Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm community workers fil-preżent assenjati mal-kunsilli lokali? Kemm hu n-numru f'kull kunsill?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm total ta’ tmienja u sebgħin (78) community worker f’sebgħa u għoxrin (27) Kunsill Lokali f’Malta u f’Għawdex kif elenakt fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ħaddiema li qed jirreġistraw għax-xogħol — community workers
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm ħaddiema li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol li ġew mitluba biex jaħdmu bħala community workers u dawn ma rridux? X'kienet ir-raġuni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kemm ilha li bdiet l-iskema `Xogħol fil-Komunita`, f`Awwissu 2009, min fost il-persuni li kienu qed jirreġistraw u li kienu eleġibbli biex jipparteċipaw fl-iskema, wħud ġabu ċertifikati mediċi li minħabba n-natura tagħhom impedewhom milli jkomplu jirreġistraw għax–xogħol u allura ġew referuti lid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali. Kien hemm min sab xogħol, u kien hemm oħrajn li għalkemm aċċettaw li jipparteċipaw u ffirmaw li jagħmlu dan, meta ġew imsejħa biex jibdew l-iskema, ma attendewx.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex l-Awtorità tas-Saħħa tieħu azzjoni għall-problema kbira ta' ġrieden li hemm f'Housing Estate li dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li din is-sena ma’ ġew irreġistrati l-ebda` lmenti dwar preżenza ta’ ġrieden fl-inħawi ndikati, kemm fl-uffiċċju distrettwali, kif ukoll fis-Sezzjoni tal-Pest Control fi ħdan dan id-Direttorat.
Madankollu fl-1 ta’ Lulju 2010, saret spezzjoni fil-madwar tal-post indikat. Ma’ nstab l-ebda akkumulu ta’ ħmieġ jew skart jew xi drenaġġ miftuħ fl-inħawi li jistgħu ikun ta’ attrazzjoni għal ġrieden.
Bħala parti mix-xogħol ta’ rutina tas-Sezzjoni tal-Pest Control, sar tqegħid ta’ velenu bejn l-1 u l-11 ta’ Ġunju minn impjegati tal-istess Sezzjoni fl-inħawi w l-madwar tar-raħal imsemmi. Rigward lok partikolari li ġie ndikat, infurmat li sar trattament intensiv ta’ tqegħid ta’ velenu fl-1 ta’ Lulju. Din is-sitwazzjoni ser tibqa tiġi segwita sakemm tiġi taħt kontroll assolut.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kull kunsill lokalikemm għandu
green wardens
assenjati miegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 96/2010 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, kif appuntu jaf l-Onorevoli Interpellant peress li jirċievi kopja ta’ kull Memorandum li joħroġ id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18007, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm kunsilli lokali li barra mill-ispejjeż indikati u in konnessjoni mal-attivitajiet tal-karnival kienx hemm spejjeż oħra, għajr dawk pubbliċi, bħalma huma sponsors eċċ, li ntefqu f'dawn l-attivitajiet? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawn il-kunsilli, min huma l-isponsors, l-ammont ta' flus mogħtija u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti relevanti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li peress li d-Dipartiment ma jkollux din it-tip ta’ informazzjoni għandu, l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 98/2010 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, kif appuntu jaf l-Onorevoli Interpellant peress li jirċievi kopja ta’ kull Memorandum li joħroġ id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li mponew miżura biex fil-lokal tagħhom ma jiġux organizzati barbeques? Jista' jgħid liema huma l-kunsilli lokali li mponew taxxa/mizata u jew liċenzja eċċ biex min irid jorganizza barbeque fil-lokal tagħhom irid iħallas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 97/2010 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, kif appuntu jaf l-Onorevoli Interpellant peress li jirċievi kopja ta’ kull Memorandum li joħroġ id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
White Rocks and Leisure Village — Outside Developement Zone
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 18373 u tgħid kemm hija l-area li hija f'Outside Developement Zone fil-proġett tal-White Rocks and Leisure Village?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18372 u jgħid kemm hi stmata l-art (il-valur) fejn mistenni jsir il-proġett White Rocks Sports and Leisure Village? Kemm hi l-kobor tal-art? Minn stmaha? Jista' jpoġġi r-rapport tal-istima fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata f’dan l-istadju minħabba negozjati li għaddejjin. L-informazzjoni tingħata la darba l-proċess jingħalaq u jkun konkluż il-ftehim.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17870 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'passi se jieħu l-gvern fuq il-multi-storey car park li nbena ftit ta' snin ilu ħdejn l-Isptar San Luqa u li jinsab vojt u mimli ħmieġ b'konsegwenza li qed ikun hemm ħafna ġrieden? X'mistenni jagħmel il-gvern b'din il-binja?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17868 u jgħid kemm hi stmata l-ħsara li saret fil-bridge fi Triq Aldo Moro, Marsa fl-inċident li seħħ fit-23 ta' April, 2010?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il kunsill għalaq is-sena finanzjarja tiegħu b'deficit sa l-aħħar ta' Diċembru 2009? Liema huma? Kemm hemm kunsilli li ilhom jkollhom deficit aktar minn sena? X'passi qed jieħu d-Dipartiment għal Gvern Lokali sabiex il-kunsilli li jinsabu b'deficit jiġu konformi mal-liġi finanzjarja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-audited financial statements tal-Kunsilli Lokali kien hemm seba’ (7) Kunsill Lokali li għalqu s-sena finanzjarja tagħhom b’deficit sal-aħħar ta’ Diċembru 2009. Dawn kienu l-Kunsilli Lokali ta’ Ħal Qormi, ir-Rabat Għawdex, Birkirkara, Ta’ Kerċem, l-Imġarr, Ta’ Sannat u x-Xagħra. Intant mill-unaudited financial statements jirriżulta li kien hemm ħames (5) Kunsilli Lokali oħrajn li għalqu s-sena finanzjarja tagħhom b’deficit sal-aħħar ta’ Diċembru 2009. Dawn kienu l-Kunsilli Lokali tal-Birgu, in-Naxxar, Pietà, ir-Rabat Malta u San Ġwann.
Ninsab infurmat wkoll li hemm ħames (5) Kunsilli Lokali li nstabu b’
deficit
għal aktar minn sena. Dawn huma l-Kunsilli Lokali tar-Rabat Għawdex, il-Birgu, Birkirkara, San Ġwann u x-Xagħra.
Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jimmoniterja lill-Kunsilli Lokali kollha b’mod regolari permezz tal-
Monitoring Unit
li fost bosta affarijiet jiskrutinja l-operat finanzjarju tagħhom u jiġbed l-attenzjoni kif meħtieġ. Fil-fatt jirriżulta li uħud minn dawn il-Kunsilli Lokali, f’dawn l-aħħar sitt xhur, dawru d-
deficit
tagħhom f’bilanċ pożittiv.
kunsilli lokali — għajnuna finanzjarja minħabba ħteġijiet speċjali
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li se jibbenefikaw minn għajnuna minħabba li għandhom bżonn ħteġijiet speċjali għat-tip ta' attivitajiet nazzjonali li jsiru fil-lokalitajiet tagħhom? Kemm applikaw kunsilli għal din l-għajnuna ? Liema kunsilli applikaw u ma ġewx magħżula ? Kemm hu il-fond għal din l-iskema? Kemm hu l-ammont li kull kunsill se jibbenefika? X'inhi r-realtà tal-lokalitajiet u l-komunitajiet ta' kull kunsill li applikaw għal din l-għajnuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-iskema ta’ għajnuna tal-Gvern lill-Kunsilli Lokali li tul is-sena jilqgħu fihom Attivitajiet fuq Skala Nazzjonali u li jkunu organizzati esklussivament mill-Gvern Ċentrali, liema skema tnediet permezz ta’ Memo 32/2010 li ħarġet fit-8 ta’ Frar 2010. Il-fond għal din l-iskema ammonta għal € 193,400 u kienet maqsuma f’żewġ partijiet:
Parti A tal-iskema kienet intiża sabiex il-Kunsilli Lokali japplikaw biex jingħataw għajnuna sabiex jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa fiż-żoni jew it-toroq affettwati minn dawn l-attivitajiet fuq skala nazzjonali.
Parti B tal-iskema kienet intiża sabiex il-Kunsilli Lokali japplikaw sabiex itejjbu ż-żoni u t-toroq affettwati minn dawn l-attivitajiet fuq skala nazzjonali. Il-flus iddedikati għal din il-parti (B) tal-iskema jikkonsistu fil-flus li kien fadal wara li kienu ġew allokati l-għotjiet lill-Kunsilli Lokali li applikaw għall-ewwel parti (A) ta’ l-iskema.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-bqija tal-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li għandhom responsabilità li jieħdu ħsieb il-bjar u l-ġibjuni li jinsabu fil-lokalitajiet tagħhom? Meta saret id-devoluzzjoni ta' kull bir u ġibjun li jinsab f'dik il-lokalità? Kemm jesa kull bir u ġibjun? X'użu qed isir mill-ilma ta' dawn il-bjar u ġibjuni f'dik il-lokalità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 17815, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħareġ kull kunsill lokali li organizza dawk l-attivitajiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17815 qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Human resources tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali — allowance
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux konformi mar-regoli tal-Human Resources tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali meta persuna sekondata ma' kunsill
tingħata 15% allowance mas-salarju tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi r-regoli ma jeskludux l-għoti ta’ xi allowance lil ħaddiem tal-gvern li jkun sekondat ma’ Kunsill. Sabiex Kunsill iħallas allowance, irid jagħmel talba għall-awtorizzazzjoni lid-Direttur għall-Gvern Lokali u jiġġustifika dan il-ħlas abbażi tan-natura tax-xogħol tal-uffiċjal fuq kriterji bħal sensittività, responsabbilitajiet jew ħinijiet żejda.
Kunsilliera li mhux qed jingħataw l-aġenda fil-ħin
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm xi kunsilliera li mhux qed jirċievu l-aġenda għas-seduti fiż-żmien stipulat qabel il-laqgħa, mhux biss, iżda l-minuti li jkunu jridu jiġu approvati qed jintbagħtu sigħat jew ġurnata qabel is-seduta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Artikolu 32 (3) ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap 363) jistipula illi: “Kull Kunsillier għandu għas-spejjeż tiegħu ikun obbligat li jkollu servizz ta’ posta elettronika fir-residenza tiegħu. Kull korrispondenza, minuti u dokumenti għandhom jintbgħatu lill-Kunsillieri permezz tal-posta elettronika u għall-finijiet ta’ notifika jitqiesu bħala notifika valida”
Jien infurmat li kull meta d-Dipartiment għall-Gvern Lokali jirċievi xi ilment fis-sens li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, il-
Monitoring Unit
tad-Dipartiment jinforma lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill biex jirrimedja is-sitwazzjoni minnufih.
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi bl-emendi li daħlu fl-Att dwar Kunsilli Lokali, kull Kunsillier issa għandu
account
uffiċjali li jista’ jaċċessa saħansitra mid-dar. Is-Segretarju Eżekuttiv irid jibgħat kull korrispondenza, minuti u dokumenti lill-Kunsilliera kollha permezz ta’ din il-posta elettronika. Għal finijiet ta’ notifika dan jitqies bħal notifika valida, allavolja għad hemm xi diffikultà billi ċerta kunsilliera għadhom ma humiex qed jużaw dan is-servizz.
Kunsilli lokali — sindki, kunsilliera u segretarji eżekuttivi
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15672, jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk kienx hemm kunsilliera/sindki/impjegati tal-kunsilli u tal-Gvern ta' Malta li ġew investigati, liema investigazzjoni hija magħluqa mid-Dipartiment tal-Pulizija, mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u/jew mid-Dipartiment tal-VAT mill-2008 sal-lum?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid:
a) min huma l-kunsilliera/sindki;
b) lil liema kunsill jappartjenu;
c) ir-raġuni tal-investigazzjoni;
d) x'kienet il-konklużjoni; u
e) jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport konklużiv tal-istess investigazzjoni?
Kunsilli lokali li bbilanċjaw id-deficit finanzjarju
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17465 u 16049 u jgħid f’liema snin il-kunsilli lokali bbilanċjaw id-deficit finazjarju permezz ta’ kontravenzjonijiet mhux imħallsa mill-bidu tas-sistema tal-LES? Liema huma l-kunsilli lokali u jgħid kemm-il darba l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jew tal-Ministeru konċernat ġibed l-attenzjoni tal-kunsilli lokali dwar dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Numru ta’ Kunsilli Lokali bbilanċjaw id-deficit finanzjarju permezz ta’ kontravenzjonijiet mhux imħallsa mill-bidu tas-sistema tal-Local Enforcement System mis-sena 2000 sa din is-sena. Dawn kienu l-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, tal-Isla, ta’ Bormla, ta’ Ħaż-Zebbuġ, taż-Żejtun, tal-Mosta, ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ Santa Luċija. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qatt ma ħass il-ħtieġa li jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsilli Lokali dwar dan. Sakemm dawn l-ammonti qed jirrappreżentaw ammonti dovuti lill-Kunsill Lokali, u jkunu ċertifikati u awditjtai mill-udituri tal-Gvern Lokali, dawn iċ-ċifri jiffurmaw parti mid-debituri tal-Kunsilli Lokali u għaldaqstant jittieħdu in konsiderazzjoni meta jitkejjel il-working capital ta’ kull Kunsill. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17466 u 16127 u jgħid jekk sarux laqgħat bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun rigward il-bini ta' bus interchange fi Triq Birżebbuġa limiti ta' Bir id-Deheb, Żejtun? Jekk saru, x'tip ta' laqgħat kienu? Kif se jiġu milquta s-sidien tal-madwar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti proposti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.