Imqabba – proġett ta’ manutenzjoni u ta’ tisbiħ fil-Housing Estates
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk hemmx maħsub proġett ta’ manutenzjoni u ta’ tisbiħ fuq binjiet ta’ housing fl-Imqabba?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kunsill Lokali tal-Imqabba se jibbenefika mill-iskema 2 – Manutenzjoni tal-komun fil-binjiet tal-Gvern f’żewġ blokki fejn fil-ġranet li ġejjin se jiġi ffirmat il-ftehim bejn il-Kunsill Lokali tal-Imqabba u l-Awtorità tad-Djar u dak bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Assoċċazzjoni tar-Residenti. Il-blokok illi ser ikunu qed jibbenefikaw huma;
· Blk B, Binja Ħarriġiet, Triq il-Ħarriġiet, Mqabba
· 27, Ent C, Binja Ħarriġiet, Triq il-Barrieri, Mqabba
Birżebbuġa — Tneħħija tat-tankijiet tal-fjuwil 31 ta’ Marzu
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk ittieħdux passi jew inbdewx proġetti biex ikompli x-xogħol relatat mat-tneħħija tat-tankijiet tal-fjuwil 31 ta’ Marzu 1979 f’Birżebbuġa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kien imħabbar qabel, sabiex is-sit ta’ Birżebbuġia tingħalaq darba għal dejjem, iridu jiġu fi tmiemhom tlett proġetti maġġuri li bħalissa qegħdin fil-fażi ta’ kostruzzjoni. Dawn il-proġetti kapitali se jiswew lill-kumpanija Enemed mas-sebgħin miljun ewro u huma:
Il-proġett ta’ rinnovar u “
upgrade
” tat-tankijiet ta’ taħt l-art, liema proġett beda fil-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena u huwa stmat li jkun lest sa’ Diċembru tal-2019.
Il-proġett ta’ “
filling station
” ġdida u uffiċini ġodda f’Ħas Saptan fejn dan il-proġett beda ukoll f’ Jannar ta’ din is-sena u huwa stmat li jkun lest ukoll sa’ Dicembru tal- 2019.
Il-proġett ta’ bdil ta’ tankijiet kollha tal-ħażna ġo l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-ewwel fażi tal-proġett hija lesta u f’Ġunju għandha tibda t-tieni fażi li mistennija tkun lesta wkoll sa’ Diċembru tal-2019.
Qajjenza – faċilità fejn kienu jimtlew iċ-ċilindri tal-gas
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x’passi se jkunu qed jittieħdu rigward il-faċilità fejn kienu jimtlew iċ-ċilindri tal-gass fil-Qajjenza u jekk hemmx pjani ta’ żvilupp għal dan is-sit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-Enemalta għaddejja b’diskussjonijiet interni dwar l-iżvilupp ta’ dan is-sit.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra f’liema stadju wasal il-proġett biex jingħadda cable mill-power station lejn Ħal Far li jgħaddi minn Birżebbuġa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-proġett relatat mar-rinfurzar tal-infrastruttura tal-Enemalta, li kien jinvolvi xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ cables mill-power station ta’ Delimara sa Ħal Far, wasal fil-fażi finali tiegħu. Huwa ppjanat li fil-ġimgħat li ġejjin il-cables kollha jkunu ġew mgħoddija u allura l-proġett ikun jista’ jibda jiġi konkluż.
Birżebbuġa – xogħlijiet fuq mains tal-ilma u drenaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk ix-xogħlijiet f’mains tal-ilma u d-drenaġġ f’Birżebbuġa nbdewx u kif se jkun qed jitwettaq dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fi Triq Birżebbuġia minn fejn l-Għassa sa Misraħ il-Knisja u Triq Santa Katarina huma lesti. Ix-xogħlijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kemm tal-ilma, kif ukoll tad-drenaġġ se jissuktaw fit-toroq l-oħra wara li jitlesta x-xogħol tal-Enemalta li qiegħed joqrob lejn it-tmiem. Dawn it-toroq jinkludu Triq San Patrizju sa Misraħ is-Summit, Triq il-Bajja s-Sabiħa, Triq Żaren Dalli u Triq Għar Dalam sa kantuniera ma’ Triq Salvatore Cachia Zammit. Għalkemm il-programm tax-xogħol diġa’ ġie mfassal mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, dan għad irid jiġi maqbul mal-Kunsill Lokali u awtoritajiet ikkonċernati minħabba li jkun qorob biex jibda l-istaġun tal-għawm.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra x’miżuri ta’ traffic management qed jittieħdu u x’se jkunu qed jittieħdu fid-dawl tax-xogħlijiet li għaddejjin fil-preżent f’Birżebbuġa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta bħalissa qegħdha ssaħħaħ il-provvista tal-elettriku mill-Power Station għal Birżebbuga / Ħal Far u għal dan il-għan qegħdin jgħaddu infrastruttura taħt l-art.
Transport Malta qegħdha tgħin biex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet li jaffetwaw mill-inqas lil min għandu bżonn jagħmel użu minn dawn it-toroq. Għaldaqstant esiġejt li tingħalaq biss karreggjata waħda waqt li għaddejjin dawn ix-xogħolijiet filwaqt li jitħalla ukoll jgħaddi it-trasport pubbliku. Dan peress li t-trinek li jinfetħu rridu jkunu ta’ madwar 350 metru sabiex dawn il-cables jitpoġġew fl-intier tagħhom.
Kulħadd jifhem li għalkemm jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet, jibqa’ l-inkonvenjent ta’ min titwallu t-triq bid-devjazzjonijiet li jkunu meħtiega. Transport Malta ħadet ħsieb ukoll li tara li l-kuntrattur jimxi mad-dati ta’ skadenzi u għaldaqstant dan ix- xogħol huwa mistenni li jiġi ffinalizzat fil-ġimgħat li ġejjin.
Ħal Kirkop — Triq il-Ħawħ u Triq il-Lewżiet - sistema tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu jew se jkunu qed jittieħdu in vista ta’ lmenti fi Triq il-Ħawħ u Triq il-Lewżiet f'Ħal Kirkop fir-rigward tal-ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ li qed jaffettwa proprjetajiet privati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet investigat il-każ żmien ilu fejn irriżulta li kien hemm ħsara fid-drainge house connection ta’ proprjeta ta’ terzi li kkaġunat żbroffi minn żmien għal żmien. Il-każ kien ġie riferut lid-Dipartiment tas-Sanita Pubblika peress li jaqaw taħt ir-responsabbilita’ tagħhom. Għaldaqstant il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ser terġgħa tispezzjona l-medded tat-triqat imsemmija permezz tac-CCTV biex jiġi aċċertat jekk żviluppawx xi ħsarat oħra. Jekk jirriżulta xi nuqqas fil-mejnijiet tad-drenaġġ, dawn ser jiġu ndirizzati minnufih b’mod permanenti.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk hux se jkunu qed jittieħdu passi biex is-servizz tat-trasport pubbliku tar-rotta 82 jitjieb?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda tanalizza d-domanda fuq ir-rotot tas-servizz tat-trasport pubbliku f’Birzebbuġia u dan sabiex tara x’inhuma il-ħtiġijiet ta’ din il-lokalità.
Tajjeb wieħed jinnota li aktar u aktar persuni qegħdin jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku fejn is-sena ‘l oħra ġie rreġistrat li kien hemm 48 miljun passiġġier li għamel użu minn dan is-servizz, żieda ta’ ftit iżjed minn 11% fuq is-sena preċedenti. Din ix-xejra ta’ żieda fil-passiġġiera tidher li qiegħda tkompli din is-sena ukoll fejn fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena in-numru ta’ passiġġiera żdiedu b’għaxra fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li ħa jkun hemm titjib fuq ir-rotta prinċipali bejn Birzebbuġia u l-Belt Valletta fil-futur qarib.
Il-Qrendi – Sqaq il-Lhudija – xogħol ta’ resurfacing
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk hux se jsir xogħol ta’ resurfacing fi Sqaq il-Lhudija fil-Qrendi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Birżebbuga – Triq tal-Papa u Triq tal-Ġebel – xogħol ta’ surfacing
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk Triq tal-Papa u Triq tal-Ġebel f’Birżebbuġa humiex se jsirulhom xogħol ta’ surfacing minn Transport Malta matul is-sena 2018?
Response (BORG, IAN)
B’refeneza ghal Mistoqsija Parlamentari 3961, Triq tal-Papa u Triq tal-Ġebel – xogħol ta’ surfacing - xogħol ta' għoti ta' tarmak, nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Birżebbuġa Triq Mons Spir Penza u Triq it-22 ta’ Frar – xogħol ta’ surfacing
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk Triq Mons. Spir Penza u Triq it-22 ta’ Frar f'Birżebbuġa, humiex se jsirilhom xogħol ta’ surfacing?
Response (BORG, IAN)
B’refeneza għall-mistoqsija parlamentari 3962, Triq Mons Spir Penza u Triq it-22 ta’ Frar – xogħol ta’ surfacing - xogħol ta' għoti ta' tarmak, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Dipartiment tal-Artijiet – request for proposals għal sit fl-Imtarfa, fl-Imġarr, fil-Mosta u l-Marfa
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra fiex waslu l-proċessi ta’ evalwazzjoni ta’ proċessi ta’ request for proposals ta’ erba’ siti li kienu nħarġu mid-Dipartiment tal-Artijiet għal sit fl-Imtarfa, fl-Imġarr, fil-Mosta u l-Marfa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-evalwazzjoni ta’ proċessi ta’ request for proposals ta’ erba’ siti li kienu nħarġu mid-Dipartiment tal-Artijiet għal sit fl-Imtarfa, fl-Imġarr, fil-Mosta u l-Marfa waslu fi stadju finali u se jgħaddu għand il-Bord tal-Gvernanza fil-jiem li ġejjin.
Birżebbuga – Triq tal-Papa u Triq tal-Ġebel – xogħol ta’ surfacing
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk Triq tal-Papa u Triq tal-Ġebel f’Birżebbuġa humiex se jsirulhom xogħol ta’ surfacing minn Transport Malta matul is-sena 2018?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – bdil ta’ mains tal-ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra liema xogħlijiet se tkun qiegħda twettaq il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) kemm bħala bdil ta’ mains tal-ilma kif ukoll xogħol fis-sistema tad-drenaġġ, fil-lokalità ta’ Birżebbuġa b’mod partikolari fi Triq San Patrizju u l-Bajja s-Sabiħa? Jista’ jgħid ukoll jekk hux ippjanat li jsiru xogħlijiet oħra apparti fit-toroq imsemmija? Jista’ jgħid meta dan ix-xogħol se jkun qed jibda u f’liema toroq se jkun qed isir? B’dawn ix-xogħlijiet liema benefiċċji se jagħtu lil din il-lokalità u r-residenti, u x’passi se jittieħdu biex jitnaqqas l-inkonvenjent waqt li jsiru x-xogħlijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ser tkun qed tbiddel kemm il-mains ta’ l-ilma, kif ukoll tad-drenaġġ fit-toroq imsemmija li huma: Triq San Patrizju, Triq il-Bajja s-Sabiħa, Triq Żaren Dalli, parti minn Triq Birżebbuġa, parti minn Triq Għar Dalam u Triq S. Cachia Zammit fil-Qajjenza, fejn f’din it-triq, ix-xogħlijiet diġa nbdew. Ix-xogħlijiet l-oħra huma ppjanati li jsiru mill-kuntrattur diġa ngaġġat fil-proġett ta’ tpoġġija ta’ cable tal-Enemalta tul l-istess rotta. Ix-xogħol huwa ppjanat li jibda mmedjatament wara li jitlesta x-xogħol tal-cable, apparti f’partijiet fejn ix-xogħlijiet jistgħu jsiru fl-istess ħin.
Il-benefiċċju prinċipali huwa li tiġi fix-xejn ir-riparazzjoni ta’ servizzi qodma li frekwentement jkunu jirrikjedu xi manutenzjoni. B’hekk it-triqat li se jiġu asfaltati ġodda se jkunu ggarantiti fit-tul għal benefiċċju tar-residenti u l-passanti.
Waqt ix-xogħlijiet, minkejja li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma m’hiex direttament responsabbli mill-pjan tal-immaniġjar tat-traffiku, xorta waħda, jekk jkun meħtieġ, se tinvolvi ruħha attivament fil-pjan. Barra min hekk, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma se taċċerta li l-ilmenti li jistgħu jinqalgħu fil-kors tal-proġett, jiġu ndirizzati malajr kemm jista’ jkun bil-għan li tiġi minimizzat l-inkonvenjenza.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess għar-riabilitazzjoni ta’ Wied Fulija? X’passi ħadet il-Wasteserve fl-aħħar xhur u meta huwa mistenni li jkun hemm pjan ċar għall-implimentazzjoni tar-riabilitazzjoni ta’ dan il-Wied?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Wasteserv qegħdha fil-proċess tal-applikazzjoni għall-ogħtja tal-fondi, u permess tal-Awtorità tal-Ippjanar. Ladarba jkun approvat il-permess ta’ żvilupp, u fondi mill-Unjoni Ewropea, tinħareġ sejħa għax-xogħlijiet.
Huwa pjanat li sal-aħħar ta’ 2018 ix-xogħol jibda' fuq il-post.
Santa Venera – residenti li marru fil-poliklinika tal-Floriana għal teħid ta’ testijiet tad-demm
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm residenti ta’ Santa Venera, li attendew fil-Poliklinika tal-Floriana b'appuntament, fis-snin 2015, 2016 u 2017, sabiex jitteħdilhom kampjun ta' demm għal analiżi medika?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Kura Primarja jżomm statistika globali ta’ kemm ittieħdu kampjuni tad-demm ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana li minnu jagħmlu użu residenti ta’ diversi bliet u rħula fosthom Santa Venera.
It-tabella t’hawn taħt turi it-total ta’ kemm ittieħdu kampjuni f’dan iċ-Ċentru tas-Saħħa għal kull sena mitluba.
Sena
2015
2016
2017
Numru ta’ Kampjuni meħuda fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana
18,649
20,334
16,113
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' studenti li gawdew minn stipendju u għotjiet relatati, mill-2011 sa din is-sena skolastika? Jista’ l-Ministru jipprovdi wkoll dettalji dwar it-total ta' għotjiet għal kull sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 3510 - Studenti li gawdew minn stipendju u għotjiet relatati.pdf
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’jinvolvi l-ftehim milħuq mal-Union tal-Għalliema u kif dan se jġib tibdil fis-settur edukattiv?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Fost il-punti prinċipali tal-ftehim milħuq fil-21 ta’ Diċembru wieħed isib it-tisħiħ tal-pakketti finanzjarji tal-edukaturi b’żidiet sostanzjali li jiżdiedu kull sena sal-2021. Dan it-tisħiħ jinkludi numru ta’ allowances ġodda u huma żidiet diġà daħlu fis-seħħ. Oltre minn dan hemm numru ta’ punti lil hinn minn dawk finanzjarji li jsaħħu l-kundizzjoni u l-professjoni tal-edukaturi:
- Żieda tal-ispecial leave għal 31.25 siegħa għal kull sena skolastika, li se tidħol fis-seħħ mis-sena skolastika li jmiss.
- Tisħiħ tal-mobilità bejn setturi, b’rikonoxximent tal-gradi tal-għalliema u snin maħduma meta jsir ċaqliq ta’ impjegat minn skola mhux tal-istat għal waħda tal-istat.
- Iktar opportunitajiet ta’ żvilupp u taħriġ. Iżjed toroq miftuħa għal edukaturi f’kariga supply, biex isiru regolari.
- 40 siegħa (f’kull sena skolastika) ta’ taħriġ u żvilupp personali waqt ħinijiet tal-iskola.
- Iktar spazju biex għalliem ikun jista’ jippjana u jmexxi x-xogħol tiegħu b’mod iktar indipendenti. Dan jorbot anke mat-tibdil li se jiġi introdott b’mod inkrimentali għat-tneħħija tal-eżamijiet ta’ nofs is-sena biex jissaħħaħ l-assessjar kontinwu u l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena.
- Is-syllabi, inkluż dawk vokazzjonali u applikati, se jinħadmu id f’id ma’ dawk li jimplimentawhom, cjoè l-edukaturi stess.
- Progressjoni fast-track fil-karriera għall-għalliema biex jipprogressaw f’6 snin flok fi 8 f’każ li jakkumulaw 360 siegħa ta’ taħriġ volontarju, li taffetwa anke l-pakkett finanzjarju.
- Progressjoni ġodda fil-karriera għall-LSEs u KGEs.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-investiment tal-Gvern f'LSAs, inkluż dawk mhux tal-istat, mill-2011 sa din is-sena skolastika? Jista’ jgħid kif inbidlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-LSAs f’dan il-perjodu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. interpellant li l-għadd ta’ LSAs fi skejjel tal-Istat, Knisja u Indipendenti mill-2011 sa din is-sena skolastika huwa kif se nsemmi:
Sena SkolastikaStatKnisjaIndipendenti
2011-2012155560776
2012-20131688668125
2013-20141782704157
2014-20152029742171
2015-20162083782212
2016-20172215834238
2017-20182380820203
Permezz tal-ftehim settorali li ġie ffirmat f’Diċembru li għadda, l-LSEs infetħulhom opportunitajiet ġodda fil-karriera tagħhom, inkluż bl-LSE III (Skala 10 tipprogressa għal 9) u ftuħ ieħor aktar ‘il fuq. Hemm ukoll titjib fl-allowances.