Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju li sar minn kull kunsill lokali fi tfassil tal-istrateġija li għandha twassal għal lokalitajiet sostenibbli fl-oqsma kollha inkluż dawk infrastrutturali, ambjentali, soċjali, edukattivi u kulturali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li kien hemm tlett (3) Kunsill Lokali li ntgħażlu s-sena l-oħra biex iħejju studju fit-tfassil ta’ strateġija sostenibbli. Minn dawn it-tlett Kunsill Lokali, dak ta’ San Lawrenz u l-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli ssottomettew l-istudji tagħhom. Intant ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun wasal fil-fażi finali tal-istudju tiegħu qabel ma jissottomettieh.
Ninsab infurmat ukoll li din is-sena ntgħażlu biex jibbenefikaw seba’ (7) Kunsilli Lokali – li huma dawk taż-Żejtun, ta’ Għajnsielem, tal-Għarb, tal-Kalkara, ta’ Ħal Kirkop, tal-Mellieħa u tar-Rabat ta’ Malta – kif ukoll konsorzju magħmul mill-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, tal-Imsida, ta’ Ta’ Xbiex, ta’ Ħal Balzan, tal-Iklin, ta’ Santa Venera u ta’ Ħal Lija flimkien mal-Kulleġġ Santa Tereża, biex huma wkoll iħejju studju li jwassal għat-tfassil ta’ strateġija għall-iżvilupp sostenibbli f’dawn il-lokalitajiet. Dawn il-Kunsilli Lokali, kif ukoll il-konsorzju msemmi, għandhom jissottomettu l-istudju tagħhom sat-30 ta’ Marzu 2011.
Intant l-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li t-talba tiegħu sabiex titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra kopja ta’ kull studju li sar sa issa tirrikjedi volum kbir ta’ xogħol u riżorsi. Għaldaqstant japprezza li tali kopji mhux possibbli li jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra kif mitlub.
kunsilli lokali li ffirmaw ftehim mal-Kumpanija Green MT
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14409 u 12730 u jgħid liema huma l-kunsilli lokali li ffirmaw ftehim mal-kumpanija Green MT, li hi kumpanija tal-GRTU, fejn se jkunu responsabbli mill-ġbir tal-iskart f'dik il-lokalità? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull kuntratt li ġie ffirmat minn xi kunsill lokali mal-Green MT?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 12730. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni aġġornata wara t-tweġiba li ngħatat f’Jannar li għadda li titratta l-lista tal-Kunsilli Lokali li għandhom ftehim mal-kumpanija Green MT għall-ġbir ta’ skart separat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li fl-uffiċċji amministrattivi tagħhom għandhom lift? Liema huma dawk il-kunsilli lokali li għamlu talba biex jistallaw lift? Liema huma dawk il-kunsilli lokali li fil-premises tagħhom m'hemmx għalfejn jistallaw lift?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawk il-kunsilli lokali li għamlu talba biex jistallaw lift fl-Uffiċini Amministrattivi tagħhom, issa qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bqija tal-informazzjoni mitluba.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18007, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm kunsilli lokali li barra mill-ispejjeż indikati u in konnessjoni mal-attivitajiet tal-karnival kienx hemm spejjeż oħra, għajr dawk pubbliċi, bħalma huma sponsors eċċ, li ntefqu f'dawn l-attivitajiet? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawn il-kunsilli, min huma l-isponsors, l-ammont ta' flus mogħtija u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti relevanti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari numru 19304.
Kunsilli lokali — ħidma fil-qasam soċjali u l-ħarsien tal-identità
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid b'liema mod l-kunsilli lokali impenjaw ruħhom f'ħidma fil-qasam soċjali u fil-ħarsien tal-identità lokali din is-sena? X'tip ta' għajnuna ta l-Gvern ta' Malta f'dawn l-oqsma din is-sena? X'għamel kull kunsill din is-sena f'dawn l-oqsma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-kunsilli lokali permezz ta’ Memo 131/2010 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant. .
Jista' l-Ministru jgħid kemm traqqdu klieb u qtates mill-Animal Welfare u mill-SPCA din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-principju li fuqu jitmexxa d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali hu dak li ebda animal ma jitraqqqad jekk mhux fuq parir tal-veterinarju li jara l-annimal, u dan jiġri biss jekk l-annimal ikun qiegħed fi-stat ta’ tbatija esaġerata. Minn Marzu 2009 sa Ottubru ta’ din is-sena id-Direttorat kellu jraqqad 36 kelb u 45 qattus.
L-SPCA m’hijiex entità tal-Gvern.
Jista' l-Prim Ministru jgħid b'liema mod qed jaħdem il-fond tal-Commuted Parking Payment Scheme għall-provvista ta' faċilitajiet ta' parkeġġ għall-vetturi f'diversi postijiet f'Malta u Għawdex ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar tħaddem il-Communted Parking Payment Scheme a bażi ta’ dawn id-dokumenti, li jinsabu fuq il-website tal-Awtorità:
· Avviz tal-Gvern 162 tal-2003, Att Dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 356), Commuted Parking Payment Scheme
· Commuted Parking Payments, 25 ta’ Novembru 1993
· New Commuted Parking Payments Scheme for Malta, 23 ta’ Ottubru1997
· Commuted Parking Payment Scheme - Sliema, St.Julian's, Valletta and Floriana, 1 ta’ Lulju 1998
· Amendment to Commuted Parking Payment Scheme, 14 ta’ Marzu 2003.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' miżuri l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed tagħti prijorità lil-lokalitajiet fejn il-parkeġġ huwa l-aktar diffikultuż u liż-żoni kummerċjali f'Malta u Għawdex?
Transport Malta — sejħiet għall-offerti għall-bini ta' toroq
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta b'koperazzjoni mal-kunsilli lokali ħarġitx sejħiet għall-offerti għall-bini ta' għadd ta' toroq fl-irħula u l-ibliet permezz ta' public private partnership? Liema huma t-toroq u f'liema lokalità jinsabu? Kemm tiswa kull triq? Liema huma l-kuntratturi li għamlu kull t-triq jew għadhom se jagħmluhom ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta ma ħarġet l-ebda sejħa għall-offerti għall-bini ta’ toroq b’koperazzjoni mal-kunsilli lokali permezz ta’ public private partnership.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jkompli l-proġett ta' pavementar fi Triq Melita, il-Belt Valletta n-naħa ta' wara Kastilja? Sa fejn mistenni jsir il-pavementar fi Triq Melita ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-fażi li jmiss tal-proġett qed issir Transport Malta. Għaldaqstant nissuġerixxi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19202 u jgħid jekk huwiex minnu li hemm kunsilli lokali li għandhom direct orders bi ksur tal-liġi mis-sena 2008 sal-lum? Liema huma dawn il-kunsilli lokali? X'passi ttieħdu fil-konfront tal-kunsilli lokali mill-awtoritajiet governattivi ċentrali?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7617, jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ħadet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex it-taraġ li huwa inkluż fl-iskema tal-Awtorità mal-konfini tas-slip road fid-direzzjoni għal San Ġiljan u skont Kapitlu 10 tal-Liġijiet ta' Malta għandu jiġi mibni mill-iżviluppatur, isir illum qabel għada wara li ż-żona ilha li nbniet u t-taraġ għadu ma sarx?
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet il-wegħda tal-aħħar budget rigward it-triq li minn Ħaż-Żabbar twassal għal ħdejn SmartCity? Jista' jgħid jekk din il-wegħda ġietx mwettqa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq li minn Ħaż-Żabbar se twassal għal Smart City, u li hija maqsuma fi tliet fażijiet, bħalissa għaddejja mill-fażi ta’ applikazzjoni għand il-MEPA. Ladarba jinħarġu l-permessi tal-MEPA ikun jista’ jinħareġ it-tender għall-kostruzzjoni ta’ dawn it-toroq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li t-triq tal-Marfa li ġiet imwegħda fl-aħħar budget se titjieb? Veru tjiebet jew le?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li, bħalissa, it-triq tal-Marfa bejn in-niċċa tal-Madonna (fejn hemm it-triq li tieħdok għat-Torri l-Aħmar) u l-Ponta taċ-Ċirkewwa (fejn hemm it-terminal) għadha fil-proċess ta’ evalwazzjoni tat-tenders. Ix-xogħlijiet jibdew wara li tiġi konkluża l-istess evalwazzjoni, tkun aġġudikata t-tender u jingħata l-kuntratt.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huwa dawk il-kunsilli li organizzaw attività kulturali fil-lokalità tagħhom din is-sena? X'kien it-titlu ta' kull attività? Meta saret dik l-attività? Kemm ġiet tiswa dik l-attività? Kemm ħareġ il-gvern ta' Malta għal dik l-attività? Kemm ħareġ il-kunsill għal dik l-attivà?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-kunsilli lokali permezz ta’ Memo 130/2010 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, kif jaf l-Onor. Interpellant peress li jirċievi kopja ta’ kull Memorandum li joħroġ id-Dipartiment. Għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'għodda ta l-gvern ta' Malta lill-kunsilli lokali din is-sena sabiex jagħtu lir-residenti tagħhom l-aqwa servizz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi barra l-allokazzjoni finanzjarja li l-Gvern jgħaddi kull sena lill-Kunsilli Lokali biex dawn ikunu jistgħu jaqdu l-funzjonijiet statutorji tagħhom, hemm diversi modi kif il-Gvern qed jgħin biex il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jagħtu l-aqwa servizz lir-residenti tagħhom.
Dawn jinkludu, fost l-oħrajn:
- assenjar ta’ ħaddiema tal-IPSL (ex-tarznari u ex-WSC) fil-Kunsilli Lokali;
- diversi skemi finanzjarji li għalihom setgħu japplikaw il-Kunsilli Lokali kollha (fosthom li jkopru inizjattivi sportivi, attivitajiet kulturali, toroq ġodda fil-lokalitajiet, inizjattivi energy saving b’risq l-ambjent, miżuri favur l-aċċessibiltà, edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja, restawr ta’ postijiet storiċi, proġetti u inizjattivi mill-Kumitati Amministrattivi, għajnuna għall-libreriji lokali eċċ). Minn dawn l-iskemi gawdew il-Kunsill Lokali kollha b’valur ta’ aktar minn € 2,600,000 (żewġ miljuni u sitt mitt elf ewro) din is-sena;
- assistenza mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u minn dipartimenti oħrajn tal-Gvern;
- assistenza kontinwa mill-MEUSAC dwar applikazzjonijiet għall-finanzjament mill-Unjoni Ewropea;
- opportunitatjiet ta’ taħriġ għas-Sindki, Kunsillieri, Segretarji Eżekuttivi u staff tal-Kunsilli Lokali;
- aċċess
on line
li jservi ta’ kuntatt mar-residenti permezz ta’ sit elettroniku (
website
) li hu immaniġjat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali;
- servizz ta’ posta elettronika għall-Kunsillieri kollha; u
- għajnuna fil-proċess tal-applikazzjoniet għal devoluzzjonijiet ta’ proprejtà pubblika.
Bormla — Triq San Mikiel - bieb komuni tal-garaxxijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta mistenni jiġi magħluq il-bieb komuni tal-binja ta' garaxxijiet li jinsab fil-post tal-inċident ta' sub station, n-naħa ta' Triq San Mikiel, Bormla?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorità tad-Djar kemm il-darba ħadet passi biex issakkar il-gradi tal-entraturi komuni tal-garaxxijiet fil-Binja msemmija f’Bormla. Dawn il-gradi qed jiġu sgassati ripetutament minn persuni mhux magħrufa li saħansitra qed jikkawżaw ħsarat u jarmu materjal fil-post għad-danni tal-istess awtorità. Inċidenti bħal dawn jiġu rrappurtati sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa mill-pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Għassa ta' Bormla biex il-fond, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li hu tal-gvern u li ilu snin vojt u abbundanat, ma jibqax jintefa' ħmieġ fih minn persuni irresponsabbli?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi, filwaqt li s'issa, l-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar tfih ta' ħmieġ fil-post imsemmi, il-Pulizija se tieħu l-azzjoni meħtieġa.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7617, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ttieħdux azzjonijiet mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex l-iżviluppatur jibni dan t-taraġ skont Kapitlu 10 tal-Liġijiet ta' Malta, wara li d-djar issa ilhom mibnija bosta snin? X'passi se jittieħdu ?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibbilità hemm li r-road marking li kien hemm u li tneħħiet fit-triq li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tirrigwarda persuna b'diżabilità, terġa' ssir fejn kienet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li rigward ir-road markings imsemmija, qatt ma kien hemm applikazzjoni quddiem Transport Malta. Għaldaqstant, sabiex dawn il-marki jkunu jistgħu jiġu implimentati quddiem ir-residenza msemmija, trid l-ewwel issir applikazzjoni għal reserved parking bay għal persuni b’diżabilità sabiex din tkun tista' tiġi kkunsidrata mill-istess awtorità.