Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk huwiex minnu li l-President tal-Libja, Gaddafi mistenni jiġi f’Malta sa tmiem din is-sena wara li dan kien ikkanċella ż-żjara tiegħu f’Marzu ta’ din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Iż-Żjara tal-Kurunell Gaddafi ġiet mħabbra pubblikament mill-Eċċellenza Tiegħu Mousa Kousa, Segretarju tal-Kumitat tal-Poplu għall-Affarijiet Barranin u l-Koperazzjoni Internazzjonali fl-għeluq tal-laqgħat tal-Kummissjoni Mħallta nhar l-20 ta' Jannar, 2010. Filwaqt li l-perjodu indikat f'Jannar ġie pospost, waqt diversi taħdidiet bilaterali, l-għola uffiċjali tal-Gvern Libjan urew x-xewqa li din iż-żjara sseħħ mill-aktar fis possibbli.
Dan ġie ukoll ikkonfermat mill-Ambaxxatur tal-Ġamaħirija għal Malta, li fil-kummenti tiegħu appena ppreżenta il-kredenzjali diplomatiċi saħaq li din iż-żjara hija ta' prijorità għaż-żewġ pajjiżi.
Iż~Żjara tal-Kurunell Gaddafi mistennija li sseħħ meta ż-żewġ naħat jaqblu fuq data konvenjenti. Ninforma ukoll li s-sena d-dieħla se ssir laqgħa f'Malta tal-Kapijiet ta' l-Istat/Gvern tal-Grupp 5 + 5.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk din is-sena kienx hemm diplomatiku ta’ Malta li kien qed jiġi investigat mill-Pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 17355 li għadha tgħodd.
proġett propost tal-ground tal-football Pace Grazzo
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19163 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-proġett propost ftit tas-snin ilu fuq is-sit tal-ground tal-football Pace Grazzo, Paola huwiex se jsir jew le? Jekk iva, meta mistenni jibda u kemm se jiġi jiswa? Jista' jpoġġi l-pjanti proposti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — devoluzzjoni lill-kunsilli lokali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19197 u 18389 u jgħid mis-sena 2008 sal-ġurnata tal-lum x'ġie devolut minn dawk id-dipartimenti, aġenzji, entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu lill-kunsilli lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat illi d-devoluzzjoni tal-poteri lil kunsilli lokali ssir permezz tal-liġi tal-kunsilli lokali li mhijiex fir-responsabilitajiet ta’ dan il-Ministeru.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk matul il-perjodu Marzu – Lulju 2010, kienx hemm kunsilli lokali li ħarġu offerti għal servizzi ta’ kull xorta mingħajr ma ppubblikaw fil-website tagħhom jew tal-Assoċjazzjoni l-ammont globali tan-nefqa fit-tali servizz eċċ., kif ukoll ma ġewx ippubblikati l-ammonti tal-offerti
a) liema huma dawn il-Kunsilli;
b) fuqiex kienet titratta l-offerta;
ċ) x’inhu l-ammont globali ta’ kull offerta kunsill b’kunsill;
d) x’kienu l-ammonti tal-offerenti għal kull kuntratt kunsill b’kunsill?
X’kienet jew kienu r-raġunijiet għaliex dawn il-figuri u din l-informazzjoni ma ngħatatx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsilli Lokali m’humiex obbligati li jippubblikaw online l-offerti tagħhom. Dan skont kif huwa artikolat f’Artiklu 40 (2) (ċ) tal-Att dwar il-Kunsill Lokali, Kapitlu 363 tal-Liġi ta’ Malta.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-kunsilli lokali għandhomx reġistru tal-ilmenti? Liema huma l-kunsilli lokali li għandhom? Liema huma dawk li m'għandhomx? F’liema kategorija huma miktuba dawn l-ilmenti? Liema hu l-aktar ilment li qed ikollu kull kunsill lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull Kunsill Lokali għandu s-sistema tiegħu kif jitratta l-ilmenti tal-pubbliku. Intant qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista tal-Kunsilli Lokali li għandhom reġistru tal-ilmenti u l-informazzjoni mitluba.
Dipartiment għall-Gvern Lokali — direttur permanenti
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’qed iżomm lill-gvern milli jaħtar Direttur Permanenti fid-Dipartiment għall-Gvern Lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ għażla għal pożizzjonijiet ta’ kapijiet isir madwar kull sitt (6) xhur. Is-sejħa għal din il-pożizzjoni u għal oħrajn mistennija toħroġ għal ħabta ta’ Ottubru ta’ din is-sena.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid min huma l-ambaxxaturi Maltin akkredituri għal stati barranin? Liema huma residenti barra minn Malta u f’liema pajjiż? Meta nħatru?
Response (BORG, TONIO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18758 li saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita u 17870 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferuti lilu u jgħid x'passi se jieħu l-gvern fuq il-multi-storey car park li nbena ftit ta' snin ilu ħdejn l-Isptar San Luqa u li jinsab vojt u mimli ħmieġ b'konsegwenza li qed ikun hemm ħafna ġrieden? X'mistenni jagħmel il-gvern b'din il-binja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Pietà għandhu ftehim ta’ konċessjoni f’idejh tal-multi-storey car park imsemmi, mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet. Fil-jiem li ġejjin infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Pietà se joħroġ call for expression of interest dwar dan il-multy-storey car park sabiex jassigura ż-żamma tiegħu regolarment. Intant infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali tal-Pietà għamel eżerċizzju ta’ tindif fil-post u neħħa ammont sostanzjali ta’skart li ntrema fih, anki meta dan l-istess car park ma kienx f’idejh.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18926 u jieħu l-passi meħtieġa biex tiġi rimedjata l-ingustizzja li saret lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18926.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18882 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18007, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm kunsilli lokali li barra mill-ispejjeż indikati u in konnessjoni mal-attivitajiet tal-karnival kienx hemm spejjeż oħra, għajr dawk pubbliċi, bħalma huma sponsors eċċ, li ntefqu f'dawn l-attivitajiet? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawn il-kunsilli, min huma l-isponsors, l-ammont ta' flus mogħtija u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti relevanti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18885 u jgħid liema huma l-kunsilli lokali li mponew miżura biex fil-lokal tagħhom ma jiġux organizzati barbeques? Jista' jgħid liema huma l-kunsilli lokali li mponew taxxa/mizata u jew liċenzja eċċ biex min irid jorganizza barbeque fil-lokal tagħhom irid iħallas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal- Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19071 u 17857 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: Fid-dawl li issa sar magħruf li l-Horizons Terminals Ltd temmet in-negozjat tagħha mal-Gvern ta' Malta fejn mistennija tagħmel terminal ġdid f'pajjiżna għall-ħażna taż-żejt, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta fejn mistenni jsir dan il-proġett u jimmarka fuq l-istess pjanta l-estensjoni tal-power station u l-Freeport?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din hija proposta privata u li l-Gvern mhuwiex involut fiha.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17253, tista' l-Ministru tgħid jekk l-inkwilin għamilx it-tiswijiet meħtieġa għax skont informazzjoni li għandi dan m'għamel l-ebda xogħol, b'konsegwenza li l-problema baqgħet ma ġietx solvuta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar irreferiet il-każ lid-Dipartiment tal-Artijiet, li, bħala sid tal-proprjetà, jista’ jieħu l-passi meħtieġa biex iġiegħel lill-inkwilin li kkaġuna l-ħsarat jagħmel ix-xogħol rimedjali neċessarju.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16690, tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm lill-Awtorità tad-Djar milli tipprovdi l-istatus report lill-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta għal din il-mistoqsija ingħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 16690 fejn il-persuna in kwestjoni intalbet tirrikorri fit-taqsima tal-Customer Care jew iċċempel l-Awtorità tad-Djar u ssaqsi kemm għandha punti.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17865 u jgħid jekk l-uffiċini amministrattivi tal-kunsilli lokali għandhomx bir jew le? Huwa użat jew le? Jekk iva, x'użu qed jagħmel minn dan l-ilma kull kunsill lokali? Kemm hi l-ħażna tal-ilma f'kull bir tal-kunsill lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Pannelli fotovoltajiċi fuq il-bjut tal-kunsilli lokali
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17864 u jgħid, apparti l-pannelli fotovoltajiċi li ġew stallati fuq il-bjut tal-uffiċini amministrattivi tal-kunsilli lokali, x'inizjattivi ħa kull kunsill lokali biex inaqqas l-ispejjeż mill-konsum tad-dawl u l-ilma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18444, 17466 u 16127 u jgħid jekk sarux laqgħat bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun rigward il-bini ta' bus interchange fi Triq Birżebbuġa limiti ta' Bir id-Deheb, Żejtun? Jekk saru, x'tip ta' laqgħat kienu? Kif se jiġu milquta s-sidien tal-madwar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti proposti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta tefgħet applikazzjoni mal-MEPA għall-imsemmi interchange u għalhekk kull konsultazzjoni ssir bħala parti minn dan il-proċess skont il-liġi.
Kunsilli lokali — sindki, kunsilliera u segretarji eżekuttivi
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18429 u ċioe: B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15672, jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk kienx hemm kunsilliera/sindki/impjegati tal-kunsilli u tal-Gvern ta' Malta li ġew investigati, liema investigazzjoni hija magħluqa mid-Dipartiment tal-Pulizija, mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u/jew mid-Dipartiment tal-VAT mill-2008 sal-lum?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid:
a) min huma l-kunsilliera/sindki;
b) lil liema kunsill jappartjenu;
c) ir-raġuni tal-investigazzjoni;
d) x'kienet il-konklużjoni; u
e) jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport konklużiv tal-istess investigazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill- Onor.Interpellant
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18763 u 17868 u jgħid kemm hi stmata l-ħsara li saret fil-bridge fi Triq Aldo Moro, Marsa fl-inċident li seħħ fit-23 ta' April, 2010?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ħsara li saret fil-bridge fi Triq Aldo Moro hija stmata għal madwar €15,450.00 u din l-istima tinkludi x-xogħol ta’tiswija, konsulenzi u xogħol li kien sar temporanjament biex jitneħħa kull periklu dak in-nhar tal-inċident.