Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġew importati karozzi f'pajjiżna mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u minn liema pajjiżi ġew sena b'sena mill-2005 sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm applikazzjonijiet biex jiġu stallati speed cameras f'Malta u Għawdex? Għal liema lokalità?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa, l-Awtorita' Dwar it-Trasport għandha quddiema ħames talbiet għal speed cameras kif ġej:
1. Mġarr Road, Għajnsielem
2. Triq Sir William Harding, Pembroke
3. Mosta Road, Mġarr
4. Triq il-Qalbiena Mostin, Mosta
5. Triq Għajn Tuffieħa, Mġarr
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li jieħu il-ground tal-football ta’ Xgħajra Tornado Football Club? X’mistenni jiġi żviluppat minfloku?
Response (FENECH, TONIO)
It-Taqsima Proprjetà tal-Gvern m’għandha l-ebda talba biex jittieħed il- ground tal-football tax-Xgħajra Tornado Football Club biex minfloku jsir xi żvilupp. Madanakollu, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern għandha żewġ talbiet pendenti, waħda sabiex l-amministrazzjoni ta’ dan il-ground tal-football u l-faċilitajiet anċillarji tiegħu jgħaddu f’idejn il-Kunsill Malti għall-Isport skond id-dispożizzjoni tal-Att dwar l-Isports (Kap 455), kif ukoll, talba mill-Kunsill Lokali Xgħajra għad-devoluzzjoni ta’ biċċa art imdaqqsa li tinkludi wkoll dan il-football ground, sabiex fiha jsir żvilupp ta’żona rekreattiva u jsir xogħol ta’ tisbieħ fl-inħawi, liema proġett huwa kopert bil-permess tal-MEPA.
B'referenza għall-kwestjoni tal-vetturi mingħajr numri tar-reġistrazzjoni li kienu Malta (undocumented vehicles), jista' l-Ministru jgħid għaliex wara kważi sena li għalqet din l-iskema, ħadd għadu ma ngħata numru tar-reġistrazzjoni biex ikun jista' juża vettura vverifikata bħala genuine classic?
Jista' jgħid għaliex minkejja li ħafna applikazzjonijiet kienu eżaminati mill-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki, u vverifikati bħala vetturi ġenwini, xorta waħda min-naħa ta' l-Awtorità dwar it-Trasport ma ħareġ xejn?
Jista' jispjega għaliex meta applikanti li ilhom żmien jistennew, jmorru jistaqsu lill-Awtorità dwar it-Trasport x'inhuma r-raġunijiet tad-dewmien kollu, r-risposta tkun li "weħlu l-files għand il-Ministeru tal-Finanzi" iżda meta dawn l-istess applikanti jistaqsu għand il-Ministeru tal-Finanzi, r-risposta dejjem tkun li l-files kienu pproċessati u qegħdin għand l-Awtorità dwar it-Trasport?
Jista' jagħti deadline raġonevoli biex din il-kwestjoni tkun riżolta, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li l-Awtorità dwar it-Trasport għandu f'idejh eluf ta' euros tan-nies, liema flejjes kienu tħallsu madwar sena ilu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk sarx xi ħaġa biex meta tkun ix-xita ma jinżilx materjal fi Triq tal-Ġebel, Birżebbuġa minn mandra tal-baqar li tinsab f'nofs l-istess Triq? Jista' jgħid ukoll jekk hux se jittieħdu xi passi biex dan l-inkonvenjent jispiċċa?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Kunsill Lokali Pembroke — laqgħa mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li kellhom tnaqqis fl-allokazzjoni finanzjarja minħabba ksur tar-regolamenti finanzjarji sena b'sena mill-2000 sal-lum lokal b'lokal?
Jista' jara li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali jilqa' t-talba biex issir laqgħa bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-kunsill ta' Pembroke? Din it-talba saret fit-13 ta' Ottubru 2008.
Jista' jara li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali jirrispondi għat-talba vis-à-vis il-finanzjament ta' żewġ inizjattivi sportivi tal-Kunsill Lokali ta' Pembroke?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5164, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi dawk il-Kunsilli li tnaqqsulhom fondi mill-allokazzjoni finanzjarja minħabba ksur tar-regolamenti finanzjarji mill-2000 sallum.
Elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali — Nies eliġibbli li jivvutaw
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li fihom hemm l-elezzjoniet għall-kunsilli lokali din is-sena? X’inhi l-popolazzjoni ta’ kull lokal u kemm hu n-numru ta’ nies li huma eligibbli li jivvutaw f’kull lokal? Meta sar dan ir-round ta’ elezzjonijiet tlett snin ilu x’kienet il-poplazzjoni ta’ kull lokal? Kemm kien in-numru ta’ nies li kienu eligibbli li jivvutaw f’kull lokal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-Elezzjonijiet Lokali li jmiss f’Marzu 2009 ser isiru f’Ġunju 2009 (ma’ l-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew) allura n-numru ta’ dawk eliġibbli li jivvutaw ikun dak skond ir-Reġistru Elettorali ppubblikat f’April 2009 li jirrifletti l-istatistika sal-31 ta’ Marzu 2009.
Dwar il-lokalitajiet li fihom ser issir l-elezzjoni, dawn ikunu iffinalizzati wara li jitlesta l-proċess ta’ riforma.
Tista' l-Ministru tgħid jekk sarx Examiners' Report għall-performance tal-istudenti Maltin fl-eżami tas-SEC tal- Ingliż, u jekk sar, tista' tpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra peress illi fuq il-website tal-Università, l-aħħar report li hemm hu tal-2007?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Infurmata li dan ir-rapport u rapporti tal-eżaminaturi tas-suġġetti l-oħrajn kollha li saru fl-2008 ser ikunu jidhru fuq il-website l-ġdida tal-MATSEC sa l-aħħar ta’ Jannar 2009.
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi proċess għaddej rigward is-servizz tal-internet offrut lill-kunsill lokali, liema servizz hemm ftehim bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-MITTS sas-sena 2009? Jista' jgħid ukoll kemm qegħdin iħallsu kull kunsill lokali għal dan is-servizz kull sena? X'se tkun il-policy u kif se jitmexxa dan il-proċess meta f'istant ngħidu li l-kunsilli lokali huma awtonomi u fl-istess ħin huma lkoll marbutin b'servizz li ġie impost fuqhom, waqt li f'pajjiż demokratiku kull kunsill lokali għandu jkollu l-għażla li jsib service provider tal-fiduċja tiegħu. Dan qed ngħidu wara l-leakage ta' dawk l-eluf ta' emails li kienu spjunati, u li kull kunsill lokali għandu jara li jqabbad servizz li mhux monopolju ta' xi ħadd imma li jirrifletti vera għażla ħielsa u libera.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li:
1. Is-servizz ta’ l-Internet fil-Kunsilli Lokali huwa provdut mill- MITA (qabel MITTS Ltd) fuq bażi ta’ kuntratt ma’ l- Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Minbarra l-Internet il-Kunsilli Lokali jingħataw ukoll numru ta’ servizzi oħra marbutin mal- qasam ta’ l-
ICT
. Dan il-kuntratt ġie mġedded fit-12 ta’ Settembru 2008.
2. M’hemm l-ebda impożizzjoni f’dan ir-rigward. Il-kuntratt kien iffirmat volontarjament mill-Assoċjazzjoni.
Fid-dawl ta' diskors tal-budget 2009, jista' l-Ministru jgħid liema awtorità/dipartiment ser imexxi l-iskema speċjali ta' darba għar-restawr tal-faċċati ta' binjiet residenzjali? Min hu intitolat biex jibbenifika minn din l-iskema? Id-djar domestiċi/residenzjali biss jew anke binjiet kummerċjali? Min hu inkwilin, jista' japplika għal din l-iskema? Jekk wieħed ibiegħ id-dar li fuqha ibbenefika minn din l-iskema jrid bilfors irodd lura il-flus? Post li hu mibni mhux skond il-permess jew li għandu l-aluminium fil-faċċata u dan l-istess post jinsab fil-qalba tal-bliet jew village core (fejn dan skont il-policy tal-Awtoritá għall-Ipjannar u l-Iżvilupp mhux suppost) ikun jista' jibbenefika minn din l-iskema?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tali miżura mħabbra fil-budget taqa’ taħt ir-responsabilta tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment. L-iskema se tkun waħda speċjali ta’ darba u li minna jistgħu jibbenefikaw il-faċċati ta’ binjiet residenzjali li nbnew qabel l-1950. Dawk il-binjiet skedati fil-qalba ta’ l-ibliet u l-irħula se jkunu qed jingħataw preferenza. Dawk intitolati se jingħataw għajnuna ta’ tletin fil-mija tan-nefqa totali tar-restawr, sa massimu ta’ €2,500. Għal din l-iskema ġew allokati żewġ miljun ewro u din is-somma mistennija tkopri ir-restawr ta’ madwar seba’ mitt binja madwar Malta u Għawdex. L-iskema qed tiġi mfassla mil-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u se tkun imħabbra fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4968 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fir-round ta’elezzjonjiet tal-kunsilli lokali ta’ tliet snin ilu x’kien il-persentagg ta’ votanti f’kull lokal ?