Legislature:
Category:
Reset
Active:

Balzan — problema ta' għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-gvern biex isolvi l-problema tal-għargħar, f'Balzan Valley, Balzan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-problema tal-għargħar fiż-żona msemmija mill-Onor Membru se tkun imtaffijja permezz tal-proġett għal-kontra l-għargħar li se jiswa madwar 56 miljun euro. Dan il-proġett se jaqbad l-ilma tax-xita minn diversi inħawi ‘l fuq minn Ħal-Balzan, Ħ’Attard, Ħal-Lija, u B’Kara. Saru wkoll l-applikazzjonijiet għall-permessi tal-MEPA li l-ħruġ tagħhom qiegħed fi stat avvanzat.

Dipartiment tal-Artijiet — bini ta' housing soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibilita hemm li l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li kien għamel talba bosta snin ilu lid-Dipartiment tal-Artijiet biex il-post indikat li huwa milqut b'titlu ta' Pussess u Użu jew Dominju Pubbliku u ġie mwaqqa diversi snin ilu bl-iskop li jinbena Housing Soċjali, d-dipartiment iħallsu tal-valur kif stmat mill-istess dipartiment minnufih?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din is-sena, id-Dipartiment beda x-xogħol biex il-proprjetajiet kollha li huma milquta b’titlu ta’ pussess u użu jew dominju pubbliku jiġu akkwistati mill-Gvern u s-sidien tagħhom, jiġu kkumpensati. Dan il-proċess jieħu daqxejn fit-tul għaliex hemm ħafna proprjetajiet li jridu jiġu akkwistati, però huwa mistenni li dan il-xogħol jitkompla u għalhekk il-proprjetà tal-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament tiġi akkwistata mill-Gvern u jitħallas il-kumpens sa ftit żmien ieħor. Il-valur stmat mid-Dipartiment huwa bbażat fuq il-kera ta’ akkwist jew ta’ għarfien imħallsa, skont Sezzjoni 22 tal-Ordinanza dwar Akkwist ta’ Artijiet (Kap 88).
Leg 11 PQ #20410 Sitting 272 2010-11-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — bir għall-ħażna tal-ilma

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20078 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19205, jista' l-Prim Ministru jgħid u jikkonferma jekk l-informazzjoni li poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hijiex koretta peress li ma naħsibx li tagħmel sens li minn 68 kunsill lokali, 12-il uffiċċju amministrattiv biss għandhom bir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra hija l-informazzjoni li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali rċieva mingħand il-kunsilli lokali fit-tweġibiet li taw kull wieħed minnhom għall-Mistoqsija Parlamentari 17865 u li ntbgħatet lilhom permezz ta’ Memo 82/2010. Nemmen li l-informazzjoni li għaddewlna l-kunsilli lokali hija korretta u żgur li ma għandhomx għaliex jgħidu mod ieħor. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi dubju dwar xi tweġiba mingħand xi kunsill partikolari nistiednu jgħaddili d-dettalji sabiex id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jinvestiga skont il-ħtieġa.

Park and Rides ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'politika għandu l-gvern biex jiżviluppa park and rides ġodda f'pajjiżna? F'liema lokalità għandu ħsieb li jiżviluppahom?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-politika tal-gvern hi li jintroduċi aktar park & rides ġewwa pajjiżna u dan bil-għan li permezz ta’ dawn il-miżuri jitnaqqas kemm it-traffiku, kif ukoll titnaqqas il-problema ta’ parkeġġ. Faċilitajiet bħal dawn ġeneralment jiġu lokalizzati f’ċentri fejn ikun hemm spazji biżżejjed għal parkeġġ. Għaldaqstant, is-sit ta’ fejn il-park & rides jiġu lokalizzati irid ikun faċilment aċċessibli kemm minn vetturi ġejjin minn toroq arterjali, kif ukoll minn vetturi ġejjin minn toroq oħra. Il-park & rides iridu jkunu servuti b’mezz ta’ trasport pubbliku lejn u minn l-inħawi tal-madwar. Infurmat li preżentament, il-gvern huwa kommess li jipprovdi żewġ faċilitajiet ġodda ta’ park & rides . Dawn ser ikunu ġewwa l-Luxol, li se jipprovdi parkeġġ għal 577 vettura, u ieħor ġewwa l-Marsa li se jipprovdi parkeġġ għal 312-il vetturi. Il- park & ride li jinsab ġewwa l-Furjana se jiġi estiż bi 391 spazji ġodda ta’ parkeġġ.
Leg 11 PQ #20464 Sitting 272 2010-11-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għal Għawdex

Proġetti Eko-Għawdex — fondi fuq proġetti

Question

Wara li l-gvern ċentrali ikkometta €25 miljun fuq tliet snin sas-sena 2012 għall-proġetti eko-Għawdex, tista' l-Ministru tgħid fejn intnefqu s'issa, kemm intnefqu u liema huma l-proġetti li huma purament ambjentali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li mill-vot ta' Eko-Għawdex, hemm kommessi madwar €1.9 miljun għan-nefqa fuq proġetti relatati mal-implimentazzjoni tal-Pjan t'Azzjoni ta' Eko-Għawdex approvat minn dan il-Parlament. Fost il-proġetti 'purament ambjentali' (kif imsejħa fil-mistoqsija) hemm ġnien ġdid f'Marsalforn, l-iżvilupp ta' Ċentru ta' Riċerka fil-Farm Sperimentali tal-Gvern fix-Xewkija, Energy Audits fil-binjiet tal-Gvern, Proġett ta' monitoraġġ tal-baħar, Tindif tal-ilqugħ tal-ilma fil-Wied ta' Marsalforn u fil-Wied ta' Żejta, ġnien ġdid għall-familja fil-Masġar ta' Ulisse, l-estensjoni tal-kuntratt tal-Landscaping għal toroq ġodda, Afforestazzjoni taħt il-Forti Chambrai u f'Ta' Isopu fin-Nadur u żewġ skemi għar-restawr ta' Rdieden tar-Riħ.

Marsa — inċineratur tal-biċċerija - problema tal-irwejjaħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-problema tal-irwejjaħ li ħerġin mill-inċineratur tal-biċċerija tal-Marsa issolvietx jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-irwejjaħ li kienu ġġenerati ftit tal-gimgħat ilu kienu nħolqu għax ġarbet ħsara l-freezer fejn kien qed jinħażen il-laħam li jiġi għal ħruq mill-biċċerja kif ukoll dak li jiġi mill-private slaughter houses. Issa l-friża qed topera u l-problema ssolviet.

każ fejn familja qed tiġi mitluba tħallas għal meter tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Korporazzjoni Enemalta li snin ilu kienu qatgħu dawl minn dar privata, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, minghajr l-ordni tas-sidien, u li tinsab mhux okkupata baqgħu jintalbu mill-awtoritajiet konċernati u illum mill-Arms Ltd biex iħallsu kont tal-meter ta' dawl meta din d-dar ma kellhiex dawl? X'passi se jittieħdu biex tiġi rimedjata din il-problema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Enemalta se tneħħi l-kera tal-meter tad-dawl (service charge), mid-data tal-qtugħ sad-data tar-rikonessjoni tas-servizz.

Ftuħ ta' fabbriki

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19519 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid mis-sena 2008 sal-lum kemm fetħu fabbriki f’pajjiżna? Liema huma? Liema hi l-manifattura tagħhom? Fejn huma? Kemm iħaddmu nies kull fabbrika?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-2008 sa llum ġew approvati 58 proġett ġdid. Dawn jinkludu kumpaniji li issottomettew applikazzjoni għal għajnuna biex jibdew proġett ġdid, kif ukoll numru ta’ kumpaniji li applikaw għall-ERDF Small Start-ups scheme. Lista ta’ dawn il-kumpaniji flimkien mas-settur li joperaw fihom tinsab mhemuża. Il-lokalitajiet ta’ dawn l-intrapriżi huma varji. Uħud minnhom jinsabu fiż-żoni industrijali amministrati mill-Malta Industrial Parks, oħrajn joperaw minn uffiċini privati f’ibliet varji filwaqt li oħrajn għadhom għaddejjin b’diskussjoni fuq il-bżonnijiet għal fabbriki/uffiċini. Rigward l-informazzjoni dwar l-impjieg ta’ dawn il-kumpaniji nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni għall-Impjieg u t-Taħriġ.

Fabbriki li għalqu f'pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19518 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid mis-sena 2008 sal-lum kemm għalqu fabbriki f’pajjiżna? Liema huma? Liema kienet il-manifattura tagħhom? Fejn kienu? Kemm kienu ħħaddmu kull fabbrika?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ fabbriki li kienu jinsabu fiż-żoni industrijali amministrati mill-MIP u li mill-2008 ‘l hawn għalqu huwa ta’ 30. Dawn kienu joperaw minn diversi żoni industrijali, bin-natura tal-produzzjoni tagħhom tkun diversa, kif inhu spjegat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-dettalji ta’ dawn il-fabbriki ma jistgħux jingħataw peress li dawn huma ta’ natura kunfidenzjali. Fl-istess perjodu, mill-2008 sal-lum, ġew approvati 58 proġett ġdid. Dawn jinkludu kumpaniji li ssottomettew applikazzjoni għal għajnuna biex jibdew proġett ġdid, kif ukoll numru ta’ kumpaniji li applikaw għall-ERDF Small Startups Scheme . Il-lokalitajiet ta’ dawn l-intrapriżi huma varji. Uħud minnhom jinsabu fiż-żoni industrijali amministrati mill-MIP, u oħrajn joperaw minn uffiċini privati f’ibliet varji. Rigward il-mistoqsija dwar l-impjiegi, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ.

Park Nazzjonali u Storiku tal-Majjistral — nefqa globali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19522 u jgħid kemm nefaq fi flus il-Gvern Malti mis-sena 2008 sal-lum fuq il-Park Nazzjonali u Storiku tal-Majjistral? Jista’ jagħti breakdown tan-nefqa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #20134 Sitting 270 2010-11-02 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — binijiet aċċessibli

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna offra l-Gvern Ċentrali lill-kunsilli lokali biex il-binjiet tal-kunsilli ikunu aċċesibbli għal kulħadd?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għal Memo numru 24 tal-2009 u Memo numru 7 tal-2010 li hu diġa irċieva u li kopja tagħhom qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġett ta' Renzo Piano — premises tal-uffiċini taċ-Chairman tal-Bank of Valletta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallas il-gvern Malti biex akkwista l-premises fejn hemm l-uffiċini taċ-chairman tal-Bank of Valletta biex minfloku jitwaqqa' u ssir parti mil-proġett ta' Renzo Piano?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kienx hemm bżonn li l-premises fejn hemm l-uffiċini tac-chairman tal-Bank of Valletta ġewwa South Street jiġi akkwistat peress li dan il-fond huwa proprjetà tal-Gvern u għaldaqstant ma tħallas l-ebda ammont biex dan jiġi akkwistat.

Belt Valletta — valur tal-binja House of the Four Winds

Question

Jista' l-Ministru jgħid skont il-Gvern Malti kemm hu stmat il-valur tal-binja aktar magħrufa bħala House of the Four Winds, il-Belt Valletta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-House of the Four Winds ingħatat b’kirja lill-Bank of Valletta bħala alternattiva għall-kirja li kellhom ġewwa South Street Valletta, peress li l-proprjetà f’South Street se tiġi mwaqqa’ minħabba l-Proġett ta’ Bieb il-Belt. Peress li l-kirja tal-proprjetà f’South Street kien baqala sat-13 ta’ Settembru 2040, il-Bank of Valletta ġew mogħtija ż-żmien li fadal fil-kirja li saret għall-House of the Four Winds bl-istess kera. F’dan l-istadju ma kienx hemm bżonn ta’ stima tal- House of the Four Winds peress li din ġiet mikrija bl-istess kera li l-Bank kellu f’ South Street .

Park and Ride — ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Park and Ride fi Blata l-Bajda se ssir bil-ħlas? Jekk fl-affermattiv, minn meta se jibda dan il-ħlas?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Park and Ride tal-Blata l-Bajda se jiġi operat mill-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku. Id-diskussjonijiet f’dan ir-rigward għadhom għaddejjin bejn it-TM u l-operatur.

xogħol tal-lift tal-Barraka ta' Fuq

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li ġie approvat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar il-permess għall-proġett tal-lift tal-Barraka ta' Fuq , meta mistenni li jibda x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa l-proġett? Huwa possibbli jkollna breakdown tan-nefqa kollha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol in kwistjoni mistenni jibda wara li jingħata t-tender relattiv u n-nefqa preċiża tkun tista' tingħata wkoll fl-istess żmien.

Ħal Qormi — Triq l-Imrieħel - periklu biex taqsam

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Ministeru tiegħu biex il-periklu li hemm fi Triq l-Imrieħel, Ħal Qormi jispiċċa darba għal dejjem wara li mietu diversi nies minħabba li m'hemmx minn fejn taqsam?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 13780.
Leg 11 PQ #20128 Sitting 269 2010-11-01 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — One Stop Shops

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li għandhom uffiċċju tal-one stop shop? X'inhi eżatt il-funzjoni ta' dan il-one stop shop?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għall-mistoqsija ta’ l-Onor Interpellant, wieħed irid jara x’qed jifhem bil-kelma ‘One Stop Shop’. Il-Kunsilli Lokali joffru firxa wiesa’ ta’ servizzi lir-residenti tagħhom. F’dan ir-rigward nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 20116. Hemm imbgħad xi Kunsilli li joffru aktar servizzi bħal per eżempju il-ħlasijiet tal-kontijiet tad-dawl u ilma.
Leg 11 PQ #20129 Sitting 269 2010-11-01 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — Servizzi ta' e-government

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kunsilli lokali introduċewx servizzi ġodda tal-e-government? Jekk iva, liema huma dawn il-kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kunsilli Lokali ilhom jipprovdu diversi servizzi ta’ e-government bħal per eżempju rappurtar ta’ ilmenti u ħlasijiet ta’ multi għall-kontravenzjonijiet. Minkejja li reċentament ma ġewx introdotti servizzi ġodda l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat ukoll li minn din is-sena l-Kunsilli żiedu s-servizzi ta’ wifi b’xejn biex, barra minn dak li kien hemm diġa fl-uffiċċini amministrattivi tagħhom, ikun hemm ukoll almenu pjazza waħda fil-lokal li jkollha dan is-servizz.