamra, ħa nkunu qed nindirrizaw l-isfidi ewlenin fis-settur ta’ transport u l-infrastruttura. Dan sabiex pajjiżna jkollu infrastruttura li tixraq il-livell ogħla tat-tkabbir ekonomiku li qed jiġi ġġenerat, filwaqt li jiġu indirrizati dawk l-isfidi li qed ixekklu l-pajjiż milli jkompli jikber u javvanza. Barra minn hekk, ħa nkomplu ninvestu fis-setturi tal-industrija bħal manifattura u l-farmaċewtika u tas-servizzi bħas-servizzi finanzjarji u t-turi¿mu. Dan kollu mistenni jwassal biex nipproduċu aktar fis-snin li ġejjien. Id-dejn nazzjonali qed jidher b’mod assolut fl-istqarrija tal-NSO li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Dan mhuwiex il-metodu li bih l-Unjoni Ewropeja u l-istituzzjonijiet internazzjonali oħra jkejlu d-dejn però u nispjega għaliex. Din ġejja minn dak li jissejjaħ is-stock flow adjustments li fih jinkludi s-self li jkun sar mit-teżor għax jistenna li sa jagħlaq is-sena b’ammont iżda l-ammont attwali f’dik is-sena jkun ferm iżgħar u għalhekk jispiċċa bi flus iktar milli jkun uża u dawn ma jistgħux ovjament jerġgħu jittieħdu lura. Minħabba f’hekk jidhru bħala żieda fid-dejn iżda fil-verità mhux qed jiġu wżati. Il-metodu li huwa maqbul mill-Unjoni Ewropeja u huwa korrett huwa d-dejn nazzjonali bħala proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross li l-istess stqarrija turi li niżel minn 68.4 fil-mija f’2013 għal 57.6 fil-mija f’2016. Dan il-Gvern irnexxielu jnaqqas id-dejn għax beda jindirizza d-defiċits li tħallew minn Gvern preċedenti u rnexxielu jdawwarhom f’surplus għall-ewwel darba f’35 sena. Infatti mid-defiċit ta’ 3.6 fil-mija f’2012 morna għal surplus ta’ 1.0 fil-mija f’2016. Dan kollu ksibnih għax ħdimna bilgħaqal u rajna kif ħa n¿idu d-dħul filwaqt li nżommu taħt kontroll l-infiq, sabiex b’hekk iż-żieda fid-dħul tkun akbar miż-żieda fl-infiq.

Programm għall-Iżvilupp Rurali — fondi Ewropej - toroq rurali

Question

Tista l-Ministru tgħid meta se jkunu pproċessati l-applikazzjonijet għal Fondi Ewropej fir-rigward toroq rurali taħt il-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 kemm dawk imressqa mill-Kunsilli Lokali kif ukoll minn Transport Malta? Jekk hemm applikazzjonijiet approvati, tista’ tagħti lista ta’ toroq li se jkunu magħżula?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-ewwel blokk ta’ applikazzjoniet għall-Fondi Ewropej fir-rigward tat-toroq rurali qegħdin preżentament jiġu evalwati. Dan il-proċess mistenni jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.

Residenza San Vinċenz de Paul – infermiera – avvanz fil-karriera

Question

Jista’ l-Ministru jelabora ftit dwar x’qed isir biex l-infermiera li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul javvanzaw fil-karriera tagħhom u jkunu jistgħu joffru l-aħjar servizz fil-Qasam tal-Kura tal-Anzjani?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-infermiera li jaħdmu ġewwa ir-residenza San Vinċenz, jingħatalhom taħriġ kontinwu bħala parti minn programm ta’ lezzjonijiet li jsiru regolari kull nhar ta’ Ħadd, organizzati miċ-Ċentru ta’ Taħriġ ġewwa ir-Residenza. Barra minn hekk fuq livell terzjarju, l-infermiera ta’ San Vinċenz qed jiġu rrilaxxati minn fuq il-post tax-xogħol sabiex ikunu jistgħu jsegwu Kors ta’ Baċċellerat mill-Universita’ ta’ Malta, proprju fuq il-kura tal-Anzjani. L-infermiera ta’ San Vinċenz bħal l-infermiera kollha fis-settur pubbliku jkunu rrilaxxati biex jattendu Konferenzi li jkunu organizzati matul is-sena. Kif ukoll isegwu korsijiet tal-Universita` kemm fuq livell ta’ Baċċellerat fi speċjalitajiet vari tal-infermiera, kif ukoll fuq livell ta’ Masters.

Kalkulatur tal-kontribuzzjoni għad-dħul fid-Djar tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif jaħdem il-kalkulatur tal-kontribuzzjoni għad-dħul fid-Djar tal-Anzjani (EHAC)? Jista’ jgħid kemm kienu dawk li s’issa għamlu użu minn dan is-servizz online?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Kalkulatur tal-Kontribuzzjoni għal dħul f'Dar tal-Anzjani (EHAC), huwa għodda li tippermettilek iddaħħal informazzjoni li minnha tinħadimlek stima mhux uffiċjali, tal-kontribuzzjoni li għandha titħallas mir-resident. Il-kalkulatur juża l-informazzjoni li ddaħħal u ma jikkomparax din l-informazzjoni mal-kont attwali. In-numru ta’ persuni li għamlu użu minn dan is-servizz offrut onlajn minn Lulju 2017 sa issa kien ta’ 452.

Qbid ta’ Pixxispad — kwota

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se tkun il-kwota ta’ pixxispad allokata lil Malta? Kemm kienet il-figura li l-Gvern kien qed jinnegozja u kemm kienet il-medja tal-qbid fl-aħħar snin? Jista’ jgħid kif qed tiġi immaneġġata din il-kwota u kemm hemm bastimenti li rreġistraw qbid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwota li ser tkun allokata lil Malta hija ta’ 436 tunnelati fil-waqt li l-Gvern kien qiegħed jinnegozja l-medja ta’ 440 tunnelati li ġew irrapurtati li nqabdu f’dawn l-aħħar snin. Id-differenza ta’ 4 tunnelati tirriżulta minn mekkaniżmu fejn ammont minn kull Stat Membru li jistgħad għall-pixxispad ikontribwixxa għall-kontinġenza sabiex l-Unjoni Ewropea tagħmel tajjeb għall-pajjiżi li għandhom qabdiet żgħar ta’ by-catch u li ma kellomx kwota.

Mwieżen awtomatiċi fil-portijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew istallati mwieżen awtomatiċi u f’liema portijiet? Kemm qegħdin jiġu wżati minn dawn l-imwieżen u hemmx pjanijiet li jiġu stallati oħrajn? Jekk iva, fejn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull Stat Membru huwa obbligat li jara li l-ħut kollu maqbud mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jkun miżun mall-ħatt l-art u ddikjarat lill-awtoritajiet. Għal dan il-għan is-sajjieda għandhom iżommu reġistru bid-dettalji tal-qabda u l-użin tagħha. Barra minn hekk sabiex ikun hemm traċċabilità ta’ dan il-prodott tal-ikel, kull kunsinna għandha tkun itikettata u turi l-informazzjoni minima obbligatorja. Sabiex ngħinu lis-sajjieda f’dan kollu ġiet proġettata sistema ta’ użin u tikettar awtomatiku li tipprovdi servizz fejn jista’ jintiżen il-ħut u joħorġu t-tiketti. Fl-istess ħin l-informazzjoni fuq il-qabda tidħol b’mod awtomatiku ġewwa reġistru elettroniku għand l-awtoritajiet. Bħalissa hemm 17 –il magna installati ġewwa numru ta’ portijiet bħala parti minn proġett pilota u hemm 6 oħra li qegħdin għand id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura sabiex jiġu installati. Ninsab infurmat ukoll illi hemm fondi ta’ l-Unjoni Ewropea li huma diġà ipprogrammati sabiex ikun hemm żvilupp fuq skala ikbar ibbażat fuq ir-riżultati tal-proġett pilota. L-imwieżen kollha installati qegħdin jiġu wżati u madwar 50 tunnelata ta’ ħut li nbiegħ direttament mis-sajjieda ġie rreġistrat fis-sistema.

Rilokazzjoni tal-fish farms tat-tonn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ rilokazzjoni tal-fish farms tat-tonn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fish farms tat-tonn ġew rilokati kollha f’żoni li qegħdin mhux inqas minn 5km il-bogħod mill-kosta, u għalhekk ma fadalx iktar gaġeġ bit-tonn qrib il-kosta.

Fish Farms – tibdil fir-regolamentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk riċentiment kienx hemm xi tibdil fir-regolamentazzjoni tal-fish farms?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li ftit aktar kmieni din is-sena ġew varati regolamenti ġodda dwar l-operat tal-akkwakultura fejn qiegħed ikun regolat l-operat tal-istabbilimenti tal-akkwakultura. Bħalissa għaddej il-perjodu ta’ transizzjoni, fejn l-operaturi preżenti qegħdin jinħarġilhom il-permess operattiv skont kif inhu mitlub minn dawn ir-regolamenti.

NCPE – riżultati mill- Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fir-rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien ir-riżultat tax-xogħol tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex tmexxi ’l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi?

Response (DALLI, HELENA)

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) kienet deputy chair fi grupp ta’ ħidma fejn ġew diskussi Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib tal-ħiliet tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol li ltaqa’ tlett darbiet waqt il-Presidenza (darbtejn f’Jannar u darba fi Frar). Għaldaqstant, l-NCPE għamlet xogħol bi preparamenti għal dawn il-laqgħat, fosthom ipparteċipat f’diskussjonijiet sabiex ġew imfassla dawn il-Konklużjonijiet u ppreparat l-abbozzi neċessarji; ipprovdiet informazzjoni u suġġerimenti sabiex jissaħħaħ il-prinċipju tal-ugwaljanza fil-Konklużjonijiet; u kienet attiva fid-diskussjonijiet u n-negozjar ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jintlaħaq qbil. Filfatt intlaħaq qbil bejn l-Istati Membri u dawn il-Konklużjonijiet ġew adottati fil-laqgħa tal-Kunsill tal-EPSCO ta’ Marzu 2017. L-NCPE kienet ukoll deputy chair fi grupp ta’ ħidma dwar il-Proposta għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża u miżuri relatati. Sar xogħol sabiex isiru l-emendi neċessarji fid-Direttiva minħabba l-fatt li kienet ilha ma tiġi diskussa mill-2015. Sar ukoll lobbying ma’ rappreżentanti Ewropej sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza ta’ din id-Direttiva. L-NCPE ipparteċipat fil-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma li saret f’Marzu fejn diversi Stati Membri kkonfermaw li minħabba elementi ta’ subsidiarity u proportionality ma jistax ikun hemm qbil. Il-Presidenza għaldaqstant ippublikat Progress Report biex tagħti rendikont tax-xogħol sa dak iż-żmien. L-NCPE ħadmet ukoll fl-organizzazzjoni tal-laqgħa tal-High Level Group on Gender Mainstreaming fejn ikkollaborat mal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll ma’ diversi rappreżentanti tal-Presidency Unit rigward il-loġistika u l-aġenda tal-laqgħa. Din il-laqgħa mmexxjia mill-Kummissjoni Ewropea tiltaqa’ f’kull Presidenza. Għal-laqgħa li saret f’Malta kien hemm il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha. Il-laqgħa ta’ Malta indirizzat temi relatati mal-indipendenza ekonomika tan-nisa u l-irġiel, il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza u d-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja.

Ħal Kirkop – Sqaq Ramija – xogħol ta’ resurfacing

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk u meta ser isir ix-xogħol ta’ resurfacing fi Sqaq Ramija f’Ħal Kirkop?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija qegħda fuq lista ta’ prioritajiet li bħala dettalji jiġu mħabbra aktar il-quddiem meta jkollna data definittiva.

Ħal Kirkop – bini tal-poliklinika

Question

Jista’ d-Deputat Prim Minisru u Ministru għas-Saħħa jgħarraf il-Kamra meta beda x-xogħol għall-bini ta’ poliklinika f’Ħal Kirkop, liema tagħmir se jkun fiha, kemm ser tiswa u meta huwa mistenni li tibda jingħata s-servizz fiha?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol għall-bini ta’ poliklinika ġdida f’Ħal Kirkop beda’ dan ix-xahar stess. Dan iċ-ċentru tas-saħħa ser joffri diversi servizzi fosthom dak tat-tabib u l-infermiera, oftalmoloġija, fiżjoterapija, klinika tas-saħħa mentali, podjatrija, breast feeding u kif ukoll klinika għad-diabete’. In-nefqa kapitali mistennija tkun ta’ madwar €890,000. Dan iċ-Ċentru tas-Saħħa mistenni jibda jara l-ewwel pazjenti tiegħu fl-2018.

Imqabba – Klabb 3-16

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk hemmx pjani biex jingħata servizz ta’ Klabb 3 – 16 fl-Imqabba?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, l-Imqabba hija waħda mil-lokalitajiet ikkunsidrati minn pjan iktar wiesgħa ta' ċentri proposti mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES).

Freeport – spezzjonijiet fir-rigward ta’ refuelling

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet u x’passi ttieħdu min-naħa tal-awtorità responsabbli fir-rigward ta’ refuelling li jsir fil-Freeport biex jiġi evitat li jinxtered fuel fil-baħar jew x’kienu l-passi li ttieħdu f’każijiet li setgħa kien hemm fejn inxtered fuel waqt refuelling fl-istess port?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Portijiet u Yachting fi ħdan l-Awtorità għat-Trasport f’Malta jimplimenta u jinforza r-Regolamenti dwar Bastimenti ta’ Tagħbijiet Perikolużi, Terminals u Faċilitajiet Marittimi u Bunkering (L.S. 499.12) u permezz ta’ dawn ir-Regolamenti, fost l-oħrajn, jirregola l-attivitajiet u l-operazzjonijiet kollha ta’ bunkering fl-ibħra territorjali u fil-portijiet Maltin. Dan jinkludi spezzjonijiet li jiġu magħmula mid-Dipartiment tal-Ispettorat tal-Port, liema Dipartiment f’din is-sena s’issa għamel 155 spezzjoni ġewwa l-Port ta’ Marsaxlokk biss fuq operazzjonijiet ta’ bunkering. Id-Direttorat huwa wkoll responsabbli, skont deċiżjoni tal-Kabinett, mit-tmexxija u l-koordinazzjoni kollha tal-operazzjonijiet għat-trażżin u għat-tindif tat-tniġġis minn żejt minn bastimenti fl-ibħra territorjali u fil-portijiet Maltin, u dan skont il-Pjan Nazzjonali ta’ Kontinġenza maħruġ, miżmum fis-seħħ u implimentat mill-istess Direttorat. Apparti minn hekk, id-Direttorat ħareġ bħala direzzjoni l-Avviż tal-Port numru 6 tal-2015 fit-13 ta’ Ottubru tal-2015, abbażi tar-Regolamenti aktar qabel imsemmija, li jimponi fuq l-operaturi tal-braken tal-bunkering l-użu ta’ bomi (booms) msejħa all-round waqt l-operazzjonijiet tal-bunkering kollha ġewwa l-port. L-Operaturi tal-bunkering huma wkoll obbligati li jkollhom ftehim ta’ servizz on-call ma’ provditur ta’ servizz sabiex jassistihom fl-operazzjonijiet ta’ tindif kemm-il darba jkun hemm inċident ta’ tniġġis biż-żejt. Kull operatur li jonqos milli jħares dawn ir-Regolamenti u d-direzzjonijiet mogħtija jkollu l-operazzjoni tiegħu sospiża b’mod immedjat, apparti passi oħra legali li jistgħu jittieħdu, fosthom multi amministrattivi u s-sospensjoni ta’ liċenzji. Inoltre, l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tiegħu jiġu osservati għall-perijodu ta’ żmien sabiex ikun assigurat illi qiegħed iħares l-obbligi tiegħu. Ta’ min wieħed jgħid illi l-obbligu li tittieħed azzjoni immedjata u neċessarja f’każ ta’ tniġġis f’operazzjoni ta’ bunkering hija tal-operatur tal-barkun u tal-bastiment li jkun qiegħed jirċievi l-bunkers, li għandhom wkoll l-obbligu li jirraportaw mal-ewwel lill-Awtorità. L-Awtorità qiegħda tkun aktar attenta sabiex ikun assigurat illi f’każ ta’ inċident, il-kapaċitajiet neċessarji għal azzjoni immedjata huma f’posthom sabiex it-tixrid taż-żejt ikun imrażżan u jkun irkuprat mingħajr dewmien. Fl-aħħar nett, f’kull inċident fejn inxtered xi żejt waqt operazzjoni ta’ bunkering ġewwa l-Port ta’ Marsaxlokk li ġie rrapportat lill-Awtorità, l-Awtorità investigat ir-rapport minnufih u ħadet il-passi kollha neċessarji sabiex it-tniġġis ikun ikkontrollat u ma jkomplix jinxtered u jiġi mnaddaf kemm jista’ jkun malajr mill-persuna jew persuni responsabbli għall-istess tniġġis.
Leg 13 PQ #1794 Sitting 28 2017-10-17 Oral · Final From: STEFAN ZRINZO AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ċittadella – Ċentru tal-Viżitaturi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1227, jista’ l-Ministru jgħid kemm żaru ċ-Ċentru tal-Viżitaturi fiċ-Ċittadella sa minn meta infetaħ dan iċ-Ċentru?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li sa mill-ftuħ taċ-Ċentru tal-Viżitaturi fiċ-Ċittadella fil-5 ta’ Lulju 2016 sat-30 ta’ Settembru 2017 in-numru ta’ persuni li żaru ċ-Ċentru kien ta’ 279,845.
Leg 13 PQ #1706 Sitting 27 2017-10-16 Oral · Final From: STEFAN ZRINZO AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – korsijiet fil-livell ta’ Baċellerat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-istudenti li applikaw biex jibdew xi wieħed mill-korsijiet fil-livell ta’ Baċellerat li tniedew mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) aktar kmieni din is-sena?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat mill-Istitut għall-Istudju Turistiċi (ITS) li n-numru ta’ studenti li din is-sena applikaw biex jibdew xi wieħed mill-korsijiet fil-livell ta’ Baċellerat huwa ta’ 142. 132 student se jibdew l-istudji tagħhom fl-ewwel sena. Ħafna minn dawn huma studenti tal-ITS li lestew id- Diploma tal-ITS u issa bdew l-ewwel sena li hija ukoll ekwivalenti għal Higher National Diploma . 10 studenti daħlu direttament fit-tieni sena tal-kors peress li temmew b’suċċess il- Higher National Diploma fl-istudji rispettivi tagħhom.
Leg 13 PQ #1707 Sitting 27 2017-10-16 Oral · Final From: STEFAN ZRINZO AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – proċess biex persuni jerġgħu jidħlu fl-edukazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) biex jiġi ffaċilitat il-proċess biex dawk li diġà jaħdmu fis-settur turistiku jerġgħu jidħlu fl-edukazzjoni u b’hekk jgħollu l-livell ta’ ċertifikazzjoni tagħhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), permezz tal-programm ‘Recognition for Prior Learning’, qed jindirizza l-ħtiġijiet ta’ individwi li bħalissa huma impjegati fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità b'esperjenza estensiva miġbura matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, li qed ifittxu li jkomplu l-ħiliet tagħhom u jiksbu kwalifiki formali akkreditati. Dan il-proċess ġdid huwa mfassal biex jiżgura li r-riżorsi umani tagħna fi ħdan l-industrija tat-turiżmu jistgħu jaraw it-turiżmu u l-ospitalità bħala karriera, permezz ta’ taħriġ akkademiku u prattiku, minbarra wkoll qafas ta' akkreditazzjoni formali grazzi għall-kooperazzjoni bejn ITS u Università Haaga-Helia tal-Finlandja. Permezz ta’ din il-miżura, aħna mhux biss qed inwasslu valur formali għax-xogħol u l-għarfien miksub fuq ix-xogħol minn dawk li kienu qed jikkontribwixxu għas-suċċess ta' din l-industrija, iżda se nkunu qed nirrispondu malajr il-kisba ta’ kwalifiki akkreditati professjonali permezz tal-firxa ta' korsijiet disponibbli fl-ITS. Dan fl-aħħar se jagħtihom l-opportunità li jkomplu jikkonsolidaw il-karrieri tagħhom, Jiena ċert li ħafna nies validi fl-industrija tat-Turiżmu u l-ospitalità li mhumiex iċċertifikati jistgħu jibbenefikaw immens permezz ta’ dan il-programm peress li jistgħu jżidu l-viżibilità u l-valur tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom miksuba barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali.

NCPE –implimentazzjoni tal-politika ta’ gender mainstreaming

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar ħidmet il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) fejn kienet tidħol l-implimentazzjoni tal-politika ta’ gender mainstreaming fl-operat tal-Gvern?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) regolarment tagħti taħriġ lill-uffiċjali pubbliċi dwar it-tifsira tal-istrateġija ta’ gender mainstreaming u l-implimentazzjoni tagħha, kif ukoll dwar kif għandhom jiġu rrappurtati annwalment l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu marbuta ma’ din l-istrateġija fix-xogħol tal-Gvern. Dan ir-rappurtaġġ annwali huwa obbligu ta’ kull dipartiment/entità tal-Gvern, hekk kif imniżżel f’OPM Circular 15/2012, u r-rapporti Barra t-taħriġ regolari, l-NCPE tiltaqa’ ukoll ma’ dawk id-dipartimenti/entitijiet li jkunu jeħtieġu għajnuna sabiex jippreparaw ir-rapport annwali tagħhom. Mill-2012 sal-2017 l-NCPE tat 32 sessjoni ta’ taħriġ dwar gender mainstreaming fis-settur pubbliku li għalihom attendew iktar minn 500 uffiċjal pubbliku. Kull sena, mill-2013 ‘l hawn, l-NCPE ippreparat rapport li fih eżaminat ir-rappurtaġġ annwali mid-dipartimenti/entitaijet tal-Gvern. Fl-2017, l-NCPE irċeviet 99 rapport minn dipartimenti/entitajiet tal-Gvern b’informazzjoni dwar xogħol ta’ gender mainstreaming li sar tul l-2016. Fl-evalwazzjoni tagħha, l-NCPE innutat li hemm bżonn ta’ iktar għarfien dwar l-istrateġija ta’ gender mainstreaming u l-obbligu li jsir rappurtaġġ annwali dwar l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu għandhom jintbagħtu lil NCPE sabiex jiġu analiżżati u jitħejja rapport ikkonsolidat.

NCPE – diskussjoni dwar gender quotas fil-politika

Question

Tista’ l-Ministru tindika jekk sarx xi xogħol mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) marbut mad-diskussjoni dwar gender quotas fil-politika?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fl-2016, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) ħejjiet riċerka dwar in-nisa fil-politika u gender quotas li: · spjegat għaliex huwa importanti li jkun hemm bilanċ bejn is-sessi fil-parteċipazzjoni politika; · iddeskriviet it-tipi differenti ta’ kwoti li jeżistu; · iddiskutiet l-implimentazzjoni tagħhom; · għamlet rakkomadazzjonijiet fil-kuntest ta’ Malta. Abbażi ta’ din ir-riċerka, l-NCPE qajjmet iktar kuxjenza dwar dan is-settur fuq il-media permezz ta’ tlett stqarrijiet: · Ir-rappreżentazzjoni baxxa ta’ nisa fil-politika trid tiġi indirizzata (18/06/2016) · Il-partiti politiċi għandhom jippreżentaw listi bilanċjati ta’ kandidati nisa u irġiel (13/02/2017) · Defiċit demokratiku meta n-nisa u l-irġiel ma jkunux rappreżentati b’mod ugwali (27/07/2017)

NCPE – inizjattivi mmirati lejn l-istudenti

Question

Tista’ l-Ministru ssemmi l-inizjattivi mmirati lejn l-istudenti li saru mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) minn Jannar 2016 sal-aħħar ta’ Lulju 2017?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE), b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tad-Drama, organizzat attivitajiet ta’ teatru interattiv fl-edukazzjoni bit-titlu ‘Sterjotipi’ immirati lejn studenti tal-Forms 2, 3 u 4. Sal-aħħar ta’ Lulju 2017, kienu saru 14-il rappreżentazzjoni u ntlaħħqu 1,354 student. Dan it-teatru ta opportunitὰ lill-istudenti li jaħsbu b’mod kritiku dwar ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel li jeżistu fis-soċjetὰ, sabiex jinfetħu aktar opportunitajiet għal kulħadd. Huwa ppjanat li din l attività titkompla fil-bidu ta’ din is-sena skolastika. L-NCPE organizzat ukoll roving van biex idur l-iskejjel post-sekondarji u terzjarji bil-għan illi titqajjem kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u l-isterjotipi. Waqt din l-attività, l-istudenti rġiel ġew imħeġġa jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq is-suġġett. B’kollox ġew miġbura ‘l fuq minn 850 kumment li qed jiġu mtellὰ fuq is-siti soċjali tal-NCPE. Din l-attività saret f’sitt postijiet (MCAST Mosta, l-Università ta’ Malta, Giovanni Curmi Higher Secondary Naxxar, MCAST Raħal Ġdid, Junior College Msida, u M. A. Refalo Għawdex) bejn Frar u Mejju tal-2017.

NCPE – inizjattivi mmirati għal min iħaddem

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’attivitajiet jew inizjattivi saru mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) minn Jannar 2016 sal-aħħar ta’ Lulju 2017 immirati għal min iħaddem?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li f’Jannar tal-2017, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) organizzat Business Breakfast għal min iħaddem. Waqt din l-attività, ġiet diskussa l-importanza ta’ miżuri favur il-familja fuq il-post tax-xogħol. 70 parteċipant attendew din l-attività. L-NCPE organizzat ukoll sessjonijiet ta’ konsultazzjoni ma’ Human Resource Managers u kapijiet ta’ entitajiet ġejjin mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku. Diversi parteċipanti qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar tipi differenti ta’ miżuri favur il-familja skont is-settur tal-impjieg. L-ewwel tlett sessjonijiet saru f’April, f’Mejju u f’Settembru tal-2017, u għalihom attendew 55 parteċipant. L-NCPE tiċċertifika entitajiet fis-settur privat kif ukoll pubbliku li juru impenn sabiex tintlaħaq ugwaljanza bejn is-sessi fl-operat tagħhom. Tul l-imsemmi perjodu, l-NCPE iċċertifikat 23 organizzazzjoni bil-Marka tal-Ugwaljanza (Equality Mark), filwaqt li 12-il organizzazzjoni oħra ġew ri-ċertifikati b’din il-Marka. Sal-aħħar ta’ Lulju tal-2017, kien hemm 78 entità ċċertifikata bil-Marka tal-Ugwlajnza li għandhom madwar 20,800 impjegat.