Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra x’passi se jittieħdu biex is-servizz tat-trasport pubbliku li kien iservi f’Ħal Farruġ u li twaqqaf wara xogħlijiet li saru fit-Triq Ħal Qormi, jerġa’ jitkompla?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, Infrastructure Malta kellha tieħu deċiżjonijiet neċċessarji minħabba miżuri ta’ sigurtà.
Fil-frattemp intant TM qed taħdem ħalli issib alternattiva fuq it-transport pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra meta se jibdew ix-xogħljiet ta’ bini ta’ carpark f’Birżebbuġa wara li ħarġu l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Settembru 2019?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ dan il-proġett. Bħalissa għaddejjin taħdidiet rigward il-Construction Management Plan. La darba dawn it-taħdidiet jiġu fi tmiemhom, ikun jista’ jinħareġ il-permess għall-iżvilupp sħiħ. Sadanittant, it-tender document bħalissa qed jiġi vvettjat mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett mistennija jibdew fl-2020.
Aġenzija Żgħażagħ – tmexxija ta’ skate park f’Birżebbuġa
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x’inhu l-involviment tal-Aġenzija Żgħażagħ fit-tmexxija ta’ Skate Park fil-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa partikolarment dwar attivitajiet u manutenzjoni tal-istess?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li, skont il-Kuntratt li l-Aġenzija iffirmat mal-Malta Trust Foundation u l-Kunsill Lokali Birżebbuġa fil-25 ta' April 2019, l-aġenzija hija obbligata li twaqqaf core group ta' żgħażagħ responsabbli għat-tfassil tal-programm ta' empowerment taż-żgħażagħ għall-użu tal-ispazju ta' fejn hemm l-iskate park sabiex tippromwovi l-parteċipazzjoni kontinwa taż-żgħażagħ, u dan għandu jsir waqt is-servizz ta’ detached youth work li l-Aġenzija Żgħażagħ qed tagħti ġo Birżebbuġa darbtejn fil-ġimgħa. Fl-istess kuntratt huwa mniżżel ċar li t-tiswijiet u manutenzjoni se jkunu jibqgħu responsabbiltà fl-interità tagħhom tal-Kunsill Lokali Birżebbuġa, waqt li wkoll l-istess kunsill hu esklussivament responsabbli sabiex jassigura dan l-iskate park ma’ kumpanija ta' assigurazzjoni għal kwalukwe riskju ta' persuni u oġġetti u għalhekk il-Kunsill lokali huwa vestit b'kull responsabbiltà għal dan ir-rigward.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex applikazzjonijiet għal permessi mill-Gvern Lokali, jibdew isiru online minflok bil-proċeduri preżenti?
Jista’ l-Ministru jgħid:
a. Kemm hu n-numru ta’ maġistrati maħtura fil-Qorti tal-Maġistrati?;
b. Kemm huma l-maġistrati assenjati biex jisimgħu kawżi kriminali u kemm huma assenjati beix jisimgħu kawżi ċivili?;
c. Hemm maġistrati li jisimgħu kawżi kriminali u kawżi ċivili?;
d. Kemm infetħu inkjesti maġisterjali mis-sena 2010 sa din is-sena, kemm ġew magħluqa u kemm hemm pendenti skont is-sena li nfetħu?;
e. Kemm ġew ippreżentati kawżi tad-distretti tal-pulizija skont is-seduti tad-distretti li jinstemgħu mill-Qorti tal-Maġistrati?;
f. Kemm infetħu kawżi ċivili fil-kompetenza tal-Qorti tal-Maġistrati mis-sena 2010 sa din is-sena?;
g. Kemm ġew deċiżi minn dawn il-kawżi?;
h. Kemm hemm sentenzi li tlesta s-smigħ tagħhom u huma differiti għas-sentenza u kemm ilhom differeti għas-sentenza?
B’referenza għall-inizjattiva mħabbra għal transport bil-baħar bejn lokalitajiet differenti f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk mal-lokalitajiet li ssemmew, hux qed jiġi kkunsidrat li tkun inkluża wkoll il-lokalità ta’ Birżebbuġa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li qed nieħu nota ta’ dak imsemmi minnek, u allura x-xewqa li Birzebbuga tkun inkluża, u nħares il’ quddiem sabiex ikun hemm soluzzjoni sostenibbli f’dan ir-rigward ukoll.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex isir parkeġġ aktar adegwat f'Wied iż-Żurrieq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-viżjoni tal-Gvern hi li ser jaħdem biex jingħataw inċentivi sabiex jinħolqu parkeġġi ġodda speċjalment f’żoni urbani fejn tintuża wkoll it-teknoloġija moderna bħal-apps u tabelli teknoloġiċi fejn jindikaw il-parkeġġi disponibli. Qed nieħu nota u nifhem li hija x-xewqa tal-kommunita’ li jkun hemm zieda ta’ spazji ghal parkeġġi fiż-żona msemmija wkoll.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – Birżebbuġa — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet se jkunu qed isiru matul din is-sena u fl-ewwel nofs tas-sena 2020 jew qegħdin isiru fil-lokalità ta’ Birżebbuġa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li ser ikunu qiegħdin isiru matul din is-sena u fl-ewwel nofs tas-sena 2020 fil-lokalità ta’ Birżebbuġa huma dawn: Triq ta’ Gilgejla, Sqaq fi Triq il-Kunċizzjoni, triq bla isem fi Triq l-Għirgħien, Triq Brolli Saptan (it-tieni parti), Triq tan-Nadur, triq bla isem fi Triq Ħal Far, triq bla isem fil-limiti ta’ Brolli, Triq il-Bżulija, Triq l-Għirgħien, Triq il-Musbieħ, Triq il-Qroll.
Birżebbuġa – art tal-impjant tal-gass tal-Qajjenza — pjanijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjani dwar l-użu tal-art preżentement okkupata mill-impjant tal-gass tal-Qajjenza? Jista’ jgħid jekk hemmx pjani li ssir konsultazzjoni mal-komunità ta’ Birżebbuġa dwar l-użu futur ta’ dan is-sit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li għadu kmieni biex wieħed jitkellem fuq pjanijiet għall-użu tal-art tal-Qajjenza, eventwalment meta l-Enemalta tkun qed tapplika għall-permessi neċessarji mal-Awtorita’ tal-Ippjanar, ser ikun hemm il-konsultazzjonijiet neċessarji kif stipulat mill-istess proċess.
JIsta' l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet ta' tħawwil ta' siġar f'Bengħajsa? Kemm-il siġra se tkun qed titħawwel, x'tip ta’ siġar se jitħawlu? Jista' jispjega kif se jkun immaniġġjat dan is-sit b’mod partikolari x’miżuri se jittieħdu dwar it-tisqija tal-istess siġar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġranet li ġejjin ser jibdew jitħawwlu s-siġar peress li bħalissa huwa ż-żmien idoneju minħabba l-klima u iżid il-possibilta ta’ suċċess tat-taħwil. Sa l-aħħar tas-sena ser ikunu tħawwlu 2,000 siġra filwaqt li matul l-2020 jitwaħħlu 4,000 siġra u arbuxelli oħra. Il-kumplament tas-siġar jitħawwlu fl-2021 għal total ta’ 9,300 siġra. Bħala parti mill-proġett ser tinbena ġiebja sabiex jinħażen l-ilma tax-xita li eventwalment jintuża għat-tisqija. Se titfassal sistema ta’ irrigazzjoni effiċjenti bit-taqtira. Din is-sistema tagħti l-ilma fejn is-siġar biex titnaqqas il-ħela ta’ ilma.
Speċi u kwantitajiet ta’ siġar proposti għat-taħwil:
a. Ceratonia Siliqua 2,000
b. Olea Sylvestris 1,500
c. Pistacia lentiscus 1,900
d. Pinus halepensis 1,000
e. Quercus coccifera 1,000
f. Teucrium fruticans 700
g. Phlomis fruticosa 300
h. Spartium junceum 300
i. Anthyllis hermanniae 200
j. Cistus spp. 200
k. Salvia officinalis 100
l. Thymbra capitata 100
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2007, liema proġetti li ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar li fihom kien hemm kundizzjonijiet li jingħataw fondi għall-użu fil-lokalità ta’ Birżebbuġa u kienx hemm permessi meta l-Awtorità tal-Ippjanar approvat li jingħataw fond b’risq il-lokalità u xi entità oħra governattiva irrevokat dik id-deċiżjoni?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista li turi n-numru tal-applikazzjoni, deskrizzjoni tal-proposta u l-indirizz ta’ fejn ntalab li jsir ix-xogħol f’Birżebbuġa li ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-2007 l’hawn, li kienu jinkludu kundizzjoni li titlob li l-applikant iħallas flus bħala planning gain.
Min dawn, skond is-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar, ma jidher li l-ebda permess ma ġie annullat min xi entità oħra. Però jekk il-permess ma jkunx ġie revokat, kif mistoqsi mill-Onorevoli interpellant, iżda s-somma li kella titħallas tnaqqset jew inħafret, din l-informazzjoini ma tkunx jista’ tinġabar mis-sistema.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar applikazzjonijiet għal permess ta’ żvilupp, fejn il-kunsill lokali miżmum fis-sistema jinkludi dak ta’ Birżebbuġa u d-deċiżjoni li tiġi approvata l-applikazzjoni ttieħdet mill-Awtorità stess.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta għandhiex xi pjanijiet biex tindirizza problema li ilha preżenti f’Birżebbuġa li meta jogħla l-livell tal-baħar, qed tikkawża li it-triq quddiem il-bini tal-Kunsill Lokali tkun litteralment taħt il-livell tal-baħar?
Response (BORG, IAN)
Permezz ta' Infrastructure Malta, il-Gvern qed iwettaq il-pjan nazzjonali sabiex ittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport f’pajjiżna, b'xogħlijiet f'toroq arterjali, residenzjali u rurali u strutturi u sistemi oħra.
F’din il-ħidma, l-aġenzija qed tappoġġja lill-kunsilli lokali bil-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq residenzjali li qabel ma kellhomx il-fondi sabiex isiru. Kmieni din is-sena, l-aġenzija bdiet twettaq dan l-investiment ta’ €700 miljun f’seba’ snin u s’issa diġa beda xogħol ta’ bini mill-ġdid f’aktar minn 80 triq differenti. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet tlestew, jew waslu biex. Malli x-xogħol fuq triq jintemm, il-kuntratturi mill-ewwel jibdew jibnu mill-ġdid triq oħra. B’hekk, gradwalment, fis-seba’ snin li ġejjin Infrastructure Malta se tkun qed ittejjeb il-kwalità, s-sigurtà, l-effiċjenza u s-sostenibilità ta’ dawn it-toroq residenzjali.
It-toroq u l-bini fiz-zona indikata jinsabu prattikament mal-livell tal-baħar. Fil-fatt, ikun hemm drabi fejn saħansitra l-livell tal-baħar jogħla aktar mil-livell tat-triq, bil-konsegwenza li jkun hemm diffikultajiet t’għargħar. Dan il-fenomenu ilu jikkawża diffikultajiet fl-inħawi għal ħafna snin.
Infrastructure Malta qed tevalwa s-sitwazzjoni partikolari ta’ dawn it-toroq, sabiex tistabbilixxi soluzzjonijiet li jtaffu l-għargħar tat-toroq bil-maltemp jew meta jogħla l-livell tal-baħar mingħajr ma jinħolqu konsegwenzi fuq il-bini fl-inħawi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kawża nstemgħet kontra Malta fil-Qorti ta’ Strassburgu fl-aħħar 15-il sena? X’kienu l-materji tal-vertenzi deċiżi f’dawn il-kawżi? X’kien l-eżitu ta’ kull kawża?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru l-każijiet kontra Malta fejn il-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet vjolazzjoni u l-każijiet fejn ma sabitx vjolazzjoni rispettivament.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-ġonna li huma amministrati minn PARKS?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dak li qabel kien id-Direttorat tal-PARKS illum jifforma parti minn Ambjent Malta li kif jaf għandha r-responsabbiltà li tieħu ħsieb l-ambjent naturali ta’ pajjiżna. Ambjent Malta llum tieħu ħsieb il-ġonna fil-:
· Park Nazzjonali Ta’ Qali li jinkludi l-
Petting Farm
, l-
Adventure Park
u żewġ
dog
parks
· Park Nazzjonali tas-Salina
· Park tal-Familja Marsaskala
· Buskett
Barra minn hekk, id-dipartiment isegwi u jissorvelja x-xogħlijiet li hemm marbuta mal-kuntratt preżenti li għandu l-Gvern Ċentrali mal-ELC fuq ġonna pubbliċi. Dawn il-ġonna huma:
· San Anton
· Il-Mall
· L-Argotti
· San Filippu
· Sa Maison
· Notre Dame
· Herbert Ganado
· Barrakka ta’ Fuq
· Barrakka t’ Isfel
Irrid ngħid li minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li l-ambjent naturali ta’ Malta jingħata l-importanza li jixraqlu. Huwa għalhekk li jien dejjem tajt direzzjoni sabiex Ambjent Malta tkun għodda ewlenija f’dan il-kuntest u x-xogħol li qed isir huwa riflessjoni ta’ din id-determinazzjoni li aħna għandna. F’dan il-kuntest ta’ min wieħed jgħid ukoll li Ambjent Malta preżentament qed tagħmel xogħol ġewwa l-Foss ta' Ħaż-Żabbar li ser ikun qed jinfetaħ bħala ġnien lejn l-ewwel kwart ta 2020. Ambjent Malta bdiet ukoll tħejji għall-proġett tal-Cottonera Green Belt li dettalji dwaru nagħti fil-mument opportun. Flimkien ma dawn, ġiet identifikata żona ġewwa l-konfini tal-Birgu (n-naħa ta Fortini) fejn ser ikun qed jiġi propost intervent ta' riabilitazzjoni taż-żona u tkun miftuħa lura għall-pubbliku b’ faċilitajiet differenti u dan b’kollaborazzjoni tal-ħabrieki Kunsill Lokali tal-Birgu. Barra minn dan irrid ngħid ukoll li Ambjent Malta flimkien mal-kumitati rispettivi ta’ tmexxija tikkoordina numru ta’ xogħlijiet li jsiru ġewwa
parks
oħrajn bħal ma huma l-Park tal-Inwadar, il-Park tal-Majjistral, Xrobb l-Għaġin u s-Salini Salt Pans. Ambjent Malta għadha kif lestiet ukoll proġett ta’ restawr u tisbieħ ġewwa l-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta, flimkien ma taħwil ta’ numru ta' siġar u pjanti ndiġeni. Dan barra xogħlijiet ta’ restawr u tneħħija ta’ speċi invasivi f’numru ta’ widien.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra dwar liema xogħlijiet se jkunu qegħdin isiru fil-bajjiet li jinsabu f’Birżebbuġa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa Birżebbuġa l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi (FTZD) qiegħdha twettaq proġett ta’ renourishment tal-Bajja San Ġorġ. Dan ix-xogħol jinvolvi li jitmexxa r-ramel mill-bajja nnifisha għal fuq ix-xtajta bl-effett li l-bajja tar-ramel tikber. Għaddej ukoll xogħol ta’ manutanezjoni tar-railings tal-istess bajja.
Il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi (FTZD) għamlet ukoll diversi xogħlijiet speċjalment fil-Bajja s-Sabiħa (Pretty Bay), fejn fost l-oħrajn ġew installati numru ta’
walkways, showers, changing rooms, recylce bins
u
Life Guard Tower
.
Ix-xewqa tal-Ministeru hija li tiġi stabbilita strateġija ħolistika ta’ manutenzjoni ta’ dawn il-bajjiet żgħar ramlija.
Transport Malta – irmiġġi fil-Bajjiet ta’ Birżebbuġa
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk Transport Malta għandhiex pjanijiet biex torganizza l-irmiġġi li hemm fil-Bajjiet ta’ Birżebbuġa u hemmx maħsub ukoll pjan biex dawn ikunu jistgħu jiżdiedu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mazzri u l-bagi fil-bajjiet ta’ Birżebbuġia huma kollha reġistrati b’eċċezzjoni taż-żona ta’ quddiem l-Al Fresco (Bajja ta’ San Ġorg).
Beda proċess biex tinġabar id-data u l-informazzjoni kollha neċessarja tad-dgħajjes u l-bagi li hemm f’din iż-żona u li mhumiex rikonoxxuti mill-Awtorità.
Kif tinġabar din l-informazzjoni meħtieġa u nassiguraw li l-bagi huma kollha reġistrati, se toħroġ sejħa għall-offerti biex din iż-żona tiġi ukoll organizzata, bil-possibilità ta’ aktar postijiet ta’ irmiġġi.
Birżebbuġa – Triq 22 ta’ Frar u Triq Mons Spiru Penza — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk fid-dawl li qed isir xogħol fi Triq tal-Papa f’Birżebbuġa, jistax jikkonferma jekk Triq 22 ta’ Frar u Triq Mons Spiru Penza (il-parti li għadha ma saritx) humiex se jsiru wkoll?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra meta se jitkompla x-xogħol fi Triq tal-Ġebel f’Birżebbuġa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bit-twettiq tal-investiment nazzjonali bla preċedent ta’ aktar minn €700 miljun sabiex ittejjeb l-effiċċjenza, il-kwalità, is-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna.
F’Jannar li għadda, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mil-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena. Ħafna minn dawn it-toroq diġà tlestew jew waslu fl-aħħar xogħlijiet, u warajhom beda x-xogħol f’toroq oħrajn. Fl-istess waqt, tħabbret ukoll it-tieni sejħa għall-offerti sabiex aktar tard din is-sena jibda l-bini mill-ġdid ta’ madwar 170 triq oħra.
Triq il-Ġebel f’Birżebbuġa hija fil-lista tal-ewwel 120 triq residenzjali li tinkludi wkoll toroq oħrajn li jinsabu f’din il-lokalità - Triq Żaren Dalli u Triq il-Brolli li qegħdin isiru bħalissa, kif ukoll Triq tal-Papa. Fit-tieni lista mbagħad hemm toroq oħrajn f’Birżebbuġa - Triq il-B¿ulija, Triq il-Għirgħien u Triq il-Musbieħ.
L-investiment tal-Gvern f’dawn it-toroq residenzjali m’huwiex sempliċiment xogħol ta’ manutenzjoni i¿da l-bini mill-ġdid ta’ kull triq li jinkludi t-tneħħija tal-wiċċ eżistenti, il-bdil jew it-tisħiħ tal-pedamenti, it-tibdil ta’ servizzi tad-distribuzzjoni taħt l-art u t-titjib jew bini tal-bankini, skont il-ħtieġa. Il-wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi ta’ asfalt isir wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet estensivi. It-toroq imbagħad jitlestew bis-sistemi ta’ saħħa u sigurtà skont il-ħtieġa, sinjali u marki tat-triq u faċilitajiet oħrajn.
Birżebbuġa – applikazzjoni għal car park viċin il-Freeport
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra bid-dettalji dwar applikazzjoni ppreżentata minn Projects Plus għall-iżvilupp ta’ car park viċin il-Freeport f’Birżebbuġa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għal dan il-parkeġġ tinsab fi stadju avvanzat. Saru l-konsultazzjonijiet neċessarji kemm mad-Direttorat kif ukoll mall-entitajiet ikkonċernati u l-istakeholders.