Jista’ l-Ministru jindika xi pjanijiet hemm għall-proġett ta’ afforestazzjoni f’art f’Bengħajsa? Jista’ jindika meta se jkun qed jibda x-xogħol inkonnessjoni ma’ dan il-proġett? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra u jindika anke b’visuals, ix-xogħol li ġie ppjanat? Jista’ jgħid x’tip ta’ siġar se jkunu qed jitħawlu u kemm qed jiġi stmat li se jitħawlu siġar biex isir dan il-proġett?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proġett ta’ afforestazzjoni f’Bengħajsa jinkludi twittija ta’ ħamrija, installazzjoni ta’ sistema tal-irrigazzjoni, kostruzzjoni ta’ ġiebja, formazzjoni ta’ passaġġi naturali, installazzjoni ta’ bankijiet u bins, tneħħija ta’ wħud mill-arbli u kostruzzjoni ta’ spazji għall-parkeġġ tal-karozzi. Mistenni li jitħawwlu madwar 8,500 siġar u arbuxelli indiġeni fosthom prinjol, ċipress, ballut u diversi speċi ta’ arbuxelli. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ritratti tax-xogħol kif qed jigi ppjanat. Ix-xogħlijiet jibdew kif jinħarġu l-permessi neċessarji u t-tħawwil isir fil-ħarifa.
Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles – traffic calming measures
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk Transport Malta għamlitx xi studju biex isiru traffic calming measures fi Triq il-Port Ħieles f’Birżebbuġa b’mod partikolari viċin il-ground tal-football? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’inhuma l-passi li se jkunu qegħdin jittieħdu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li fil-każ ta’ Triq il-Port Ħieles Birzebbuġa, Transport Malta approvat Traffic Calming measures hekk kif ġej:
-
Road Hump
fil-parti ta’ bejn Triq it-Tħabrik u Triq il-Kostituzzjoni
-
Raised zebra crossing
flok il-
crossing
li hemm bħalissa mal-ġenb tal-
ground
Dawn qegħdin għall-implimentazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x’passi qiegħed jieħu l-gvern rigward l-iżviluppi li qed jiġu reġistrati f’pajjiżna fil-qasam tal-Artificial Intelligence (AI) fid-dawl ukoll ta’ dokument li ġie ppubblikat nhar it-8 ta’ April 2019 mill-Kummissjoni Ewropea dwar linji ta’ gwida u kodiċi ta’ etika li jirregola dan il-qasam?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-ambizzjoni tal-Gvern ghal Malta hija li jistabilixxi politika fil-qasam tal-AI li hija konsistenti ma standards internazzjonali u normi oħrajn ta’ etika. Irridu nibnu fiduċja f’din it-teknoloġija innovattiva minn l-aspett ta’ trasparenza u kontabilità billi l-ewwel nett niżviluppaw qafas nazzjonali ta’ etika biex nassiguraw li s-sistemi tal-AI f’pajjiżna huma “ethically aligned”, trasparenti u li jintużaw b’mod responsabbli. It-tieni billi inħarsu lejn il-qafas regolatorju li bnejna fis-settur tal-blockchain u nespanduh ukoll għal AI, u fl-aħħar nett billi ninkoraġixxu lid-developers biex jadottaw dawn l-istandards.
Id-dokument li ġie ppublikat nhar il-21 ta Marzu –
Towards a National AI Strategy – High-Level Policy document for public consultation
– li se jwassal għal strateġija nazzjonali fuq AI li se tiġi ppublikata aktar tard din is-sena, jindika b’mod ċar li se nkunu qed inħarsu lejn il-linji gwida u kodiċi ta’ etika ppublikati mill-kommisjoni ewropea. Infatti fid-dokument konna qed nagħmlu referenza għad
draft
li kien ħareġ f'Diċembru li għadda. Dawn il-linji gwida jirriflettu l-prinċipji u l-valuri mħaddna fi tratti ewropej, kif ukoll mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Fil-
workshop
li sar għal pubbliku x-xahar li għadda meta ppublikajna l-
high-level policy document
għal konsultazzjoni pubblika tkellmet f'wieħed mill-panels Ms. Irina Orssich, awtriċi tal-
EU
Coordinated plan on Artificial Intelligence
, mill-kommissjoni ewpropeja, fejn hija wkoll faħret ix-xogħol li sar s’issa min-naha tal-Gvern f’dan il-qasam.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li jsiru servizzi ta’ parkeġġi biex jiffaċilitaw l-użu tat-trasport bil-baħar lejn il-Belt Valletta mill-postijiet minn fejn huwa pprovdut is-servizz tat-trasport bil-baħar lejn il-Belt?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
In-Naxxar — Telgħa t’Alla u Ommu - moviment tat-traffiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid hekk hemmx xi pjan biex fiż-żona fejn taqbad il-bypass li mit-Telgħa t’Alla u Ommu tagħti lejn l-Iklin/Naxxar, isir proġett li jiffaċilità l-moviment tat-traffiku?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bit-twettiq ta’ investiment bla preċedent sabiex ittejjeb l-effiċċjenza, il-kwalità, is-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Fl-ewwel xhur mit-twaqqif tagħha, fis-sajf 2018, l-aġenzija wettqet ħidma estensiva sabiex ittejjeb għadd ta’ konnessjonijiet fit-toroq arterjali li minnhom jivvjaġġaw eluf ta’ persuni kuljum. Fost dawn kien hemm ir-roundabout tat-Telgħa t’Alla u Ommu, bejn in-Naxxar u Burmarrad. Permezz ta’ dan it-titjib, tneħħa xkiel li kien joħloq dewmien fl-ivvjaġġar minn Burmarrad lejn in-Naxxar, billi t-triq twessgħet b’korsija ġdida f’din id-direzzjoni.
Is-sena li għaddiet saru wkoll tiswijiet f’partijiet minn Triq il-Fortizza tal-Mosta, li tingħaqad mar-roundabout imsemmija, sabiex jonqsu d-diffikultajiet għal dawk li jużaw din ir-rotta alternattiva bejn Burmarrad, il-Mosta u n-Naxxar.
Fl-istess waqt, Infrastructure Malta bħalissa għaddejja bil-bini mill-ġdid u t-twessigħ ta’ Triq tal-Balal, li tgħaqqad in-Naxxar ma’ San Ġwann. Wieħed mill-benefiċċji ta’ dan il-proġett, li se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar fl-inħawi b’madwar 30 fil-mija, huwa li se jtaffi d-diffikultajiet ta’ dewmien u konġestjoni fi Triq Margaret A. Murray. Din it-triq tgħaqqad ir-roundabout tat-Telgħa t’Alla u Ommu mar-roundabout fil-bidu ta’ Triq tal-Balal. Fost oħrajn, se jkun hemm bypass lane ġdida li biha dawk li se jkunu qed jivvjaġġaw mit-Telgħa t’Alla u Ommu u Triq Margaret A. Murray ikunu jistgħu jduru għal Triq tal-Balal mingħajr ma jidħlu jduru mar-roundabout. B’hekk ser jonqos il-ħin tal-istennija u d-dewmien anke ma’ Triq Margaret A. Murray u t-Telgħa t’Alla u Ommu.
Infrastructure Malta ser tkompli tqis u tanalizza l-andament tal-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar f’dawn l-inħawi, kif ukoll ir-riżultat tax-xogħol li sar fix-xhur li għaddew u li qed isir bħalissa fi Triq tal-Balal, sabiex jekk ikun hemm bżonn aktar titjib fit-toroq arterjali f’dawn l-inħawi, ikun jista’ jsir ukoll.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjani biex jiġi indirizzat il-volum tat-traffiku miċ-ċentru tal-lokalità tal-Iklin u tan-Naxxar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bit-twettiq ta’ investiment bla preċedent sabiex ittejjeb l-effiċċjenza, il-kwalità, is-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Fl-ewwel xhur mit-twaqqif tagħha, fis-sajf 2018, l-aġenzija wettqet ħidma estensiva sabiex ittejjeb għadd ta’ konnessjonijiet fit-toroq arterjali li minnhom jivvjaġġaw eluf ta’ persuni kuljum.
Fost dawn kien hemm ir-roundabout tat-Telgħa t’Alla u Ommu, bejn in-Naxxar u Burmarrad. Permezz ta’ dan it-titjib, tneħħa xkiel li kien joħloq dewmien fl-ivvjaġġar minn Burmarrad lejn in-Naxxar, billi t-triq twessgħet b’korsija ġdida f’din id-direzzjoni.
Is-sena li għaddiet saru wkoll tiswijiet f’partijiet minn Triq il-Fortizza tal-Mosta, li tingħaqad mar-roundabout imsemmija, sabiex jonqsu d-diffikultajiet għal dawk li jużaw din ir-rotta alternattiva bejn Burmarrad, il-Mosta u n-Naxxar.
Xogħlijiet oħrajn saru fi Triq il-Mosta u Triq il-Kbira li jinsabu fir-rotta bejn il-Mosta, l-Iklin u Ħal Lija, kif ukoll fuq ir-roundabout ta’ Ħal Lija. B’hekk mhux biss tjiebet din il-konnessjoni imma tnaqas il-ħin tal-ivvjaġġar fl-inħawi billi saret bypass lane ġdida mar-roundabout biex ġie mtejjeb l-aċċess għall-bypass ta' Birkirkara.
Fl-istess waqt, Infrastructure Malta bħalissa għaddejja bil-bini mill-ġdid u t-twessigħ ta’ Triq tal-Balal, li tgħaqqad in-Naxxar ma’ San Ġwann. Wieħed mill-benefiċċji ta’ dan il-proġett, li se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar fl-inħawi b’madwar 30 fil-mija, huwa li se jtaffi d-diffikultajiet ta’ dewmien u konġestjoni fi Triq Margaret A. Murray. Din it-triq tgħaqqad ir-roundabout tat-Telgħa t’Alla u Ommu mar-roundabout fil-bidu ta’ Triq tal-Balal. Fost oħrajn, se jkun hemm bypass lane ġdida li biha dawk li se jkunu qed jivvjaġġaw mit-Telgħa t’Alla u Ommu u Triq Margaret A. Murray ikunu jistgħu jduru għal Triq tal-Balal mingħajr ma jidħlu jduru mar-roundabout. B’hekk ser jonqos il-ħin tal-istennija u d-dewmien anke ma’ Triq Margaret A. Murray u t-Telgħa t’Alla u Ommu.
Proġett ieħor li wkoll qed isir bħalissa huwa l-bini ta’ roundabout ġdida ħdejn il-Mosta Technopark, biex ittejjeb il-konnessjoni bejn Vjal il-Labour minn u lejn in-Naxxar, Triq Franġisku Pisani, li tagħti lejn l-inħawi ta’ Santa Margerita, il-Mosta, u Triq l-Awstralja, fl-inħawi residenzjali tan-Naxxar.
Infrastructure Malta ser tkompli tqis u tanalizza l-andament tal-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar f’dawn l-inħawi, kif ukoll ir-riżultat tax-xogħol li sar fix-xhur li għaddew u li qed isir bħalissa, sabiex jekk ikun hemm bżonn aktar titjib fit-toroq arterjali f’dawn l-inħawi, ikun jista’ jsir ukoll.
Jista’ l-Ministru konċernat jgħid kemm hemm PC applications li qed jiġu pproċessati mill-Planning Authority u dan b’rabta ma’ żoni ta’ rationalisation? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm il-PC application ġiet approvata biex żoni ta’ rationalisation jiżdiedu ma’ żoni li fihom jista’ jsir żvilupp?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, hemm 28 PC application li qed tiġi pproċessata mill-Planning Authority b’rabta ma’ żoni ta’ rationalisation. Ħamsa minn dawn l-applikazjonijiet qed jipproponu biss tibdil fil-linja tat-triq, u allura hemm biss 23 applikazzjoni pendenti li jistabilixxu parametri ta’ bini. L-Awtorità approvat 76 PC application li kienu jistabilixxu parametri ta’ bini f’dawn iż-żoni.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq applikazzjonijiet ta’ ppjanar ta’ żvilupp (PC applications). Għall-ewwel parti tad-domanda, ġew inklużi applikazzjonijiet validati sas-19 ta’ Marzu 2019 u li kienu għadhom mhux deċiżi sal-istess ġurnata. Fit-tieni parti ġew inklużi l-applikazjonijiet deċiżi u approvati sal-istess data. Fiż-żewġ każijiet, applikazjonijiet li daħlu qabel l-2006 ma tqiesux, minħabba li f’dak iż-żmien iż-żoni ta’ rationalization kienu għadhom ma ġewx stabiliti.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett infrastrutturali li tħabbar u nbeda fl-Imqabba u dan biex jiġi indirizzat l-għargħar b’mod partikolari fiż-żona magħrufa bħala Tal-Ġibjun fl-Imqabba? Jista’ jgħid ukoll jekk il-ġibjun preżenti hux se jitneħħa jew hux se jsir xi xogħol fuqu? Jista’ jgħid hux maħsub li jinbena xi ġibjun ieħor f’xi żona fil-qrib?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-proġett biex tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar fiż-żona tal-Imqabba msemmija mill-Onor. Interpellant tikkonsisti f’dawn it-tlett fażijiet:
1. Sistema ta’ katusi tal-ilma tax-xita li jgħaddu minn Triq Karmenu Ciantar, Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u Triq Xandru Farrugia. Din il-fażi tal-proġett ser titlesta din il-ġimgħa u wara jkun jonqos ix-xogħol marbut mal-għoti mill-ġdid tal-uċuħ bil-
hot asphalt
tal-partijiet effettwati bix-xogħlijiet li saru fit-toroq imsemmija.
2. Bini ta’ ġibjun kbir imiss ma’ Triq George Darmanin, li fih ser jinżel l-ilma kollhu li ser jinġabar mill-infrastruttura l-ġdida li qed tibena. Għal dan ix-xogħol għadha kif ġiet ippubblikata sejħa għall-offerti mid-Dipartiment tal-Kuntratti li tagħlaq fid-9 ta’ April 2019. Il-kapacità ta’ dan il-ġibjun ser tkun ta’ madwar 11,000 metru kubu.
3. L-ilma li jaqa’ fit-toroq li jagħtu għall-pjazza ser jinġabar f’sistema ta’ katusi tal-ilma li eventwalment jingħaqdu mal-istess infrastruttura. Din il-fażi tal-proġett ser issir bħala parti mix-xogħol li hu ppjanat għat-tisbiħ tal-Pjazza tal-Imqabba.
Bl-infrastruttura ta’ sistemi kontra l-għargħar li qegħdin isiru u qed jiġu ppjanati li jsiru f’dan il-proġett, il-ġibjun eżistenti jista’ jiġi eliminat fil-futur jekk ikun hemm il-ħtieġa li jsir dan, mingħajr ma titnaqqas mill-effiċjenza tas-sistema l-ġdida li qed tiġi mibnija f’dawn l-inħawi.
Peress li statistika uffiċjali tindika li fl-aħħar kwart tas-sena 2018, kien hemm current account surplus fit-transazzjonijiet bejn Malta u pajjiżi oħra, jista’ l-Ministru jindika liema kienu dawk il-fatturi li wasslu għal dawn ir-riżultati u liema oqsma jara li hemm bżonn jissaħħu biex nibqgħu niksbu riżultati bħal dawn?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-current account surplus fl-aħħar kwart tas-sena 2018, kien primarjament rizultat ta’ bilanċ nett pozittiv fil-kont tas-servizzi. Il-kontributur ewlieni kienet il-Kategorija Personal, Cultural and Recreation activities li tinkludi l-industrija tar-remote gaming.
Jista d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħarraf lil din il-Kamra kemm irrikorrew għal assistenza fil-poliklinka ta' Ħal Kirkop sa minn meta ġiet inawgurata fis-sena 2017?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta ġie inawgurat iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal-Kirkop iġifieri mill-14 ta’ Settembru tal-2018 sal-lum kien hemm 27,400 klijent li talab u rċieva assistenza minn dan iċ-Ċentru.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħarraf lil din il-Kamra hemm hemm persuni li jingħataw mediċini permezz tal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla tiegħek?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2018 kien hemm 159,781 persuni li bbenefikaw mill-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla tiegħek u li gawdew minn mediċini mingħajr ħlas.
Jista d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħarraf lil din il-Kamra kemm ingħataw assistenza medika persuni fid-Dipartiment tal-Emerġenza matul is-sena 2018?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2018 kien hemm 142,519 attendenzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza, f’Mater Dei.
Awtorità tal-Artijiet – Fortizza ta’ Bengħajsa — konċessjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx konċessjonijiet jew xi titolu favur terzi in rigward il-Fortizza ta’ Bengħajsa fil-limiti ta’ Birżebbuġa jew jekk din il-fortizza hiex fil-pussess tal-Awtorità tal-Artijiet?
Response (BORG, IAN)
sNinforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li wara spezzjonijiet preliminari, is-sezzjoni tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet ser tkun qed tipproċedi billi tinvestiga s-sit f’iktar dettal.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra meta se jibdew ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni ta’ Wied Fulija li għandhom isiru minn Wasteserve?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni ta’ Wied Fulija se jibdew appena jinħareġ l-executable permit mill-Awtorità tal-Ippjanar. F’dan l-istadju, il-proġett ġie approvat u s’issa nħareġ non-executable permit minħabba li l-Awtorità tal-Ambjent (ERA) talbet li jsiru numru ta’ testijiet fuq il-ħġieġ li jinsab f’din il-landfill. Is-samples tal-ħġieġ ittieħdu diġà u hekk kif jiġu analizzati r-riżultati, dawn sejrin jiġu sottomessi lill-ERA. Nifhmu li malli l-ERA tkun sodisfatta mir-riżultati, ikun jista’ jinħareġ l-executable permit mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Sadanittant, ġie ffirmat il-kuntratt mal-
Joint Venture
li ħa tkun qed twettaq ix-xogħlijiet. Bħalissa l-kuntrattur qed jagħmel is-
surveys
neċessarji fuq is-sit kif ukoll xi studji oħra. Malli joħroġ il-permess, ikun jista’ jibda x-xogħol minnufih. Hu maħsub li x-xogħol se jibda għal nofs din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-kamra jekk ir-razzett fl-inħawi f’Tal-Papa fil-limiti ta’ Birżebbuġa li jidher fir-ritratt li qed jingħata separatament huwiex proprjetà tal-gvern u jekk hemmx pjani biex dan jiġi rijabilitat jew hemmx titoli favur terzi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-ritratt li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hemm żewġt irziezet. Filwaqt li t-tnejn huma proprjetà tal-Gvern, dak immarkat bl-aħmar huwa mikri lill-terzi persuni. Skont ir-records tal-Awtorità tal-Artijiet, m’hemmx pjanijiet ta’ rijabilitazzjoni.
Marsaskala – infiltrazzjoni ta’ drenaġġ fi proprjetà
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħarraf lil din il-Kamra jekk ir-rapporti li daħlu rigward ilmenti minn sidien ta’ proprjetà f’Marsaskala dwar infiltrazzjoni ta’ drenaġġ fi proprjetà privata ġewx riżolti u jekk hemmx xi raġuni f’każ li hemm rapporti li għadhom ma ġewx solvuti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jipprovdi l-informazzjoni dwar liema proprjetà qed jirreferi.
Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi – Ħal Far – duħħan abjad
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7809, jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra, f’każijiet ta’ rapporti dwar duħħan bħal dawn, x’tip ta’ spezzjonijiet jew eżamijiet isiru min-naħa tal-Awtorità kompetenti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każijiet ta’ rapporti dwar dħaħen industrijali, il-faċilità tiġi spezzjonata mill-ERA mill-iktar fis possibbli. Fi spezzjonijiet bħal dawn tipikament jiġu ċċekkjati ‘maintenance logs’ tal-apparat, u jiġi mistoqsi jekk kienx hemm xi ħsarat li setgħu kkaġunaw id-dħaħen, speċjalment f’każi ta’ dħaħen suwed. L-operatur jiġi mistoqsi dwar l-aħħar tibdil jew tindif li jkun sar fuq is-sistema tal-filters. F’ċerti każi fejn l-uffiċjali jidhrilhom li hemm evidenza ta’ nuqqas ta’ manutenzjoni u tindif regolari, jiġi mitlub ċertifikat ta’ manutenzjoni mingħand inġinier. Dawn il-proċeduri japplikaw partikolarment f’każijiet ta’ dħaħen suwed. Meta fil-produzzjoni tat-tarmak, li tinvolvi proċessi ta’ sħanat kbar, jintuża żrar li jkun għadu mxarrab jew niedi, jiġi ġġenerat duħħan bajdani, u dan mhux biss mill-faċilità li tat lok għall-Mistoqsija Parlamentari oriġinali.
Awtorità tal-Artijiet – Fortizza ta’ Bengħajsa — konċessjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx konċessjonijiet jew xi titolu favur terzi in rigward il-Fortizza ta’ Bengħajsa fil-limiti ta’ Birżebbuġa jew jekk din il-fortizza hiex fil-pussess tal-Awtorità tal-Artijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjani biex il-parti ta’ Triq Mons Spiru Penza li tagħqad ma’ Triq it-22 ta’ Frar f’Birżebbuġa hux se tkun qed tingħata asfalt?
Response (BORG, IAN)
Il-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, f’Jannar 2019, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid is-sena d-dieħla.
It-toroq li bdew jinbnew mill-ġdid fil-ġimgħat li għaddew jinkludu Triq il-Ġdida fi Triq l-Għarnuq, il-Fgura, Triq Valletta, Triq Santa Marija u Triq il-Gudja, Ħal Għaxaq, Triq Vincenzo Dimech, fil-Furjna, Triq Ħadd in-Nies, Ħaż-Żabbar, Triq Taltas u Triq Toni Zahra fiż-Żejtun, Triq Ġorg Borg Olivier u Triq Ħal Tartarni fir-Rabat, Triq Alessandra, Bormla, Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa u Triq San Dwardu, fil-Birgu, Triq Mike Pulis, Birkirkara, Triq it-Turisti u Triq il-Luzzu f’San Pawl il-Baħar, Vjal Sir Temi Zammit f’Ta’ Xbiex, Triq Luqa Briffa, il-Gżira, Triq Dawret il-Wied, il-Mosta, Triq Wied Għomor f’San Ġiljan, Triq Filippu Castagna fil-Gudja, Triq Santa Marija, Ħal Tarxien, Triq il-Qaliet, Marsascala, Triq ir-Rinella fil-Kalkara, Triq il-Qalb ta’ Ġesu, Triq il-Ġdida u Triq Tax-Xewk f’Raħal Ġdid, Triq it-Tempesta, il-Qrendi, Triq il-Ġdida fi Triq Innoċenzju, l-Imqabba u Triq is-Sarġ l-Imsida.
Ix-xogħol meħtieġ għall-bini mill-ġdid ta’ aktar toroq qed jiġi ppjanat bħalissa u ser jitħabbar fiż.żmien li ġej.
L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.