Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni li jsiru linji sofor fl-inħawi magħrufa tal-Fossa, il-Belt Valletta, sabiex ma jsirx aktar ipparkjar ta' vetturi, u li minħabba f'hekk intilfu 'l fuq minn 35 parkeġġ, itteħdietx waqt laqgħa tal-kunsill?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li d-deċiżjoni sabiex isiru linji sofor fl-inħawi magħrufa tal-Fossa, l-Belt, ma tteħditx waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali. Dan sar biex tiġi ndirizzata l-problema ta’ aċċessibilità għas-servizzi fl-inħawi, fosthom il-passaġġ ta’ servizzi ta’ emerġenza. Dan wara li ambulanza ma setgħetx tgħaddi minħabba l-vetturi pparkjati.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-awtoritajiet ikkonċernati ħadu deċiżjoni biex fil-jiem li għaddew ineħħu aktar minn 35 post ta' parkeġġ miż-żona aktar magħrufa l-Fossa, il-Belt Valletta?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-kwistjoni tikkonċerna lill-Kunsill Lokali u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministeru konċernat.
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24447 għall-perjodu bejn l-2004 u l-2010. Intant id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jiġbor il-bqija tal-informazzjoni rikjesta mill-Onorevoli Interpellant permezz ta’ Memo 30/2012. Hekk kif dan l-eżerċizzju jkun komplut, l-informazzjoni tkun ppreżentata fil-Parlament.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-linji sofor li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, li saru madwar sena ilu ħdejn il-Klabb tal-Boċċi tal-Belt kważi ħdejn il-pitch tal-waterpolo sarux bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet kkonċernati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda approvazzjoni għal dawn il-linji sofor li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35542 u jgħid kemm daħlu karozzi il-Belt Valletta minn meta ġiet introdotta s-sistema ta' CVA? Kemm daħħal flus il-gvern b'din is-sistema?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ vetturi li daħlu l-Belt Valletta bejn Mejju tas-sena 2007 u April tas-sena 2012 huwa ta’ 19,287,483. Dan jinkludi kemm dawk il-vetturi li daħlu mill-punti ta’ aċċess fejn japplikaw il-ħlasijiet tas-CVA, kif ukoll dawk li daħlu l-Belt miż-żewġ punti ta’ aċċess oħra fejn ma' japplikawx ħlasijiet, li huma minn Triq l-Assedju l-Kbir u minn Telgħet Liesse.
Sa l-aħħar t’April tas-sena 2012, id-dħul tal-Gvern minn din is-sistema jammonta għal €5,159,163.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35501 u jgħid liema huma t-toroq residenzjali kollha li qatt ma saru fil-lokalitajiet kollha f'Malta u Għawdex u li ġew imwegħda mill-gvern fil-passat li kellhom isiru? Meta mistennija li jsiru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-parti l-kbira tat-toroq residenzjali ta' Malta li qed isiru bħalissa huma toroq illi kkwalifikaw biex jinbnew is-sena l-oħra.
Għal toroq f'Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
persuni li jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol u taħriġ
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 35540 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm hemm persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol u taħriġ? Minn liema lokalità jiġu dawn il-persuni cioè numru ta' persuni minn kull lokalità li qed jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol u taħriġ? Kemm hu intitolat li wieħed jew waħda tieħu bħala benefiċċju fi flus fil-ġimgħa meta din il-persuna tkun qed tirreġistra għax-xogħol fl-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol u taħriġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlamentari 35541 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u issa ġiet riferuta lilha u tgħid mis-sena 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 għal kull sena, kemm kien hemm persuni li rreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol u taħriġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
kunsilli lokali — applikazzjonijiet għal toroq residenzjali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35500 u jgħid liema huma l-kunsilli lokali li kitbu lill-awtoritajiet kkonċernati rigward it-toroq li qatt ma saru fil-lokalitajiet tagħhom u li l-Gvern Ċentrali hu responsabbli għalihom? Huwa possibli li tibgħat meta saru t-talbiet minn kull kunsill lokali għal kull triq residenzjali li qatt saret? X'kienet ir-risposta tal-awtoritajiet ikkonċernati fuq kull triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ġabar l-informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali u bħalissa qiegħed jevalwha sabiex l-informazzjoni tkun korretta.
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35582 u jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tiegħu li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Transport Malta — sewqan eċċessiv f'żoni residenzjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed tieħu Transport Malta biex sewwieqa ta' karozzi privati li xi uħud minnhom isuqu sewqan eċċessiv f'żona residenzjali cioè f'Triq il-Vittorja l-Isla bejn il-każin tal-PN u ċ-Ċentru tal-Partit Laburista ma jibqax isir minħabba li qed ikun hemm perikolu fit-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni tal-ispeed limits mhix responsabbiltà tal-Ministeri tiegħi u allura nitolbu li jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Permessi fuq imwejjed, siġġijiet u umbrelel fuq art tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2008 sal-lum cioè sena b'sena kemm daħħlu fi flus l-awtoritajiet kkonċernati minn permessi fuq imwejjed, siġġijiet, umbrelel eċċ. li jitpoġġew fuq art il-Gvern ta' Malta hu s-sid, lokal b'lokal?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf li Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
kunsilli lokali — permessi għall-umbrelel, imwejjed u siġġijiet fuq art tal-gvern
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kunsilli lokali humiex intitolati li jipprovdu xi forma ta' permessi jew xi forma ta' kunsens lil dawk li japplikaw biex joħorġu imwejjed, siġġijiet u umbrelel fuq art tal-gvern fil-lokalità tagħhom? Jekk iva, mis-sena 2010 sena b'sena, lokal b'lokal kemm daħħal kull kunsill?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Kunsilli Lokali huma intitolati li jipprovdu permessi għal ħruġ ta’ mwejjed u siġġijiet skont kif stabbilit fl-Avviż Legali Nru 119 tal-2002 li kopja tiegħu qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li wieħed għandu jkollu l-permessi meħtieġa mill-kunsill lokali biex jorganizzaw BBQ fil-lokalitajiet tagħhom? Kemm daħħal fi flus kull kunsill mis-sena 2010 b'din il-miżura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm żewġ Kunsilli Lokali li għandhom fis-seħħ bye-law li tirregola tali attività. Dawn huwa l-Kunsilli Lokali ta’ Birżebbuġa u tal-Mellieħa. Waqt l l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa wieġeb li ma daħħal xejn b’din il-miżura, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa daħħal €5,060 matul l-2010, €6,006 matul l-2011 u €758 matul l-2012 (sa Mejju).
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li applikat għall-post alternattiv?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni ġiet ipproċessata mall-applikazzjonijiet l-oħra għall-akkomodazzjoni alternattiva nhar il-11 ta’ Ġunju, 2012 u l-ispezzjoni se ssir fil-futur qarib.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33896, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għamilx kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament biex jgħaddi l-informazzjoni relatata mas-salarji kurrenti sabiex issir reviżjoni tal-pensjoni ta' din l-istess persuna?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li d-Dipartiment informa bil-miktub bl-iżviluppi li seħħew lill-persuna kkonċernata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bdewx il-proċeduri biex il-kuntrattur li kien qed jaħdem fil-proġett tax-Xatt ta' Bormla, jiġi mħarrek fil-Qorti għall-ispejjeż addizzjonali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illli l-kuntrattur talab illi l-kwistjoni tmur arbitraġġ waqt illi l-Avukat Ġenerali ppropona illi l-ewwel isir tentattiv biex tinstab soluzzjoni amikevoli u fil-preżent qed isiru diskussjonijiet bejn il-partijiet biex tipprova tinstab din is-soluzzjoni.
Xatt ta' Bormla — proġett - fondi mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk minħabba li l-proġett tax-Xatt ta' Bormla waqa lura ħafna, jikkonferma jew jiċħad li parti jew fi total intilfux il-fondi tal-Unjoni Ewropea li qed jiffinanzjaw dan il-proġett u li jwasslu għal madwar €3.8 miljun?
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li jibda x-xogħol fir-rijabilitazzjoni tax-Xatt li minn quddiem il-Klabb tar-Regatta ta' Bormla, jasal sal-Maċina cioè li jsir il-pavimentar ta' Pjazza Gavino Gulia u Pjazza Paulino Vassallo, il-formazzjoni ta' ġnien madwar il-Baċin Nru 1, ir-rijabilitazzjoni tax-Xatt quddiem iż-żewġ binjiet li hemm qrib il-Baċir, l-istallazzjoni ta' pont li jaqsam il-Baċir, il-bini ta' taraġ u aċċess li jagħti għal Triq San Pawl? Meta mistenni li jkun lest?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fiz-zona tar-regatta bdew il-ġimgħa li għaddiet u t-tenders għax-xogħlijiet l-oħra mistennija li joħorġu matul il-ġranet li ġejjin. Ix-xogħol kollu mistenni li jkun lest sa Ġunju 2013.
Baċir Nru 1 — xogħol ta' rijabilitazzjoni tal-imħażen
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda x-xogħol ta' rijabilitazzjoni tal-imħażen li jinsabu fil-Baċir Nru 1? X'mistenni isir hemmhekk?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li d-Development brief għall-imħażen li jinsabu fil-Baċir Nru 1 qeda tiġi evalwata mill-MEPA. Dan ix-xogħol ta’ restawr u użu tal-bini ma' jagħmilx parti mill-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-baċir u tal-madwar li qed isir bħalissa. Qed jiġi propost li dawn il-binjiet jintużaw kemm għal skopijiet kulturali kif ukoll kummerċjali.