Jista' l-Prim Ministru jgħid minn liema skema/inizjattiva kull kunsill lokali bbenifika din is-sena? Jista' jgħid kemm ibbenifika kull kunsill lokali minn Fondi tal-Unjoni Ewropea din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabelli li juru l-iskemi li saru fl-2009 u liema kienu dawk il-Kunsilli Lokali li ibbenefikaw minnhom. Dwar il-Fondi tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni qed tiġi kompilata biex tkopri ukoll il-Mistoqsijiet Paralmentari Numri 12917 u 12918.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12573 u jgħid fil-preżent, kemm hemm persuni li għandhom liċenzja bħala gwardjani lokali? Kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12574 u jgħid sal-lum, kunsill b'kunsill, liema huma d-ditti li huma responsabbli għall-knis tat-toroq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 12574 u 13707 qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12583 u jgħid liema kienu l-kunsilli lokali li għamlu sejħiet għall-offerti din is-sena? Għal liema kienet is-sejħa ta' kull offerta? Min ħadha? Kemm kien il-prezz valutat fit-tender mill-kunsill qabel ma ngħatat ?
Jista' jgħid minn meta daħlu l-miżuri ta' l-Att li jemenda l-Att dwar il-kunsilli lokali, liema huma il-kunsilli lokali li għamlu sejħiet għall-offerti? Dawn ġew ippubblikati fuq il-gazzetti? Fuq liema gazzetta? Liema huma l-kunsilli lokali li għamlu sejħa għall-offerti u dan il-kunsill ma ppubblikahomx fuq il-gazzetti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni dwar kemm ingħataw offerti mill-Kunsilli Lokali fl-2009 qed tinġabar.
Dwar l-avviżi tas-sejħiet fuq il-gazzetti, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13265.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12658 u jgħid liema huma l-kunsilli lokali li organizzaw attivitajiet kulturali b'kollaborazzjoni mas-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni fix-xhur ta' Settembru, Ottubru u Novembru? Kemm ġew mogħtija flus mis-Segretarju Parlamentari għal kull attività? Kemm ħarġu flus il-kunsilli lokali għal kull attività?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12658.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tal-persuna, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li qed tistenna li tibda tieħu l-pensjoni tar-romol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna indikata minnu biex tavviċina l-Uffiċċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.
Kunsilli Lokali — impjegati full-time - informazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jew jiċħad li hemm xi kunsilli lokali li għandhom magħhom impjegati full-time li għall-post tagħhom ma ħarġitx sejħa interna la mal-kunsilli lokali, la mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u lanqas saret sejħa pubblika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li kull meta, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kien jaf b’xi każ fejn Kunsill ma mexiex mar-Regolamenti u l-proċeduri applikabbli dejjem ittieħdu passi biex tali irregolarità tiġi rimedjata jew regolarizzata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li għandu jaħdmu miegħu impjegat/i li suppost iddaħħlu bħala part-timers u spiċċaw bħala full-timers bla ma ħarġet sejħa uffiċjali għal dan? Kif ġie stabbilit il-ħlas ta' dan/dawn l-impjegat/i u f'liema skala qegħdin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li kull meta, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kien jaf b’xi każ fejn Kunsill ma mexiex mar-Regolamenti u l-proċeduri applikabbli dejjem ittieħdu passi biex tali irregolarità tiġi rimedjata jew regolarizzata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x' inhi l-proċedura biex kunsill lokali jikri jew jagħti biċċa art pubblika lil entità jew kumpanija privata biex jagħmlu attività li minnha jkun hemm qligħ għall-istess entità? Jista' jgħid ukoll jekk dan hux permess skond il-liġi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Kunsill jista’ biss jikri proprjetà pubblika jekk l-amministrazzjoni ta’ dik il-proprjetà tkun ġiet delegat lilu mit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern permezz ta’ kuntratt.
Il-pattijiet u kundizzjonijiet tal-kirja (sullokazzjoni) iridu jkunu konformi ma’ dawk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt li l-Kunsill ikun iffirma mat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern.
Dan ifisser li sakemm Kunsill jissoluka skont it-termini tal-kuntratt mat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern, tali arranġamenti hu wieħed legali.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Gvern fuq il-binja f'Santa Venera fejn qabel kien hemm l-uffiċini tad-dipartiment tal-manteniment tal-postijiet tal-Gvern u li issa spiċċa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-uffiċini se jiġu utilizzati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Impjiegi u Familja skont l-użu neċessarju.
kunsilli lokali — ħidma mal-Gvern Ċentrali - laqgħat/ diskussjonijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12432 u jgħid minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tal-kunsilli lokali, kemm saru laqgħat/diskussjonijiet/konsultazzjonijiet mal-presidenti eletti tar-reġjuni dwar il-qafas regolatorju ta' kif se jaħdmu mal-Gvern Ċentrali? Min kienu r-rappreżentant tal-Gvern f'dawn il-laqgħat? Meta saret kull laqgħa? X'kienet l-aġenda ta' kull laqgħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12432.
kunsilli lokali — xogħlijiet fuq toroq residenzjali
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12430 u jikkonferma jekk hux veru li ftit żmien ilu ġie rrappurtat li l-kunsilli lokali ingħataw €4.8 miljun biex jagħmlu xogħlijiet fuq toroq residenzjali, jista' jgħid liema huma dawn it-toroq? F'liema lokalità qegħdin, kemm ġiet tiswa kull triq u fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f'kull triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-€ 4.8 miljun li qed isemmi huwa l-ammont allokat lill-Kunsilli Lokali għas-sena finanzjarja 2009-10 għal manutenzjoni tat-toroq. Dan l-ammont huwa parti mill-€ 27,010,000 li tqassam skont il-formula ta’ finanzjament li tinsab fl-Att dwar Kunsilli Lokali.
Għall-ewwel darba il-Kunsilli Lokali ġew obbligati illi jonfqu l-ammont li ngħatalhom għal manutenzjoni tat-toroq kollu għal dan l-iskop u ma setgħux jutilzzaw dawn il-fondi għal xi skop ieħor.
Il-Kunsilli kienu mitluba jinfurmaw lid-Dipartiment għal Gvern Lokali liema kien dawk it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom li saru jew kienu ser jagħmlu xogħol fuqhom. Ġew identifikati 162 triq li dawn kellhom jitlestew sa’ l-aħħar ta’ din is-sena.
Fil-fatt, f’Settembru 2009 kien deher avviż fil-gazzetti lokali kollha bit-toroq li l-Kunsilli Lokali kienu ser jagħmlu xogħol fuqhom matul din is-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-avviż fejn juri il-lokalità u t-toroq.
L-informazzjoni dwar l-ispiża ta’ kull triq u f’hiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f’kull triq għadha qed tinġabar u tingħata risposta malli l-informazzjoni kollha tkun disponibbli.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12427 u jgħid b'liema mod il-Gvern se jgħin lil kull kunsill lokal li jkollu pjan strateġiku sostenibbli għal-lokalità tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għaċ-ċirkulari Memo 11/2009 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għal din is-sena ġew approvati l-applikazzjonijiet ta’ tliet Kunsilli li ġew mgħotija € 25,000 kull wieħed. Dawn kien il-Kunsilli Lokali ta’ Ħad-Dingli, il-Ħamrun u San Lawrenz.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12423 u jgħid x'politika għandu l-Gvern u xi prijorità għandu fuq il-lokalitajiet fejn il-parkeġġ huwa l-aktar diffikultuż u f'żoni kummerċjali tal-pajjiż?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol biex jitbiddel saqaf ta' post tal-gvern fil-Birgu, li dettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, li jinsab ikkundanat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma jirriżultax li saret talba mill-inkwilini tal-post imsemmi biex isiru t-tiswijiet meħtieġa. F’każijiet bħal dawn, l-inkwilini għandhom minnufih japplikaw taħt Skema Structural Maintenance for Government Owned Property sabiex l-Awtorità tad-Djar tkun tista’ tipproċessa t-talba u eventwalment tipproċedi bix-xogħol jew tagħti l-għajnuna meħtieġa lill-inkwilini sabiex jitneħħa l-periklu u jsiru t-tiswijiet strutturali.
Jista' l-Ministru jieħu azzjoni immedjata biex it-triq, li dettalji tagħha qed jidhru separatament, li mimlija ġrieden u ħmieġ jittieħdu l-passi sanitarji neċessarji biex terġa' ssir tajba għal dawn iż-żmenijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret minn uffiċjali tad-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali fil-11 ta’ Diċembru, 2009 fit-triq indikata, ma nstab l-ebda akkumulu ta’ skart ħlief għal xi boroż tal-iskart tad-djar li jinġabru mill-kollettur ta’ l-iskart li hu mqabbad mill-kunsill lokali. Il-kollezzjoni tal-iskart issir fuq bazi regolari.
It-triq indikata kif ukoll it-toroq tal-madwar ġew ttrattati għal kontra l-ġrieden fl-10 u fil-11 ta’ Diċembru mit-Taqsima tal-‘Pest Control Unit’ fi ħdan id-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali. Tali toroq ser jibqgħu jiġu sorveljati minn din it-taqsima u jibqgħu jiġu ttrattati kif ikun hemm bżonn.
Kunsill Malti għall-Isport — investiment fil-faċilitajiet tal-iskejjel
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li applikaw biex isir ftehim mal-Kunsill Malti għall-Isport biex isir investiment fil-faċilitajiet tal-iskejjel filwaqt li jagħmlu użu minnhom wara l-ħin tal-iskola? Meta hu mistenni li jsir dan il-ftehim?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-iSport m’għandu l-ebda applikazzjoni pendenti f’dan ir-rigward.
Kunsill Malti għall-Isport — għajnuna lill-kunsilli lokali
Question
Tista' l-Ministru tgħid b'liema mod qed jgħin il-Gvern permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport lill-kunsilli lokali ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-iSport flimkien mad-Dipartiment għall-Kunsilli Lokali qed jgħin lill-Kunsilli Lokali permezz tal-iskema ‘Inizjattivi Sportivi għall-Kunsilli Lokali’ fejn kull Kunsill jista’ japplika biex jorganizza attivitajiet sportivi fil-lokal tiegħu u jingħata 50% tal-ispejjeż li fl-ebda każ ma jkunu jaqbżu it-€3,000.
Għas-sena 2009 applikaw total ta’ 24 Kunsill Lokali li b’kollox bejniethom żammu 84 attivita’ sportiva b’parteċipazzjoni ta’ madwar 4,500 persuna.
Bħalissa qed issir l-aġġudikazzjoni tal-applikazzjoni għall-attivitajiet li ser jinżammu fl-2010 u li għalihom applikaw 28 Kunsill Lokali b’87 attivita’ sportiva.
Il-Kunsilli Lokali jistgħu wkoll jissieħbu mal-Kunsill Malti għall-Isport sabiex iżidu jew itejbu faċilitajiet sportivi fl-iskejjel biex jintużaw mill-istudenti waqt il-ħin tal-iskola u mill-komunita’ wara l-ħin tal-iskola. Il-Kunsill Lokali Birgu kien l-ewwel u sa issa l-uniku Kunsill li ipparteċipa b’dan il-mod.