Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għal nursing aid jew/u health assistant peress li kienet diġà fil-passat taħdem bħala nurse assistant?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li t-talba għall-ingaġġ tal-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata mill-Public Administration HR Office fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applika snin ilu biex tieħu post tal-gvern u fil-preżent għandu 220 punt? L-Awtorita tad-Djar se tipprovdilu post alternattiv?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa mitlub biex jara r-risposta għal din il-mistoqsija f’numru 35912. Iżda l-Awtorita’ tad-Djar tinfurmak li l-applikazzjoni ser tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija. Fil-preżent l-Awtorita’ tad-Djar m’għandiex postijiet vakanti fil-lokalitijiet li jixtiequ l-applikanti.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35778 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'passi qed jieħu biex sewwieqa ta' karozzi privati li xi uħud minnhom isuqu sewqan eċċessiv f'żona residenzjali cioè f'Triq il-Vittorja l-Isla bejn il-każin tal-Partit Nazzjonalista u ċ-Ċentru tal-Partit Laburista ma jibqax isir minħabba li qed ikun hemm perikolu fit-triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Isla jinsab f’kuntatt ma’ Transport Malta sabiex tinstab soluzzjoni dwar is-sitwazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Il-Kunsill Lokali qiegħed jitlob l-approvazzjoni ta’ Transport Malta sabiex ikun jista’ jagħmel humped zebra crossing u sistema ta’ no parking u għadda l-materjal u d-dokumenti meħtieġa minn Transport Malta sabiex ikun jista’ jwettaq dan.
kunsilli lokali — applikazzjonijiet għal toroq residenzjali
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35809 u 35500 u jgħid liema huma l-kunsilli lokali li kitbu lill-awtoritajiet kkonċernati rigward it-toroq li qatt ma saru fil-lokalitajiet tagħhom u li l-Gvern Ċentrali hu responsabbli għalihom? Huwa possibli li tibgħat meta saru t-talbiet minn kull kunsill lokali għal kull triq residenzjali li qatt saret? X'kienet ir-risposta tal-awtoritajiet ikkonċernati fuq kull triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni hekk kif ipprovduta mill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni għal post alternattiv tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna in kwestjoni applikat ghall-post alternattiv fit-12 ta’ Ġunju 2012. L-applikazzjonim giet ipproċessata u l-ispezzjoni se ssir fil-futur qarib.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed iżomm lid-Dipartiment għal Gvern Lokali milli jaħtar lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament bħala deputat segretarju eżekuttiv ta' kunsill partikolari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li fil-ġranet li ġejjin se jinħatar Aġent Segretarju Eżekuttiv għal Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35771 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma jew jiċħad li l-awtoritajiet kkonċernati ġibdu l-garanziji bankarji tal-kuntrrattur li kien qed jaħdem fil-proġett tax-Xatt ta' Bormla li jammontaw għall-€957,000?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi nġibdu €382,816 mill-garanziji bankarji li pprovda l-kuntrattur Marinelli Costruzioni Spa. L-awtoritajiet għamlu talba biex jinġibdu wkoll €574,224.49 imma l-kuntrattur beda proċeduri legali ġewwa l-Qorti ta’ Padova biex iżomm dan l-ammont ta’ flus milli jgħaddu għal għand il-Gvern Malti. L-awtoritajiet qegħdin isegwu l-proċeduri ġewwa din il-Qorti biex l-interessi tal-Gvern jiġu salvagwardjati.
Isla — Proġett ta' rijabilitazzjoni tax-Xatt mill-Maċina sal Boiler Wharf
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35768 jista' l-Ministru jgħid kemm hu mistenni li jonqsu l-postijiet għall-parkeġġ minħabba dan il-proġett?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-nuqqas primarjament seħħ minħabba li twessgħet it-triq biex jingħata aċċess għall-coaches. Dan l-eżerċizzju sar minħabba li l-cruise port f’Boiler Wharf għandu bżonn ta’ aċċess għat-traffiku aħjar sabiex jaqdi s-servizzi meħtieġa u dan jista’ biss jiġi pprovdut minn Triq L-Arkati, Triq Juan B Azzopardi u Triq it-Tarzna. Dawn l-arranġamenti ġew diskussa mall-Kunsill Lokali ta’ l-Isla u ma’ l-Għaqda Barklori. Din l-Għaqda kienet oġġezzjonat li jsiru aktar spazji għall-parkeġġ man-naħa tax-Xatt, dan għaliex jekk isir dan jitnaqqas l-ispazju għad-dgħajjes tal-membri tagħhom.
Fil-preżent hemm 128 postijiet għall-parkeġġ u dawn ser jiġu mnaqqsa għal 59 post.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 35613, jista' l-Ministru jgħid liema huma s-17-il kunsill lokali li bbenefikaw minn din l-iskema? Liema huma il-199 binja u jista' jagħti l-indirizz ta' kull binja? Kemm ġie jiswa kull proġett f'kull binja binja b'binja?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar dahlet fi ftehim ma’ 17 il –kunsill biex jitwettqu xogholijiet ta’ manutenzjoni fil-komun tal-binjiet taht l-iskema “l-binja tiegħek, id-dar tiegħi”. Dan kienu l-kunsilli li sar il-ftehim:
1. B’kara, - 6 binjiet
2. Bormla - 10 binjiet
3. Mgarr - 4 binjiet
4. Qormi - 10 binjiet
5. Rabat – Malta - 5 binjiet
6. San Gwann - 15 binjiet
7. S.Lucia - 20 binjiet
8. Senglea - 5 binjiet
9. San Giljan - 14 binjiet
10. Tarxien - 10 binjiet
11. Ta’ Xbiex - 7 binjiet
12. Valletta - 28 binjiet
13. Birgu - 2 binjiet
14. Zabbar - 19 binjiet
15. Zejtun - 16 binjiet
16. Zebbug - 10 binjiet
17. Victoria – Gozo - 16 binjiet
Total 199 binjiet fi 17 il-kunsill.
Tajjeb li nigbed l-attenzjoni li ghalkemm kien hemm dan il-ftehim u l-bagit allokat huwa ta’ € 995,000 ; s’issa saru jew qeghdin fl-ahhar fazijiet ta’ xoghol/hlas fi 16 il-kunsilli bi 160 binja lesti. Il-bqija tal-binjiet li ghadhom ma sarux, l-Awtorita’ u l-Kunsilli lokali xorta jibqghu mpenjati biex iheggu lir-residenti ta’ dawn il-binjiet biex jiffurmaw l-ghaqda tar-residenti biex ikun jista’ isir ix-xoghol. S’issa thallset is-somma ta’ € 546,218.95 minhabba li l-kunsilli ghandhom qeghdin fil-fazi li jwasslu l-kontijiet lil Awtorita’.
Billi jidher li r-regoli tal-Ortografija tal-Malti huma regoli li għandhom saħħa ta' liġi - għad li soft law, bl-implikazzjonijiet kollha ta' dak it-terminu li kienu anki ġew analizzati mill-mibki Professur Peter Serracino Inglott, tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pozizzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti dwar id-definizzjonijiet li wieħed isib fid-dizzjunarji tal-Malti? Dawn id-definizzjonijiet għandhom rabta ta' soft law? F'każ li d-dizzjunarji jorbtu, liema dizzjunarju għandhom jorbtu, b'effett ta' soft law, u liema m'għandhomx? Tista' tgħid jekk hux minnu li fil-kors tat-traduzzjoni fl-Università qed jingħad li d-dizzjunarju tal-Professur Aquilina mhux awtorevoli? Jekk dan hu minnu, liema dizzjunarju hu awtorevoli? Jekk traduzzjoni toffri terminu li ma jkunx jaqbel ma' dak li jkun jidher fid-dizzjunarju, skont il-Kunsill tal-Malti tkun inkisret is-soft law? Tista' tgħid x'inhi - dejjem jekk hemm - il-politika lingwistika nazzjonali tal-gvern f'dan il-mument?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-regoli tal-Ortografija tal-Malti huma stabbiliti u regolati mil-Liġijiet ta’ Malta (Kap. 470, Taqsima 1, Artikolu 2 u Artikolu 5 (2).
B’differenza minn dan, l-ebda xogħol ta’ awtur jew lessikografu ma huwa msemmi jew sanzjonat fil-Liġijiet ta’ Malta. Kull wieħed minn dawn ix-xogħlijiet huwa prodott ta’ individwu/i, u bħal kull ħidma oħra jġorr l-awtorevolezza u s-serjetà tal-awtur/i nnifsu/nfushom. Id-dizzjunarju tal-Prof. Ġ. Aquilina, ngħidu aħna, huwa meqjus mill-istudjużi bħala xogħol ta’ serjetà kbira u ta’ għajnuna għal kull min juża l-ilsien Malti, bħalma huma l-istudenti, l-għalliema, il-ġurnalisti u t-tradutturi, li jikkonsultawh meta jiġu f’xi diffikultà, kif isir f’lingwi oħra.
Billi l-lingwa hija ħajja, din tiżviluppa u tinbidel maż-żmien. Dan iseħħ aktar u aktar illum bil-progress mgħaġġel ta’ żmienna, u fi lsien bħall-Malti li qed jidħol f’oqsma ġodda u li llum huwa lsien uffiċjali tal-UE. Għalhekk, billi d-dizzjunarju ta’ Aquilina beda jinħadem iktar minn 40 sena ilu (mill-1971-1999), il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti ħeġġeġ lill-Università, il-pubblikatur oriġinali, u l-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom sabiex dan id-dizzjunarju importanti jiġi rivedut, miżjud u mtella’ wkoll online, biex ikun jista’ jaqdi aħjar lil kull min jikteb bil-Malti, f’Malta jew barra minnha. Għandi l-pjaċir inħabbar li kemm l-Università u kemm il-Ministeru tiegħi qed jagħmlu kontribut ġmielu biex dan ix-xogħol siewi jkun jista’ jsir, bit-twaqqif tal-Proġett Permanenti tad-Dizzjunarju Malti fi ħdan l-Università. Din il-ġimgħa l-Ministeru tiegħi qed jagħmel l-għotja ta’ 80,000 ewro b’risq dan ix-xogħol importanti u meħtieġ għall-progress tal-ilsien nazzjonali.
Fil-kors tat-Traduzzjoni fl-Università ta’ Malta qatt ma nqtal li d-dizzjunarju tal-Professur Aquilina mhux awtorevoli. Anzi wara dan iż-żmien kollu li ilu ppubblikat (u għalhekk bix-xieraq li jkun aġġornat) għadu l-aqwa awtorità li għandna u l-lecturers kollha jsostnu li bħalu m’hawnx sal-lum il-ġurnata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienu l-inizjattivi li ħadu l-kunsilli lokali lokal lokal vis-à-vis għal żoni pedonali fil-lokalitajiet tagħhom mis-sena 2011 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
strateġija nazzjonali dwar l-immaniġġjar tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li titwettaq strateġija nazzjonali dwar l-immaniġġjar tat-traffiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta għandha diversi policies u linja gwida għall-immaniġġjar tat-traffiku kif ukoll strutturi u prattiċi ta' xogħlijiet stabbiliti li flimkien jiddefinixxu l-istrateġija għall-immaniġġjar tat-traffiku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ġara mill-ħaddiema tat-Tribunali Lokali f'Malta u Għawdex waqt it-transizzjoni minn Kumitati Konġunti għal Kumitati Regjonali u x'qed isir sabiex jiġu integrati f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35812.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew toroq ġodda s’issa din is-sena u fejn jinsabu dawn it-toroq f'kull lokal? Jista' jgħid kemm hemm toroq f'kull lokal li r-responsabbilità li jsiru huma tal-gvern ċentrali u għadhom ma sarux? Meta mistennija li ssir kull triq f'kull lokal?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta’ toroq residenzjali li nbnew minn Transport Malta matul din is-sena, kif ukoll lista ta’ toroq li qegħdin fil-programm ta’ din is-sena. Ninsab infurmat li, dejjem jekk ma jinqala’ xejn imprevist, dawn ikunu lesti sal-aħħar tas-sena. Il-lista turi wkoll it-toroq li huma parti minn dan il-programm li pero’ għandhom problema biex jinbnew minħabba raġunijiet ta’ esproprazzjoni u ta’ ffurmar ta’ triq.
Barra minnhekk, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari Nru. 32623, 31657 u 31516.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien sar mill-każ ta' fejn raġel Malti li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jgħix il-Kanada rrapporta li weġġa', lil għassa ta' Bormla, minħabba l-proġett tal-Baċir Numru 1 Bormla s-sena l-oħra? X'passi ħadu l-Pulizja fuq dan il-każ s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi nhar il-5 ta’ Novembru tas-sena l-oħra, s-Sur David Bonanno kien għamel rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla, fejn allega illi ħames t’ijiem qabel, iġifieri fil-31 ta’ Ottubru, waqt li huwa kien miexi fi Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla, sabiex imur fil-fergħa tal-HSBC, huwa kien tfixkel ġo ħofra u waqa’ ma’ l-art. Is-Sur Bonanno żied jgħid li b’konsegwenza ta’ dan huwa kien sofra ġrieħi f’saqajħ il-leminija. Huwa kompla jirraporta li l-għada, ċioe’ nhar l-1 ta’ Novembru, huwa kellu jmur l-Isptar Mater Dei minħabba l-uġieħ li kellu f’saqajħ, fejn wara li kien eżaminat ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi ta’ natura hafifa. Is-Sur Bonanno kompla jinforma lill-Pulizija li huwa kien qed jagħmel ir-rapport għal referenza futura.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar mhux qed tirrispondi għall-ilment li l-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għamlet għal post alternattiv lill-Awtorità tad-Djar?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanti in kwestjoni qiegħda pproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li applika snin ilu biex jieħu post tal-gvern u fil-preżent għandu 220 punt, l-Awtorità tad-Djar qiegħda tiddiskrimina kontrih?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni in kwestjoni qeghda tiġi proċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra.