Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — CPPS
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inġabru fondi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn Commuted Parking Payment Scheme (CPPS)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fondi li nġabru mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-Commuted Parking Payment Scheme sal-31 ta' Lulju 2009, jammontaw għall-€11,688,245.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-programmi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea li fil-preżent qed jibbenefikaw minnhom l-kunsilli lokali? X'inhu l-baġit ta' kull programm? X'inhu l-iskop ta' kull programm? Liema huma l-kunsilli lokali li qed jagħmlu użu minn kull programm? X'inhu l-perjodu ta' użu għal kull programm?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ibbenefikaw kunsilli lokali mill-għajnuna li toffri l-MEUSAC fl-applikazjonijiet ta' programmi tal-Unjoni Ewropea? Liema huma l-kunsilli lokali? Liema kunsilli lokali għamlu t-talba fl-applikazzjoni tagħhom biex jibbenefikaw minn xi programm tal-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn mindu twaqqaf fi ħdan il-MEUSAC twaqqaf il-funding unit f’Novembru 2008, saru 63 laqgħa ma’ Kunsilli Lokali differenti skont kif jidher fit-tabella A li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Matul dan l-istess perjodu, ġew sottomessi 72 applikazzjoni minn Kunsilli Lokali bl-assistenza tal-MEUSAC. Qed inpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella B li turi min kienu l-Kunsilli Lokali nvoluti, l-applikazzjoni tagħhom kif ukoll id-data ta’ meta saret.
Jista' l-Prim Ministru jgħid minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea liema huma l-kunsilli lokali li bbenefikaw minn xi programm tal-Unjoni Ewropea? Liema hu l-programm? Kemm kien l-ammont fi flus li ibbenefika minnhom kull kunsill? Kemm kien intitolat li jista' jibbenefika minn dan il-programm?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li fil-Port il-Kbir qegħdin jidħlu boat parties f'ħinijiet diversi u anke tard bil-lejl u dawn qed ikollhom mużika u discos li jinstemgħu ħafna partikolarment bil-lejl? Dawn jankraw f'xi post fil-Port il-Kbir u l-mużika tad-disco iddamdam lil dawk li jabitaw fl-inħawi. X'passi qed tieħu l-Pulizija dwar dawn il-boat parties?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-operat u moviment ta' bastimenti fil-Port il-Kbir ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Pulizija. Mill-banda l-oħra l-Pulizija taġixxi jekk tirċievi lmenti simili għal dawk li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Issa li fil-Port il-Kbir beda jopera sea plane ġdid li huwa akbar u ħafna aktar storbjuż minn ta' qablu u qed joħloq inkonvenjenti lill-abitanti u barra minn hekk hemm każijiet meta r-riħ ikun qawwi ħafna fejn dan l-ajruplan ma jkunx jista' jinżel fil-port u wara xi tliet attentati jirnexxilu, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx assessment tal-perikli li jista' jikkawża dan l-ajruplan? Sar assessment dwar il-ħsejjes kbar li joħloq dan l-ajruplan u r-riħa ta' exhaust li jikkawza?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li qabel beda dan is-servizz, kienu saru studji neċessarji dwar l-impatt li servizz bħal dan jista’ jkollu.
L-ajruplan għandu ċ-ċertifikati kollha, inklużi dak dwar il-ħoss li jiġġenera, li huma meħtieġa mir-Regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropeja.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk min-naħa tal-Viset hux qed issir sorveljanza dwar volumi ta' mużika filgħaxijiet? Huwa ppjanat li fil-futur isiru xi concerts li ma jżommux mal-ħinijiet stabbiliti mil-Ligi? Għalkemm il-post huwa liċenzjat bħala multifunctional dan ma jfissirx li jistgħu jinkisru l-liġijiet.
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta f'żona pubblika bħal ġonna, pjazez u grounds jiġu organizzati attivitajiet u ma jkunx hemm kontroll fuq ħinijiet u ħsejjes, fejn dawn ikunu qed jirritaw lir-residenti, x'passi qed jieħdu l-awtoritajiet f'dan ir-rigward? Min qed joħroġ il-permessi u min qed jissorvelja dawn it-tip ta' attivitajiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-permessi għall-attivitajiet li qed jirreferi għalihom huma regolati primarjament bl-Artiklu 20 tal-Att dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ (Kap 441).
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar ma ħadet l-ebda passi biex tirrimedja l-problema tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, biex tingħata post alternattiv?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikant in kwestjoni applika għall-akkomodazzjoni alternattiva fl-14 ta’ Mejju, 2009. L-Awtorità tad-Djar qegħda tagħti din l-applikazzjoni l-attenzjoni meħtieġa.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Urban Improvement Fund
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inġabru fondi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-urban improvement fund?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fondi li nġabru mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-urban improvement fund sal-31 ta’ Lulju 2009, jammontaw għall-€9,684,390.
Jista' l-Ministru jgħid minn meta l-Isptar Mater Dei beda jieħu l-ewwel pazjenti, kemm tħallsu kontijet tad-dawl u l-ilma fi flus sal-lum, jiġifieri kemm kien il-kont sal-lum u kemm tħallsu fi flus sal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li minn meta l-Isptar Mater Dei beda jieħu l-ewwel pazjenti, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma ammontaw għal €8,260,221. Dawn jistgħu jiġu maqsumin hekk :-
Dawl Ilma
€ €
Kontijiet 7,588,591 671,630
Pagamenti 6,980,376 452,131
Pendenti 608,215 219,499
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanti għandu l-Gvern għall-ġnien li hemm fi Qui-si-Sana, Tas-Sliema ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li l-Ministeru għadu qed iħejji l-proposti għall-upgrading tal-ġnien ta’ Qui Si Sana f’Tas-Sliema. Il-proġett għadu fi stadju ta’ disinn.
Belt Valletta — ħwienet mikrijin mingħand il-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu l-Gvern ħwienet kummerċjali fil-Belt Valletta li huma mikrijin? Kemm minhom se tgħalqilhom il-kera din is-sena u kemm minnhom is-sena d-dieħla? X'passi se jieħu l-Gvern għal dawk il-ħwienet li se tgħalqilhom il-kera fil-futur qarib?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern bħalissa għandu tliet mija u sitta u tmenin (386) ħanut fil-Belt Valletta b’kirja għand terzi persuni. Minn dawn il-kirjiet disgħa (9) ser jiskadu jew skadew matul din is-sena, u tnejn (2) oħra jiskadu matul l-2010. Diversi ħwienet għandhom l-kirja tagħhom tiġġedded kull sitt xhur.
Barra minn hekk, hemm ukoll għoxrin (20) ħanut li ser jitwaqqfilhom il-kirja matul din is-sena minħabba l-Proġett ta’ Bieb il-Belt jew inkella minħabba xi Ordni ta’ żgumbrament peress li mhux qed isir ħlas ta’ kera.
Skont il-
policy
tat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern, meta kirja tiskadi, din terġa tiġi mġedda taħt l-istess kundizzjonijiet imma b’kera ġdida. Naturalment dan isir dejjem jekk il-kerrej tal-ħanut ikun qiegħed jonora l-kundizzjonijiet u dejjem jekk il-fond ma jkunx meħtieġ mill-Gvern għal xi skop pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm suppost idaħħal flus il-Gvern minn entitajiet kummerċjali li huma mikrijin lil terzi kull sena? Kemm daħħal is-sena l-oħra u kemm suppost daħħal?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont li jdaħħal il-Gvern minn kirjiet ta’ proprjetà għall-użu kummerċjali huwa ta’ madwar €9,000,000. Dan l-ammont ivarja minħabba li jkun hemm reviżjonijiet, terminazzjoni ta’ kirjiet u anke kirjiet ġodda li jinħolqu regolarment. L-ammont li ddaħħal is-sena l-oħra kien ta’ €8,370,966.09.
Jista' l-Ministru jgħid kif fil-Barrakka ta' Fuq responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tal-Belt u fis-Saluting Battery responsabbiltà ta' Wirt Artna qegħdin isiru attivitajiet b'mod regolari? Minn dawn is-siti l-volum tal-mużika tkun għolja u tinstema' mill-Isla u mill-Birgu u l-ħsejjes ikkawżati jibqgħu jkarku sas-1.00 a.m. Saru rapporti lill-Pulizija tal-Għassa tal-Belt u anke d-Depot, iżda dawn l-abbużi baqgħu jsiru għad-detriment tas-saħħa tan-nies li jabitaw fil-madwar. Jista' jgħid għaliex mhux qed jittieħdu passi kontra dawn l-abbużi minkejja li saru rapporti lill-Pulizija? Min qiegħed joħroġ dawn il-permessi u min qiegħed jassigura li ma tinkisirx il-liġi? Il-liġi tistipula bl-aktar mod ċar li wara l-11.00 p.m. l-istorbju jrid jieqaf.
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-ewwel parti ta' din il-mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat. Rigward rapporti lill-Pulizija, ninforma lill-Onorevoli Membru illi kull meta jkun hemm rapporti dwar xi ilmenti, il-Pulizija tieħu azzjoni kemm sabiex l-inkonvenjent jitwaqqaf immedjatament, kif ukoll azzjoni oħra meħtieġa skont il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern dwar il-cremation? Għandu xi ħsieb il-Gvern li jibda jkun hemm il-cremation?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li l- Gvern m’għandu l-ebda oġġezzjoni dwar cremation, tant li nies kremati jindifnu fiċ-ċimiterji tal-Gvern bħal kull dfin normali.
Fiċ-Ċimiterju ta’ l-Addolorata, għalkemm inżammet zona fil-pjanta ta’ żvilupp, fejn jista’ jiġi żviluppat
crematorium
il-Gvern m’għandu l-ebda interess li preżentament jiżviluppa jew jimmaniġja tali operat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm indifnu persuni fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 2009 sal-lum? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li n-numru ta’ nies li ndifnu fiċ-Ċimiterju ta’ L-Addolorata xahar b’xahar mill -1 ta’ Jannar 2009 sal-lum, maqsum nisa u irġiel, qiegħed jingħata fit-tabella hawn taħt.
Xahar
Nisa
Irgiel
Total
Jannar
103
79
182
Frar
80
75
155
Marzu
74
79
153
April
63
60
123
Mejju
58
55
113
Ġunju
62
53
115
Lulju
161
52
213
Awwissu sas 7
7
16
023
Total
608
469
1077