Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #20583 Sitting 276 2010-11-06 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Private Public Partnership — toroq

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid hux on track il-proġett tal-Private Public Partnership fuq ir-rikostruzzjoni tat-toroq li se jsir bejn il-gvern, il-kunsill lokali u l-privat? Jista’ jagħti l-aħħar informazzjoni fuq liema huma l-lokalitajiet li issieħbu f’din il-Private Public Partnership u kif il-kunsilli lokali se jħallsu l-kontribut tagħhom lejn dan il-fond?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-proġetti tal-Private Public Partnership fuq ir-resurfacing tat-Toroq li tnieda din is-sena ġie milqugħ sew u qed ikun hemm parteċipazzjoni tajba fuqu. Fil-fatt sal-lum 28 lokalità diġa ibbenefikaw jew ser jibbenefikaw minn din l-iskema. Il-lokalitajiet huma dawn: Fgura Ħal-Lija Ħad-Dingli Pietà Birkirkara Kerċem Isla San Ġiljan Santa Venera Żurrieq Ħal Għaxaq San Pawl Marsa Żabbar Gżira Għargħur Luqa Birżebbugia Iklin Għarb Fontana Xagħra Imsida Nadur Xewkija Kalkara Żebbuġ (M) Mġarr Barra minn hekk, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jevalwa 24 applikazzjonijiet oħra ġejjin minn dawn il-lokalitajiet: San Ġiljan – 2nd batch Santa Venera – 2nd batch Iż-Żurrieq – 2nd and 3rd batches San Pawl il-Baħar – 2nd batch Pembroke Ħal Tarxien San Ġwann Biżebbuġia Ir-Rabat (M) Ħ’Attard Mellieħa Tas-Sliema Il-Qrendi Il-Mosta Il-Qala Ir-Rabat (G) Il-Munxar Iż-Żejtun Paola Il-Belt Valletta Il-Birgu Ħaż-Żebbuġ – 2nd and 3rd phase Is-Sannat Santa Luċija Wara li jitlesta ix-xogħol ta’ resurfacing , il-Kunsill ikun irid iħallas 40% tas-somma tal-kuntratt. Imbgħad wara l-ewwel sena minn mindu jkun spiċċa ix-xogħol, il-Kunsill ikun irid iħallas 20% tal-kuntratt u wara it-tieni sena il-Kunsill iħallas 10%. Għas-snin l-oħra, sat-tmien sena, il-Kunsill iħallas 5% kull sena. Minn naħa tiegħu il-Gvern, permezz tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jgħaddi lill-Kunsilli Lokali nofs l-ammonti ta’ l-ewwel u t-tieni pagament imsemmija hawn fuq.
Leg 11 PQ #20572 Sitting 275 2010-11-05 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

housing estates — stallazzjoni ta' pannelli fotovoltajiċi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid hux se jagħti xi allowance speċjali lill-kunsilli lokali biex dawn jistallaw pannelli solari fotovoltajiċi fuq housing estates tal-gvern sabiex ir-residenti jkollhom kumpens tad-dawl li jħallsu? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi ntrodotta xi forma ta’ għajnuna soċjali fil-qasam tal-edukazzjoni biex jitjieb il-livel tal-literarcy tar-residenti li jgħixu fl-housing estates tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li kif persważ illi jaf diġa, peress li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali jżommu aġġornat b’kull skema li joħroġ minn żmien għal żmien għall-Kunsilli Lokali permezz tal-Memoranda tiegħu, li hemm żewġ skemi partikolari li jikkunsidraw l-installazzjoni tal-pannelli fotovoltajiċi kif ukoll il-litteriżmu. Dawn huma l-iskema dwar proġetti ta’ enerġija alternattiva u l-iskema ta’ għajnuna finanzjarja għal korsijiet ta’ tagħlim tul il-ħajja. L-għan prinċipali tal-ewwel skema li semmejt, u li tnediet għat-tieni sena, huwa li permezz tagħha numru ta’ Kunsilli Lokali jidħlu għal inizjattivi favur użu ta’ enerġija alternattiva u ġenerazzjoni ta’ enerġija minn sorsi nodfa għaliex nemmnu li dawn huma wkoll miżuri konkreti favur żvillupp sostenibbli fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin. Dawn l-inizjattivi mhux biss jgħinu lill-Kunsilli Lokali jiffrankaw mill-kontijiet tal-enerġija u jużaw il-flus iffrankati fuq inizjattivi oħra, iżda wkoll iservu ta’ eżempju tajjeb għar-residenti kollha, kemm dawk li huma sidien ta’ djarhom kif ukoll inkwilni u anke residenti f’ housing estates tal-Gvern, għax tajjeb infakkar li ma hiex policy illi ssir xi forma ta’ distinzjoni bejn ċittadini abbażi tal-indirizz jew il-post fejn joqgħodu. Din l-iskema għandha sservi ta’ nċentiv għal numru ta’ Kunsilli Lokali sabiex iwettqu proġetti żgħar ta’ din ix-xorta f’postijiet pubbliċi fejn l-enerġija tkun ġenerata minn sorsi alternattivi u nodfa u dan b’konformità mal-politika nazzjonali f’dan ir-rigward. Numru ta’ Kunsilli Lokali ħassew li għandhom jipparteċipaw f’din l-iskema billi jibgħatu applikazzjoni fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva għal bini amministrattiv tagħhom. Dan it-tip ta’ applikazzjonijiet huma ukoll eliġibbli. Intant il-Gvern nieda skema oħra dwar korsijet ta’ taħriġ mill-Kunsilli Lokali għar-residenti f’diversi suġġetti fosthom korsijiet fit-tagħlim bażiku tal-Malti u l-Ingliż, bi sħab mad-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja. Dawn il-korsijiet partikolari li semmejt, jiġifieri fil-Malti u l-Ingliż, kienu bla ħlas u miftuħa għar-residenti kollha tal-lokalitajiet, inkluż dawk li jgħixu f’ housing estates tal-Gvern.

proġett SR Techniques — full operation milħuq

Question

Jista’ l-Ministru li hu responsabbli mill-Malta Enterprise, jgħid meta se jkun milħuq il-full operation tal-proġett SR Techniques li ġie inawgurat fil-Karwija din il-ġimgħa?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20603.

SR Technique — kwestjoni dwar storbju ta' magni tal-ajruplani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-proġett tal-SR Technique itteħdux miżuri biex ikun imnaqqas il-livell ta’ storbju emanat minn magni tal-ajruplani li jkunu mantenuti fil-hangars? Kemm se jkun il-livell tal-ħoss bħala decibles? Jista’ jgħid jekk kienx hemm diskussjoni u konsultazzjoni mal-kunsilli lokali tal-madwar? Jista’ jgħid jekk hux minnu li l-Malta Enterprise wegħdet rikostruzzjoni ta’ xi toroq f’Ħal Safi u f’Ħal Kirkop talli l-operat seta’ joħloq xi inkonvenjenza permezz ta’ influss tat-traffiku? Jista’ jgħid jekk hux se jżomm mal-wegħda u meta hemm il-ħsieb li jinbeda x-xogħol fuq dawn it-toroq f’dawn iż-żewġ irħula?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mid-diskussjonijiet u l-ftehim li il-Malta Enterprise għandha ma’ l-SR Technics, ġie assikurat li l-ajruplani li ser ikunu qed jaħdmu fuqhom mhux ser jagħmlu high-powered engine run ups li jikkawża livell għoli ta’ storbju. Qed jiġi kkompilat manwal għall-operat tal-Aviation Park sabiex jiġu ikkonsolidati miżuri ta’ sigurtà dwar il-livelli tal-istorbju. Il-Malta Enterprise kellha wkoll diskussjonijiet rigward dan is-suġġett mal-Kunsilli Lokali tad-dawra fejn ingħataw l-ispjegazzjonijiet mitluba.
Leg 11 PQ #20575 Sitting 275 2010-11-05 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għal Għawdex

Eko-Għawdex — proġett ekologiku fejn il-kunsilli lokali qed jieħdu sehem

Question

Fil-proġett tal-Eko-Gozo, tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ekologiku u liema huma l-kunsilli lokali li qegħdin jieħdu sehem f’dan il-proġett? Kemm gawda Għawdex s'issa minn dan il-proġett u x’feasibility study twettaq? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-progress report tal-Eko-Gozo?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20609.
Leg 11 PQ #20576 Sitting 275 2010-11-05 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta — pjan għal aktar żjara fil-Kottonera

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta hux se tvara xi pjan ta’ azzjoni biex tixpruna aktar turisti li jżuru l-Kottonera? Jista’ jagħti informazzjoni ta’ x'beħsiebu jwettaq il-gvern bħala l-Vizjoni 2015 fil-qasam turistiku biex joħloq niċeċ ġodda u jattira turiżmu lejn lokalitajiet rurali u x’tip ta’ investiment qed isir fuq siti pubbliċi biex dawn ikunu konformi mal-pjan nazzjonali li jagħtu importanza assoluta lill-prijoritajiet ta’ pajjiżna? Jista’ jgħid xi pjanijiet hemm biex ikunu salvagwardjati t-tempji Ta’ Skorba u ta’ Ħaġrat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #20577 Sitting 275 2010-11-05 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — proċess ta' fast track

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’se tkun qed tagħmel l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tipproċessa fuq fast track dawk il-proġetti li se jkunu mħallsa minn diversi skemi tal-Unjoni Ewropea u kemm hu ż-żmien massimu stipulat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar diġa` ilha tieħu passi biex dawk il-proġetti li se jkunu mħallsa minn diversi skemi tal-Unjoni Ewropea jingħataw priorita` massima. Għal dan l-iskop, l-Awtorita` tappunta case officers biex jipproċessaw l-applikazzjonijiet fast track. Fir-riforma tal-proċess tal-applikazzjonijiet għal-żvilupp, ser ikun hemm żmien massimu biex applikazzjoni tiġi deċiza mill-Awtorita`. Dan iż-żmien jiddependi fejn jinsab is-sit, il-kumplessita` tal-iżvilupp propost, u anke hemmx bżonn ta' xi studji partikolari bħal per eżempju Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA). Għalhekk iż-żmien massimu jista' jkun ta' tnax il-ġimgha jew, sitta u għoxrin ġimgħa jew saħansitra tnejn u ħamsin ġimgħa. Ċertu proġetti ta natura mdaqqsa jkollhom terminu maqbul bejn l-applikant u l-Awtorita`. Ovvjament, dawn huma perjodi massimi u f'kull każ fejn hemm bżonn li tingħata priorita`, l-Awtorita` tara li tali applikazzjonjiet jiġu konklużi kemm jista' jkun malajr.

ħlas lir-raħħala — modernizzar ta' irziezet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jitħallsu r-raħħala li mmoddernizzaw l-irziezet u kemm għad baqa’ minnhom li s’issa qatt ma ħadu ewro? X’qed jistenna biex iħallashom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema għajnuna qed jirreferi.

raħħal u bdiewa — ħlas ta' dawl u ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed iħallsu għad-dawl u l-ilma r-raħħala u bdiewa f’termini ta’ metru kubu u f’kilowatts?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 20611 li saret bl-istess kliem preċiż mill-Onor Sammut.

Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — ħlas mingħand raħħala u bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tigbor flus l-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma permezz tal-Arms Ltd bħala ħlasijiet tad-dawl u l-ilma mir-raħħala u l-bdiewa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sa minn meta bdiet topera s-sistema l-ġdida s’issa, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-27 ta’ Ottubru 2010, ġew miġbura 2535-il pagament f’total ta €1,737,568.44 minn konsumaturi li jaqaw taħt il-kategorija msemmija “Farms”.

rziezet — volum ta’ skart bħal slurry u demel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-volum ta’ skart bħal slurry u d-demel mill-irziezet kollha ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 20606 li saret bl-istess kliem preċiż mill-Onor Sammut.

enerġija u l-fertilizzant minn demel tal-irziezet

Question

Jista l-Ministru jgħid meta se jibni l-impjant biex jipproduċi l-enerġija u l-fertilizzant minn demel tal-irziezet u b’hekk tinqata’ l-inkonvenjenza tal-irwejjaħ minn xi rħula li jzommu d-demmiela?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-bini tal-impjant li qed jirreferi għalih l-Onor. Membru huwa stipulat fl-istrateġija għall-Immaniġjar tal-Iskart. Beda l-proċess tal-istudji għall-Environmental Impact Assessment (EIA) u tad-disinn tekniku. Huwa mistenni li sa tard is-sena d-dieħla jiġi approvat l-istudji tal-EIA u jinħarġu l-permessi neċessarji. Kif jinħareġ il-permess joħorġu t-tenders għall-iżvilupp ta’ dan l-impjant. Huwa mistenni li l-impjant jkun mibni sal-bidu tal-2014.

ġbir ta' skart organiku domestiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jinġabar skart organiku domestiku mil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex? X’qed isir minn dan l-iskart organiku u jekk il-gvern hux qed jaħseb biex jipproduċi enerġija minnu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-ammont ta’ skart organiku li jirrużulta minn dak domestiku li nġabar mill-Kunsilli Lokali sa l-aħħar ta’ Settembru 2010 kien 68,000 tunellata. L-ewwel impjant li se jkun jittratta l-iskart organiku sabiex permezz ta’ digestors tiġi ġġenerata l-enerġija huwa dak ta’ Sant Antnin.

Kunsilli lokali — korsijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex id-dipartiment tal-gvern lokali qed iċaħħad lill-kunsilli lokali milli jorganizzaw courses bħal bizzilla, ganutell, filugranu eċċ. fl-uffiċini tal-kunsilli lokali b'għalliema li jkunu mqabbda mill-istess kunsill minħabba dawk provduti mill-gvern f'xi ċirkostanzi ma kenux tajba ħafna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għalliema għall-korsijiet bħal bizzilla, ganutell u filugranu fl-uffiċini tal-Kunsilli Lokali ma jiġux organizzati mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #20466 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — flus għal għajnuniet u skemi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ibbenefika minn għajnuniet u ċioe anki skemi kull kunsill lokali fi flus mill-gvern ċentrali fis-snin 2008, 2009, 2010?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #20467 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — enforcement orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu enforcement orders mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar lill-kunsilli lokali fis-snin 2008, 2009, 2010? X'kienet il-raġuni ta' kull ordni? Liema huma l-kwalitajiet milquta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont is-sistema diġitali tagħha, l-MEPA ħarġet 15-il Ordni ta' Infurzar lill-Kunsilli Lokali mill-2008 'l hawn. Dawn inħarġu hekk : 4 fuq il-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ 2 fuq il-Kunsill Lokali tar-Rabat 1 kull wieħed lill-Kunsilli Lokali ta' H'Attard, Birżebbuġa, l-Furjana, Kerċem, Marsaskala, l-Mellieħa, l-Mosta, n-Nadur u San Ġwann. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Leg 11 PQ #20530 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċini tal-Ħames Kumitati tar-Reġjuni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn jinsabu l-uffiċini tal-Ħames Kumitati tar-Reġjuni cioe 4 f'Malta u ieħor f'Għawdex fi ħdan il-politika tal-kunsilli lokali? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti? Meta ħareġ sejħa għall-offerti għal kull uffiċċju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi sa issa id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kera tlett postijiet biex jintużaw bħal uffiċini tal-Kumitati Reġjonali. Dawn huma: Kumitat Reġjonali Għawdex: Dar l-Għaqda, Triq il-Kastell, Rabat, Ghawdex Kumitat Reġjonali Ċentru Binja tal-Kunsill Msida, Pjazza Menqa, Msida Kumitat Reġjonali Nofsinhar 40, Dar il-Kunsill, Triq l-Iskola, Hal Safi Kopja tal-iskritturi privati qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar ir-Regjun tax-Xlokk, intlaħaq ftehim mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun biex jinkera parti minn proprjetà tiegħu li bħalissa fiha hemm ukoll l-Uffiċċju tal-Kumitat Konġunt ta’ dak ir-Reġjun u għandha tiġi iffirmata l-iskrittura fil-ġranet li ġejjin. Dwar ir-Reġjun tat-Tramuntana għadhom għaddejin it-taħdidiet li fihom hemm involut il-Kumitat Konġunt tar-Reġjun u għaldaqstant m’iniex f’pożizzjoni li nagħti iktar dettalji għalissa.

pjazzz fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex — proġetti ta' rigenerazzjoni

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm wettaq proġetti ta' riġenerazzjoni fil-pjazez fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex ? Jekk wettaq xi proġetti, liema huma u kemm nefaq fuq kull programm? F'dan ir-rigward sar xi partnership project mal-kunsilli lokali ? Jekk għamel, liema huma l-kunsilli lokali li bbenefikkaw minn dan il-partnership?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku u jgħid għal-liema perjodu qiegħed jirreferi.
Leg 11 PQ #20565 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

convenant of mayors — tibdil tal-klima

Question

Jista’ l-Prim Ministru jaghti informazzjoni kemm hemm lokalitajiet li ssieħbu fil-convenant of mayors? Jista’ jgħid x’tip ta’ pjan t’azzjoni se jwettqu għal tibdil tal-klima f’kull lokalità u jekk hemmx xi forma ta’ liasoning mal-kunsilli fuq bażi individwali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi li l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-Covenant of Mayors. Hemm tletin (30) lokalità li huma imsieħba fil-Patt tas-Sindki. L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali hija is-Supporting Structure ta’ dan il-Patt mal-Kummissjoni Ewropea. Numru ta’ Kunsilli li ħejjew Sustainable Energy Action Plan (SEAP) li ġie sottomess lill-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki fi Brussel. Il-proposti jinkludu diversi inizjattivi li jistghu jsiru fuq bażi lokali bħal per eżempju, żieda fl-użu tal-enerġija solari, użu ta' lampi ambjentali, żieda fis-seperazzjoni tal-iskart, kampanji edukattivi maċ-ċittadini u sistemi ġodda ta' transport. u ohrajn. Il-Gvern qed jagħti għajnuna finanzjarja permezz ta’ diversi skemi ta’ fondi speċjali, filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qed tibqa’ tipprovdi l-għajnuna tagħha lill-Kunsilli Lokali Aktar taghrif dwar dan is-suġġett jista’ jinkiseb minn fuq il- websites tal-Patt tas-Sindki www.eumayors.eu u tal-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali www.lca.org.mt.

Iklin,Triq Pawlu Grech — linji mmarkati

Question

Jista' l-Minsitru jgħid jekk il-linji mmarkati ta' Triq Pawlu Grech, l-Iklin humiex pprovduti u awtorizzati mill-awtoritajiet kkonċernati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-linji fit-triq in kwistjoni m'humiex kif approvati minn Transport Malta f'Jannar 2010. Jien infurmat ukoll li qed isiru diskussjonijiet mal-kunsill lokali f'dan ir-rigward.