Legislature:
Category:
Reset
Active:

Post tal-Gvern alternattiv

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li tgħix f'post tal-gvern li bosta snin ilu applikat biex tbiddel ma' post ieħor tal-gvern, tiġi megħjuna mill-Awtorità tad-Djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament joqgħod ġo post tal-Gvern u applika għall-akkomodazzjoni alternattiva f'Awwissu, 2005. L-applikazzjoni tiegħu qiegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa. Peress li għandu ħtiġijiet speċifiċi, kemm ta’ lokalità kif ukoll ta’ faċilitajiet, mhux daqshekk faċli li jinstab fond li jwieġeb għax-xewqat tiegħu.

Awtorità tad-Djar — flus bix jitlesta ix-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'possibiltà hemm li l-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li bbenefikat minn l-iskema tal-Awtorità tad-Djar tieħu l-flus biex tispiċċa x-xogħol mitlub mill-istess awtorità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikanta tkun tista’ tieħu l-pagament wara li tlesti x-xogħlijiet kollha u tipproduċi l-irċevuti fiskali ta’ dawn ix-xogħlijiet. L-Awtortià tad-Djar tispezzjona l-post sabiex tivverifika li x-xogħol sar kollu u b’hekk ikun jista’ jiġi affettwat il-pagament.
Leg 11 PQ #17247 Sitting 234 2010-06-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ritratti fil-postijiet tal-votazzjoni fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropej

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta mistennija jiġu ritornati r-ritratti li kienu ntużaw fil-postijiet tal-votazzjoni fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew is-sena l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li għalkemm ammont ta’ ritratti tal-kandidati wżati fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew kellhom jiġu distrutti minħabba li tqattgħu meta nqalgħu peress li kienu twaħħlu bit-tape, ma jżomm xejn milli l-kandidati, li ħadu sehem fl-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li jiġbru r-ritratti oħra mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, il-Belt Valletta.
Leg 11 PQ #16929 Sitting 233 2010-06-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi Ewropej għas-sena 2009

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15060 u jgħid mill-fondi Ewropej tas-sena 2009, kemm se jibbenifika kull kunsill lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15060 qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #16930 Sitting 233 2010-06-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

sejħa għall-effiċjenza u enerġija rinnovabbli — ġenerazzjoni tal-enerġija nadifa

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15058 u jgħid meta mistenni toħroġ sejħa għall-kunsilli lokali u għall-għaqdiet mhux governattivi b'rabta mal-effiċjenza u l-enerġija rinnovabbli li tiffoka fuq solar water heaters u apparat li jiġġeneraw l-enerġija nadifa? Kemm mistenni jkun il-fond?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-iskemi ta’ fondi speċjali maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Jekk dan huwa l-każ infurmat li għal din is-sena d-Dipartiment reġa’ nieda l-iskema għall-Kunsill Lokali dwar proġetti ta’ enerġija alternattiva. Il-fond għal din l-iskema għas-sena 2010 ser ikun ta’ mhux aktar minn €300,000. Din l-iskema ħarġet fit-8 ta’ Jannar 2010, permezz ta’ Memorandum 10/2010 u li kien iċċirkolat lill-Kunsilli Lokali kollha. Intant ninsab infurmat ukoll li l-PPCD alloka madwar €3.5 miljun mill-Fondi Ewropej lil Malta għas-sejħa PA 4: Mitigation and Adaptation to Climate Change . L-avviż ta’ qabel is-sejħa proprja kien ippubblikat fi Frar li għadda waqt li s-sejħa proprja ħarġet l-Erbgħa t-2 ta’ Ġunju 2010.
Leg 11 PQ #16993 Sitting 233 2010-06-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Direttur tal-Gvern Lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min hu/i d-Direttur tal-Gvern Lokali ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa d-Dipartiment għall-Gvern Lokali għandu Aġent Direttur li huwa s-Sur Martin Bugelli, Direttur Ġenerali (Informazzjoni, Gvern Lokali u Konsultazzjoni Pubblika).

Bormla — Housing Estate ta' Fuq Verdala

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux xi ħsieb li l-housing estate ta' Fuq Verdala, Bormla jitbiddel l-użu tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern m’għandu l-ebda informazzjoni fuq it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #16995 Sitting 233 2010-06-08 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċerimonja tas-Sette Giugno

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn mistennija ssir iċ-ċerimonja din is-sena li tfakkar jum is-Sette Giugno?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iċ-ċerimonja ser tinżamm fil-Ġonna Hastings ġewwa l-Belt Valletta.

Awtorità tad-Djar — Chief Executive

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu/i ċ-Chief Executive tal-Awtorità tad-Djar? Jekk dan il-post huwa battal, kemm ilu battal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv ġiet vakanti fid-29 ta’Ottubru 2009, liema pożizzjoni bħalissa qiegħda okkupata miċ-Chairman tal-Awtorita’ stess. L-Awtorita tad-Djar diġa’ bdiet bil-proċess tagħha biex timpjega persuna għal din il-pożizzjoni.

Skola tal-Gvern Antonio Bosio

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex minnu li l-Iskola tal-Gvern Antonio Bosio, il-Gżira se tispiċċa minn skola? X'se jsir minflokha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fis-sena skolastika li ġejja l-iskola sekondarja subien tal-Gżira fi ħdan il-Kulleġġ Santa Klara se topera b’mod normali bħala skola.

Tneħħija ta' ħmieġ minn post

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-miżuri neċessarji fil-post, li l-indirizz tiegħu qed jintbagħat separatament, li jinsab fi stadju ta' ħmieġ, b'konsegwenza li hemm anke l-ġrieden?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hija r-responsabbiltà tal-inkwilini sabiex jagħmlu maintenance neċessarju fir-residenzi mikrija mill-Gvern kif ukoll biex jaraw li tali residenzi inkluż il-komun jinżammu f’livell ta’ maintenance aċċettabbli u nodfa kif suppost. Għalhekk mhix responsabbiltà tal-Awtorità tad-Djar li tnaddaf in-numru sostanzjali ta’ appartamenti mikrija mill-Gvern lil diversi inkwilini.

Bormla — Housing ta' Verdala

Question

Tista' l-Ministru responsabbli mill-Housing tgħid x'inhu il-ħsieb tal-gvern għal-binja tal-Housing ta' Verdala, Bormla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-pjan huwa li l-binja tal-Verdala tiġi rranġata sabiex insebbħu l-area ta’ madwar il-binja u jsir tindif u tisbieh fil-partijiet komuni. Il-proġett jinvolvi xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fil-partijiet komuni li jinkludu kuriduri, turġien, il-faċċata, l-bejt, id-dawra tal-blokk u partijiet oħra fejn huma għall-użu komuni tar-residenti kollha. Il-proġett se jinvolvi ukoll miżuri li jiffrankaw l-enerġija. Dan il-proġett hu ko-finanzjat mill-Fond Ewropew Reġjonali.

Ċertifikat tal-kors ta' carer

Question

Tista' l-Ministru tara li l-MCAST joħroġ iċ-ċertifikat lill-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament li kienet għamlet kors ta' carer?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST ma tistax toħroġ ċertifikat ta’ carer lill-persuna msemmija peress li din ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet tal-kors imsemmi għax m’għaddietx minn żewġ elementi tal-istess kors.

Post alternattiv għal single parent

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li hija single parent u li bintha ukoll hija single parent lanqas qatt ma ġiet provduta post alternattiv mill-Awtorità tad-Djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament applikat għall-akkomodazzjoni alternattiva f'April, 2007 mill-fond imsemmi, li hu mikri mingħand il-privat. Hija toqgħod ġo dar b'żewġ sulari flimkien mat-tifla tagħha u tixtieq akkomodazzjoni isfel biss fil-lokalità tal-Cottonera u Santa Luċija. Fil-preżent l-Awtorità tad-Djar m'għandhiex postijiet f'dawn il-lokalitajiet li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-applikanta.

Toroq arterjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15022 u jgħid liema huma l-proġetti ta' titjib u bini mill-ġdid ta' toroq fosthom arterji li mistennija jsiru din is-sena, jiġifieri 2010? Kemm se tiġi tiswa kull triq?

Response (GATT, AUSTIN)

It-toroq arterjali li huma ppjanati li jibdew isiru din is-sena, kemm-il darba jinħarġu l-permessi relattivi fiż-żmien opportun, huma: · Council of Europe Avenue and Garibaldi Road · Sea passenger terminal access road (phase A) · Marfa Road · Mgarr Road, Heliport to Victoria, Gozo · Sea passenger Terminal Access Road (Phase B) · Mellieħa by pass, Mellieħa
Leg 11 PQ #16337 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEUSAC — mili ta' applikazzjonijiet taħt programmi li toffri l-Unjoni Ewropea

Question

Fid-dawl li l-MEUSAC qed toffri servizz b'xejn fil-mili ta' applikazzjonijiet taħt programmi varji li toffri l-Unjoni Ewropea, jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex minnu li qed jinqalgħu każijiet fejn l-uffiċjali responsabbli fil-MEUSAC mhumiex isibu l-koperazzjoni sħiħa ta' xi kunsilli lokali għaliex jew qed jiġu injorati d-deadlines jew saħansitra ikun hemm xi kunsilli li jirtiraw mill-proġett fl-aħħar minuta? Jista' jispeċifika? Liema huma l-kunsilli involuti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #16338 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEUSAC — kunsilli lokali - fondi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minħabba li xi kunsilli lokali kienu applikaw taħt programmi varji tal-Unjoni Ewropea fil-mili tal-formoli fil-Funding Unit tal-MEUSAC u dawn irtiraw mill-proġetti fl-aħħar minuta jew anki injoraw id-deadlines, liema huma l-entitajiet l-oħra fosthom NGOs li setgħu jibbenefikaw mill-għajnuna tal-Funding Unit u dawn ma setgħux jiġu megħjuna għaliex l-uffiċjali tal-MEUSAC ma setgħux jaċċettaw iktar talbiet għal għajnuna minħabba limitazzjonijiet ta' riżorsi umani? Jista' jsemmi l-NGOs kollha li riedu dan is-servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #16339 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEUSAC — ħlas ta' depożitu għall-mili tal-applikazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li qed tiġi introdotta sistema li fejn kunsill lokali li jirrikorri għall-assistenza tal-MEUSAC se jibda jiġi mitlub iħallas depożitu qabel ma jibda l-proċess tal-mili tal-applikazzjoni? Kemm hu dan id-depożitu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-MEUSAC, bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, introduċa sistema ta’ penali fejn qabel ma tibda timtela l-applikazzjoni għal kunsill lokali jew NGO jintalab depożitu li jista’ jintilef kollu jew parti minnu skont jekk il-kunsill lokali jew l-NGO jirrispetta id-deadlines li jkunu qablu fuqhom il-partijiet fil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni. F’każ li kunsill lokali jew NGO iżżomm mad-deadlines kollha, id-depożitu jingħata kollu lura. Bħala riżultat ta’ din il-miżura, il-MEUSAC rat titjib sostanzjali fil-kooperazzjoni tal-kunsilli lokali u NGOs. Hu importanti li dawn iżommu mad-deadlines għaliex mingħajr l-informazzjoni li trid tiġi mingħandhom l-applikazzjoni ma tistagħx timtela. Kien hemm każijiet fejn kunsilli lokali jew NGOs ġew bl-informazzjoni fl-aħħar minuta, ħaġa li mhiex ġusta fuq l-istaff tal-MEUSAC li jkollha ħafna applikazzjonijiet biex tipporċessa qabel id-deadline stabbilit għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet. Id-depożitu jvarja minn €500 għal €800 (għal kunsilli lokali ta’ 7 kunsilliera u akbar). Id-Direttur tal-Gvern Lokali bagħat Memo lill-kunsilli lokali fit-30 ta’ Marzu 2010 fejn tahom l-informazzjoni kollha. Il-Kelliemi Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali kien ikkupjat mid-Direttur f’din il-korrispondenza.

talba għal post alternattiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar lanqas qatt ma offriet post alternattiv lill-famlija li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L- Onorevoli Interpellant għandu jagħti parir lill-persuna indikata minnu biex tmur għand l-uffiċċju tal-Cusomer Care tal-Awtorità tad-Djar biex tara fejn waslet l-applikazzjoni tiegħu/ha.