Legislature:
Category:
Reset
Active:

kunsilli lokali — investiment fil-politika sportiva

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn Jannar 2008 sal-lum kemm investa l-Gvern fi flus fil-politika sportiva tiegħu vis-a-vis il-kunsilli lokali ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskema Inizjattivi Sportivi għall-Kunsilli Lokali tnediet f’Jannar 2009. Il-fond għal din l-iskema kien ta’ €120,000 li nofshom ħarġu mill-Gvern. Il-Gvern ikkometta ruħu u għal din is-sena (2010) reġa’ alloka l-istess fond bl-istess ammont.
Leg 11 PQ #13271 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment għall-Gvern Lokali — skemi u inizjattivi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12029, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-memos imsemmija fir-risposta? Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li jagħrblu u jivvalutaw kull skema\inizjattiva tal-kunsilli lokali mad-direttur tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memos kollha li ħarġu in konessjoni mal-iSkemi msemmija fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12029. Dwar il-persuni li jagħrblu u jivvalutaw l-iskemi, qed nelenka l-lista tal-membri ta’ kull bord ta’ evalwazzjoni għal kull skema.
Leg 11 PQ #13272 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali — formula użata għal kull skema/inizjattiva

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'formula tintuża għal kull skema\inizjattiva biex jintagħżlu l-kunsilli lokali biex jibbenefikaw minn dawn l-iskemi\inizjattivi ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kriterji li abbażi tagħhom jiġu aġġudikati l-applikjazzjonijiet għal kull skema/inizjattiva huma dawk l-istess kriterji msemmija fid-dokument tal-linji gwida maħruġ ma’ kull skema. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll li kopji ta’ dawn il-linji gwida tpoġġew fuq il-Mejda b’risposta għal Mistoqsija Parlamentari 13271.
Leg 11 PQ #13273 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Liġi ġdida tal-Kunsilli lokali

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12058, jista' l-Prim Ministru jgħid min kien involut fid-dokument msejjaħ "Politika ta' Malta għal Governanza Lokali 2008"? Min mexxa l-laqgħat u l-konsultazzjoni ma' diversi entitajiet? Finalment min kiteb dan id-dokument? Jista' jpoġġi kopja bil-Malti u bl-Ingliż fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-abbozzar tad-dokument imsejjaħ ‘Politikà ta’ Malta għall-Governanza Lokali 2009’, li qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra, sar minn uffiċjali fis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali flimkien ma’ uffiċjali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Dan id-dokument ġie mfassal fuq diversi proposti li ġew imressqa waqt il-proċess tat-tiġdid tal-Gvern Lokali, kif ukoll fil-qafas tal-Politikà ġenerali tal-Gvern kif indikat fid-daħla tal-ktejjeb, dan id-dokument jibni fuq is-suċċess miksub wara ħmistax–il sena ta’ Gvern Lokali f’pajjiżna, bil-għan li jiġi assigurat it-twettiq ta’ sistema effettiva ta’ Gvern Lokali li tikkontribwixxi b’mod sħiħ għal ħtiġijiet u aspirazzjonijiet tar-residenti lokali. Dan id-dokument hu mmirat ukoll sabiex il-Kunsilli Lokali jikkontribwixxu għall-viżjoni strateġika ta’ Malta 2015 għal Lokalitatjiet Sostenibbli.
Leg 11 PQ #13261 Sitting 191 2010-02-09 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — impjegati full-time, part-time jew on-contract basis

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-impjegati kollha f'kull kunsill lokali sa l-aħħar ta' Novembru 2009? Kif ġew impjegati ċioe full-time, part-time jew on-contract basis? X'kariga għandhom, x'inhi l-iskala u meta bdew jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-impjegati kollha (minbarra s-Segretarju Eżekuttiv) f’kull Kunsill Lokali sal-aħħar ta’ Novembru 2009. Fil-lista hemm ukoll jekk humiex full-time jew part time, x’kariga għandhom, l-iskala u meta bdew jaħdmu.
Leg 11 PQ #13265 Sitting 191 2010-02-09 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Liġi ġdida tal-Kunsilli Lokali — Sejħa għall-offerti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minn meta daħħlet fis-seħħ il-Liġi l-ġdida tal-Kunsilli Lokali liema huma l-kunsilli lokali li ippublikaw f'gazzetta ta' kuljum is-sejħiet għall-offerti u kif ukoll il-kwotazzjonijiet? Fuq liema ġurnali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida tal-Kunsilli Lokali, kważi l-Kunsilli kollha ippublikaw is-sejħiet għall-offerti u kwotazzjonijiet. Il-Kunsilli li għadhom m’għamlux avviż huma: Il-Birgu, Ħaż-Żebbuġ, Ħ’Attard, Il-Gudja, Il-Gżira, L-Iklin, Ħal-Lija, Paola, Il-Qala, Il-Qrendi, San Lawrenz, Ix-Xgħajra, Iż-Żebbuġ u l-Imtarfa. Il-liġi tobbliga li l-Kunsilli jippublikaw is-sejħiet għall-Offerti u kwotazzjonijiet f’gazzetta waħda ta’ kuljum skont kif inidkat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Il-gazzetta magħżula għal dan il-għan, li saret wara sejħa għall-kwotazzjonijiet lill-gazzetti kollha ta’ kuljum, hi ‘The Malta Independent’. Barra dan, hemm l-obbligu li l-avviż jinġib ukoll fil-Gazzetta tal-Gvern.
Leg 11 PQ #13266 Sitting 191 2010-02-09 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — emendi introdotti fl-Att XVI

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li kissru jew qed jiksru waħda mill-emendi introdotti fl-Att XVI tal-2009 li daħħlu fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2009 ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li mid-dħul ta’ l-emendi introdotti fl-Att XVI ta’ l-2009, kien hemm ksur ta’ l-obbligu li l-Kunsilli Lokali jiftħu nhar ta’ Sibt. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali għamel żewġ spezzjonijiet f’żewġ okkażjonijiet differenti u sab li kien hemm ħames Kunsilli Lokali li kellhom l-uffiċini tagħhom magħluqa. Ittieħdu l-miżuri ta’ tnaqqis mill-allokazzjoni finanzjarja lil dawk il-kunsilli li ma kellhomx raġuni ġustifikata għal dan.
Leg 11 PQ #13268 Sitting 191 2010-02-09 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Urban Improvement Fund

Question

B'referenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 12067, jista’ l-Prim Ministru jgħid kif se jagħmlu użu mill-flus li daħħlu mill-Urban Improvement Fund il-kunsilli lokali, kunsill kunsill?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba kif kienet sa l-aħħar ta’ Ottubru 2009.
Leg 11 PQ #13269 Sitting 191 2010-02-09 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

pool tas-segretarji eżekuttivi tal-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw uffiċjali pubbliċi li jixtiequ jiġu kkunsidrati biex jifformaw il- pool tas-segretarji eżekuttivi tal-kunsilli lokali? Kemm minnhom huma rġiel u kemm minhom huma nisa? Wara li għalqu dawn l-applikazzjoniet il-Ġimgha 20 ta' Novembru 2009, meta mistenni jibda kors għal dawk li ntgħażlu biex ikunu parti minn dan il- pool ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi kien hemm 34 applikazzjoni, 20 applikanti irġiel u 14 applikanti nisa. Qed isiru l-arranġamenti mas-Centre for Policy Research and Training (CPRT) sabiex jiġi organizzat kors intensiv għall-applikanti eliġibbli. Hemm il-ħsieb li għal dan il-kors jiġu mistiedna ukoll dawk is-Segretarji Eżekuttivi li min mindu ġew maħtura m’għamlu l-ebda kors relatat.
Leg 11 PQ #12019 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — vetturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vetturi li għandu fuq ismu kull kunsill lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12766.
Leg 11 PQ #12031 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — ksur ta' regolament finanzjarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li kisru regolamenti finanzjarji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12030.
Leg 11 PQ #12061 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Flus lill-kunsilli lokali minn ċitazzjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10573, jista' il-Prim Ministru jgħid miċ-ċitazzjonijiet li weħlu dawk il-persuni li ħammġu, kemm ħadu flus kull kunsill lokali miċ-ċitazzjonijiet li ngħataw mill-wardens u minn dawk li ngħataw mill-pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12878.
Leg 11 PQ #12685 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali — miżuri ġodda

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11850, jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu mistenni jitlesta l-qafas ta' regolamenti dwar is-set-up, inkluż ir-riżorsi umani u riżorsi fejn jidħol l-uffiċċju amministrattiv għal ħames reġjuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed jitħejjew linji direttivi skont l-artikolu 80 (b) ta’ l-Att dwar il-Kunsilli Lokali li jipprovdu l-qafas għat-twaqqif tal-Kumitati Reġjonali. Dawn il-linji direttivi, li qegħdin fi stadju avvanzat, se jiġu diskussi ma’ l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Presidenti Reġjonali qabel jidħlu fis-seħħ. Hemm il-ħsieb li dawn il-linji direttivi iservu għal perjodu ta’ prova qabel jiġu ppubblikati bħala regolamenti permezz ta’ Avviż Legali u dan sabiex ikun hemm żmien li fih ikunu jistgħu jiġu riveduti.
Leg 11 PQ #12688 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bormla — Cospicua Rangers - xogħol ta' tisbiħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol ta' tisbiħ fil-lokalità ta' ħdejn il-Cospicua Rangers jiġifieri ħdejn il-flats tal-Gvern ta' Bormla? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti? Kemm se jiġi jiswa dan il-proġett? Dan il-proġett ta' tisbiħ skond il-Gvern għadu jiġi finanzjat mill-Ministeru responsabbli għall-kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-Kunsilli Lokali ta’ Bormla qiegħed jistenna l-permess ta’ l-iżvilupp mill-MEPA. Id-dewmien fil-ħruġ tal-permess huwa dovut primarjament għall-fatt li l-Kunsill Lokali ta’ Bormla, kien qed japplika sabiex il-binja eżistenti tal-Cospicua Rangers tiġi estiża, liema proposta jidher li ma sabitx il-kunsens tas-Sovrintendenza tas-Swar. Għaldaqstant il-Kunsill Lokali għamel emendi fil-pjanti u ċioé elimina kompletament l-estensjoni tal-binja tal-Klabb imsemmi. Minkejja dan, il-permess sal-lum għadu ma nħariġx għaliex jirriżulta li l-MEPA għadha qed tistenna xi rapporti mis-Sovrintendenza tas-Swar. Fuq talba tad-Direttur ( Building and Engineering ) fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla qed jieħu ħsieb il-proċess ta’ l-ippjanar u anke l-implimentazzjoni ta’ dan l-proġett. Il-ħlas ser isir kollu mill-Kunsill Lokali bi ftehim ma’ l-istess Dipartiment li hekk kif ix-xogħol ikun iċċertifikat mill- Works Manager , id-Dipartiment tal- Building and Engineering jirrimborsa l-flus kollha lill-Kunsill Lokali.
Leg 11 PQ #12726 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħidma bejn il-kunsilli lokali u l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta

Question

Jista' l -Prim Ministru jgħid x'rwol għandha l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta mal-kunsilli lokali u kif qed taħdem mal-kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bl-emendi l-ġodda qed jiġi ndikat b'mod ċar li l-Kunsilli Lokali għandhom rwol importanti biex itejbu l-prodott lokali u jaħdmu biex jattiraw turisti lejn kull lokalità f'Malta u Għawdex mhux biss dawk li huma tradizzjonalment magħrufa bħala lokalitajiet turistiċi. Dan qed isir għax kull lokalità f'Malta u Għawdex għandha x'toffri. Il-kunsilli lokali huma obbligati li: a) iħarsu l-identità lokali u għalhekk jieħdu dawk l-inizjattivi neċessarji sabiex iħarsu l-wirt storiku u kulturali tal-lokal, it-tradizzjonijiet u l-folklor; b) fil-qafas ta’ regolamenti li jsiru mill-Ministru, jagħtu għajnuna lill-artisti, mużiċisti u sportivi mill-lokal tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw it-talenti tagħhom; c) jorganizzaw attivitajiet kulturali li jippromwovu l-lokalità b’kull mod; d) iħarsu l-ambjent naturali u urban tal-lokalità u jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jassiguraw użu aktar effiċjenti tal-enerġija, immaniġġar tajjeb tal-iskart u inizjattivi għat-tħaris tal-klima. Il-Politikà Nazzjonali ta’ Malta dwar it-turiżmu (2007 – 2011) tidentifika b’mod ċar ir-rwol tal-kunsilli lokali fiż-żamma taż-żoni turistiċi. Din il-politikà tagħti importanza biex jiġi żgurat li l-lokalitajiet kollha jagħmlu valorizzazzjoni tal-assi tal-patrimonju tanġibbli u mhux tanġibbli permezz ta’ proġetti u attivitajiet innovattivi li, min-naħa tagħhom, jiżguraw prodott turistiku aktar arrikkit u diversifikat u inqas staġonali, li jidderiġi pożittivament lill-viżitaturi lejn il-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex. B’żieda ma’ dan, il-Pjan Nazzjonali ta’ Malta dwar it-Turiżmu jiddeskrivi r-rwol tal-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) fl-implimentazzjoni tal-investiment, b’mod partikolari għal dawk l-oqsma li huma ta’ interess partikolari għall-komunità turistika. Dan il-pjan jiddeskrivi li l-eżerċizzju taż-żona turistika se jkompli bl-identifikazzjoni ta’ oqsma oħra li se jkunu klassifikati bħala oqsma turistiċi. Il-kunsilli lokali għandhom rwol kruċjali li jappoġġaw dan l-eżerċizzju deskritt. Se tingħata prijorità għaż-żamma tal-qalba tal-villaġġ, żoni ta’ konservazzjoni urbana, iż-żoni rurali u oqsma oħra protetti. Il-Kunsilli Lokali huma partijiet ta’ interess kruċjali li jiżguraw li dawn il-karatteristiċi lokali huma deskritti b’mod ċar biex jinżamm front strateġiku kompetittiv mibni fuq l-awtentiċità u d-diversità arrikita tal-prodott turistiku Malti. Se jittieħdu inizjattivi flimkien mal-awtoritajiet kompetenti biex jinċentivaw l-iżvilupp ta’ akkomodazzjoni awtentika bħal lukandi lussużi (boutique hotels) fi ħdan il-lokalitajiet varji li fil-preżent joffru servizzi limitati lejn l-individwu u vjaġġaturi speċjalizzati.
Leg 11 PQ #12727 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali f'kuntest tat-turiżmu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern vis-a-vis il-kunsilli lokali f'kuntest tat-turiżmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħala parti mill-miżuri tal-gvern biex igħin fl-iżvilupp ta’ lokalitajiet sostenibbli u biex il-lokalitajiet tagħna jimpenjaw ruħhom iktar fit-titjieb tal-prodott u tal-promozzjoni tal-awtentiċità tal-karatteristiċi lokali biex b’hekk titjieb u tissaħħaħ l-ekonomija lokali, ġie mniedi fond konġunt ta’ €277,000 bejn id-Dipartiment tal-Gvern Lokali u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, sabiex jassisti l-Kunsilli Lokali fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet matul is-sena. Din l-iskema ta’ Attivitajiet Kulturali qed tgħin lil dawk il-Kunsilli li, matul din is-sena, jixtiequ jorganizzaw attivitajiet kulturali fil-lokalità tagħhom biex itejbu l-prodott domestiku storiku u tradizzjonali billi jippromwovi l-wirt nazzjonali u lokali kemm mal-Maltin kif ukoll lit-turisti li jżuru lil pajjiżna speċjalment fix-xhur tax-xitwa. Din l-inizjattiva qed tgħin biex tkompli iżżid numru ta’ attrazzjonijiet fil-kalendarju ta’ attivitajiet kulturali li l-pubbliku ġenerali jista’ jgawdi minnhom. Permezz ta’ dan jiġi żgurat żvilupp sostenibbli fil-lokalitajiet tagħna fl-oqsma soċjali, ekonomiċi, kulturali u ambjentali billi jiġi apprezzat u miżmum aħjar il-wirt nazzjonali tagħna. L-għanijiet tal-iskema huma dawk imqiegħda fil-Politikà tal-Gvern Lokali u fil-Politikà Nazzjonali tat-Turiżmu: i.e. il-ħtieġa tad-diversifikazzjoni tal-prodott; it-tnaqqis fl-istaġjonalità u d-distribuzzjoni aħjar tal-effett tat-turiżmu bejn il-lokalitajiet. Din l-iskema qed tagħti inċentiv lill-Kunsilli Lokali biex jipproponu inizjattivi biex jippromwovu l-aspetti kulturali tal-lokalitajiet tagħhom u l-identità partikulari li ssawwarhom. Fl-istess ħin jarrikixxu l-kalendarju ta’ attivitajiet li aħna noffru lit-turisti li jżuruna. Fil-ġimgħat li ġejjin ser issir sejħa oħra għal proposti mill-kunsilli lokali fuq proġetti li se jkunu parzjalment iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) 2007-2013. It-total indikattiv tal-allokazjoni finanzjarja għal din is-sejħa huwa ta’ € 2 miljuni. L-objettiv ewlieni ta’ din is-sejħa huwa li l-Kunsilli Lokali jikkrejaw spazji għal pubbliku lokali u turisti fiċ-ċentri tal-lokalitajiet u jassistu biex ikun hemm għarfien aħjar tal-identità tal-lokalità kif ukoll tal-karatteristiċi awtentiċi ta’ dik il-lokalità. Għalhekk il-Kunsill Lokali jiġi mgħejjun biex ikollu ambjent urban fl-aħjar kundizzjoni. Il-fond huwa ntiż biex itejjeb l-ambjent fiżiku, billi jiġu pprovduti pjazez u spazji pubbliċi ta’ livell għoli fiċ-ċentri tal-lokalitajiet. Dawn għandhom iservu:  bħala attrazzjoni għan-nies tal-lokal u għat-turisti;  bħala spazji fejn jiltaqgħu n-nies;  joffru disinn skont il-karattru tradizzjonali tal-lokalità;  itejbu dawn il-pjazez jew spazji pubbliċi;  jipprovdu opportunità għall-komunità biex tippromwovi l-karatteristiċi awtentiċi tal-irħula tagħna;  iżidu mal-attrazzjonijiet turistiċi li diġà jeżistu fil-lokalitajiet rispettivi;  ikunu mezz kif juri l-ħajja tal-komunità u l-karatteristiċi arkittettoniċi u fiżiċi tal-istess lokalità;  post fejn ikun hemm interazzjoni bejn in-nies lokali u t-turisti li jżuruna;  post fejn jistgħu jesebixxu l-artisti; u  igħinu SME’s biex itejbu n-negozju tagħhom u biex oħrajn jitħajjru jiftħu n-negozju lokali tagħhom f’dawn il-postijiet bl-iskop li jiġu offruti prodotti tipiċi.
Leg 11 PQ #12730 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali li ffirmaw ftehim mal-Kumpanija Green MT

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li ffirmaw ftehim mal-Kumpanija Green MT, li hi kumpanija tal-GRTU, fejn se jkunu responsabbli mill-ġbir tal-iskart f'dik il-lokalità? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull kuntratt li ġie iffirmat minn xi kunsill lokali mal-Green MT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-Kunsilli li ffirmaw ftehim mal-kumpanija Green MT, għall-iskema ta’ ġbir ta’ skart separat. Peress li m’hemm l-ebda obbligu statutorju li l-Kunsill Lokali jibgħat kopja tal-kuntratt taħt xi waħda mill-iskemi ta’ ġbir ta’ skart separat lid-Dipartiment, l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-kunsilli rispettivi. Ta’ min isemmi li bħalissa qed isiru diversi diskussjonijiet bejn il-Kunsilli Lokali u ż-żewġ skemi (Green Pak u Green MT) u fil-ġranet li ġejjin hu mistenni li jiġu ffirmati aktar kuntratti.
Leg 11 PQ #13191 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali — żieda fl-allokazzjoni finanzjarja

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12406 u jgħid b'liema mod kien hemm żieda fl-allokazzjoni finanzjarja diretta lill-kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12406.
Leg 11 PQ #13192 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali — impenn f'ħidma fil-qasam soċjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12407 u jgħid kif se jimpenjaw ruħhom il-kunsilli lokali f'ħidma fil-qasam soċjali u fil-ħarsien tal-identità lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12407.