Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li tnaqqsulhom il-fondi mill-MEUSEC minħabba li xi proġetti ma jkunux bdew jew tlestew fil-ħin? Jekk iva, liema kienu dawn il-kunsilli lokali, b’liema metodu ġew infurmati b’dan u kemm kienu l-ammonti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-irwol tal-MEUSAC hu li jipprovdi assistenza teknika lill-kunsilli lokali fit-tfassil tal-applikazzjonijiet għall-fondi u kif ukoll li jingħataw pariri relatati mal-ippjanar u t-tfassil tal-proġetti, filwaqt li tiġi assigurata l-eliġibilità tal-proġetti skont il-kriterji tal-programmi ta’ fondi tal-UE u proċeduri tekniċi oħrajn. L-assistenza tal-MEUSAC tingħata biss fil-fażi tal-mili tal-applikazzjoni u mhux waqt it-twettiq tal-proġett. Għaldaqstant, din il-mistoqsija ma tapplikax, minħabba li l-MEUSAC ma jagħtix assistenza waqt il-fażi tal-implimentazzjoni tal-proġett.
Kunsillieri — informazzjoni dwar il-kunsill tagħhom mill-MEUSEC
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex kunsillieri li jitolbu informazzjoni dwar il-kunsill tagħhom mill-MEUSEC mhux jingħataw l-informazzjoni mitluba bl-iskuża li l-freedom of information act għadu mhux inforzat fl-intier tiegħu? X’qed iżomm dan il-proċess milli jidħol fis-seħħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-korrispondenza mill-MEUSAC lill-Kunsilli Lokali normalment tintbagħat b’mod elettroniku fl-indirizz elettroniku tal-Kunsilli Lokali, lis-segretarju eżekuttiv u lis-Sindku, skont memo 136/2010 maħruġa mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, u li hija mehmuża għar-riferenza tiegħek.
Il-MEUSAC dejjem jagħti informazzjoni lis-segretarju eżekuttiv u sta għas-segretarju eżekuttiv li jgħaddi dik l-informazzjoni lill-kunsill kollu kif inhu speċifikat fl-Att dwar il-Kunsilli Lokali. Għalhekk kull kunsillier għandu jitlob din l-informazzjoni minn għand is-segretarju eżekuttiv tal-kunsill lokali tiegħu.
Fid-dawl tal-fatt li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, f’Memo numru 77/2010 datata 8 ta’ Ġunju 2010, li kienet titratta Proċedura Dwar Mistoqsijiet Parlamentari fejn fiha, fost ħwejjeġ oħra, kien hemm, u nikkwota:
a) Se jingħata żmien ta’ mhux aktar minn ħamest ijiem ta’ xogħol, mindu tintbgħat il-Mistoqsija Parlamentari lill-Kunsilli Lokali sabiex tibagħtu t-tweġiba tagħkom lid-Dipartiment;
b) Dawk il-Kunsilli Lokali li mhux se jwieġbu fil-ħin se jkunu elenkati fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari;
ċ) Intant id-Dipartiment ser jibda jieħu passi fil-konfront ta’ dawk il-Kunsilli Lokali li ma jwieġbux fil-ħin – kif stipulat hawn fuq – u jingħataw penali finanzjarja skont kif provdut fil-Liġi; u
peress li dawn il-miżuri se jidħlu fis-seħħ b’effett immedjat, għaldaqstant il-koperazzjoni tagħkom hija ferm apprezza.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex:
i) għaliex korrispondenza li tintbagħat lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali minn xi Kunsillieri jew membri oħra tal-pubbliku sabiex id-Dipartiment jinvestiga lil xi Kunsill jew jibda xi tip ta’ investigazzjoni oħra f’dan il-qasam, minkejja li jkunu għaddew iktar minn erba’ ġimgħat, dawn jibqgħu mhux imwieġba u lanqas ma tintbagħat
acknowledgement
; u
ii) jgħid kif jista’ d-Dipartiment jimxi b’id tal-ħadid mal-Kunsilli meta imbagħad l-eżempju tiegħu huwa proprju l-oppost li hu qed jitlob mill-istess Kunsilli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li għal kull korrispondenza li tasal d-Dipartiment għall-Gvern Lokali, kif hi l-proċedura u l-prassi f’kull Dipartiment ieħor tal-Gvern, wara li tkun reġistrata, jintbgħat acknowledgement lil min ikun bgħat il-korrispondenza. Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi każi partikolari fejn dan ma seħħx nistiednu jgħaddili d-dettalji.
Hawn iżda ta’ min ngħid li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali mhux dejjem ikun f’pożizzjoni li jibgħat xi forma ta’ acknowledgement, bħal f’każi fejn jirċievi korrispondenza anonima b’allegazzjonijiet diversi fil-konfront ta’ xi Kunsill Lokali, Sindku, Kunsillier jew Segretarju Eżekuttiv fost l-oħrajn. Madankollu d-Dipartiment għall-Gvern Lokali jqis u jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet li jaslu permezz ta’ korrispondenza anonima xorta waħda.
Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jimponi biss tnaqqis mill-allokazzjoni meta Kunsill Lokali, minkejja diversi reminders biex jibgħat it-tweġibiet mistennija minnu għal xi Mistoqsijia Parlamentari, jibqa’ jinjora dawn it-talbiet.
L-Onor. Interpellant jifhem li huwa obbligu ta’ kull Kunsill Lokali li jwieġeb għal mistoqsijiet li jsiru minn Deputati ta’ din il-Kamra u għalhekk nħasset il-ħtiega tal-istruzzjonijiet kif indikati fMemo 77/2010 li rrefera għalih fil-mistoqsija tiegħu.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar mhux qed tieħu azzjoni biex ix-xogħol li kellu jsir fil-fond, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jitkompla?
Response (CRISTINA, DOLORES)
It-tender għax-xogħlijiet fil-fond imsemmi huwa mdaħħal fil-programm tal-Awtorità tad-Djar u għandu jiġi ppubblikat fix-xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern ta' Malta ma biegħx il-fond, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, wara li dawn il-persuni li jgħixu fil-blokka li jabitaw fiha ġew inkoraġġiti mill-Awtorità tad-Djar biex jixtru dan il-fond?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li peress li qed isir eżerċizzju fuq il-proprjetà kollha tal-gvern li hemm fil-lokalità fejn jinsab il-fond li d-dettalji tiegħu intbaghtu separatament, talbiet għall-bejgħ ta’ proprjetà f’din il-lokalità għalissa huma miżmuma.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar ma ħadux il-passi neċessarji biex iwieġbu l-ittra tas-6 ta' Ġunju, 2011 li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant irċieva tweġiba għall-email tiegħu tas-6 ta’ Ġunju li kienet taqra hekk:
Din l-email qed tiġi segwita mis-Sur Mario Magro sabiex il-klijent jingħata informazzjoni mitluba. Din l-email kellha d-data tat-8 ta’ Ġunju.
F’każi ta’ Home Ownership Scheme, kif inhu dan il-każ, l-Awtorità tad-Djar tagħmel il-verifiki kollha neċessarji dwar il-kuntratt. Dan hu proċess li jieħu ħafna żmien. Kif l-informazzjoni kollha tasal tweġiba tintbagħat lill-persuna kkonċernata.
Jista' l-Ministru jindaga x'qiegħed jiġri fi Triq ir-Rużell Ħ'Attard fejn Transport Malta kienet għamlet din it-triq one-way 'il barra lejn Imdina Road u issa xi ħadd għatta n-no entry signs bil-konsegwenza li għal dawn l-aħħar ġimgħat reġgħet bdiet tintuża two-way?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fi Triq ir-Ruzell fit-18 ta' Frar, 2011, inħareġ permess sabiex din tiġi one way bi prova għal perjodu ta' tliet xhur. Matul dawn it-tliet xhur kien hemm diversi ilmenti mir-residenti tal-madwar u sussegwentament, wara konsultazzjoni mal-Awtorità tat-Trasport, il-kunsill lokali deherlu li kien aħjar jekk din it-triq terġa tiġi two way. Fil-fatt, sal-lum il-ġurnata l-kunsill lokali ma reġax applika sabiex din it-triq terġa' tigi one way.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26475, tista' l-Ministru tgħid x'kienu r-raġunijiet għaliex ma jistax isir il-lift?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li, l-lift bl-ebda mod ma’ jista’ jiġi installat fil-binja minħabba li t-taraġ komuni huwa dejjaq wisq, u fix-shaft intern hemm diversi twieqi, katusi, pajpijiet, u makkinarju għall-arja kkundizzjonata li fiżikament ma jippermettux li jsir dan mingħajr ma jinkisru r-regolamenti sanitarji. Ir-residenti ta’ dan il-blokk kienu infurmati dwar dawn ir-raġunijiet.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli li matul l-aħħar sena ngaġġaw jew se jingaġġaw segretarju eżekuttiv permezz tal-pool tad-dipartiment għal dan il-għan? Jista' jgħid xi struzzjonijiet ingħata kull wieħed minn dawn il-kunsilli dwar il-proċeduri tas-selezzjoni qabel beda l-proċess? Jista jgħid jekk inħarġitx memo tad-dipartiment dwar il-proċeduri tal-proċess tas-selezzjoni? Jista' jgħid x’kien li mmotiva l-istruzzjonijiet li ngħataw partikolarment lill-Kunsill tal-Fgura u s-sospensjoni tal-intervisti li kellhom isiru u huwiex minnu li dawn ma ngħatawx lil kunsilli oħra? Jista’ jgħid jekk is-selezzjoni ta’ segretarju eżekuttiv ta’ kunsilli lokali huwiex eżerċizzju ta’ rekluġġ li jaqa’ taħt il-Kumissjoni tas-Servizz Pubbliku jew jekk hijiex selezzjoni interna f'każ ta' re-deployment? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti, minuti, skedi u dikjarazzjonijiet tal-bord tal-għażla tal-kunsilli involuti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi dawk il-Kunsilli Lokali li fihom hemm vakanza ta’ Segretarju Eżekuttiv huma ta’ Ħal Balzan, Birkirkara, Il-Fgura, Fontana, Il-Gudja, Ħal Għargħur, L-Għasri, L-Iklin, Ħal Lija, Marsaxlokk, il-Mosta, ir-Rabat (Malta), Ħal Safi, Santa Venera, Ħal Tarxien, Ix-Xgħajra u tar-Reġjun Tramuntana.
Infurmat ukoll illi ingħataw struzzjonijiet lill-Kunsilli Lokali kollha rigward il-proċeduri ta’ selezzjoni ta’ Segretarju Eżekuttiv, minn naħa tad-Dipartiment Għall-Gvern Lokali, permezz ta’ Memo 53/ 2011.
Fil-każ tal-Kunsill Lokali tal-Fgura, ninforma illi saret talba minn wieħed mill-Kunsilliera sabiex jitwaqqaf il-proċess , peress illi wieħed mill-membri tal-Bord ta’ l-Għazla ma setax jattendi. Huwa ovvju illi biex il-proċess ikun ċar u trasparenti il-membri kollha tal-Bord ta’ l-Għażla għandhom ikunu preżenti. Aktar minn hekk il-membri kollha tal-bord għandhom ikollhom id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa.
Rigward il-Proċess ta’ l-għażla ta’ Segretarju Eżekuttiv ta’ Kunsill Lokali, dan jaqa taħt il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, filwaqt li il-Membri tal-Bord ta’ l-Għażla maħtura mill-Kunsill Lokali, jingħataw l-istess trattament u ċioe, li jkollhom f’idejhom il-lista tal-kandidati li ser joqgħodu għall-intervisti kif ukoll jiġu stabbilti il-kriterji ta’ l-għażla minn qabel.
L-Onor. Interpellant jifhem li biex niġbru l-minuti, rapporti, skedi u dikjarazzjonijiet kollha tal-Kunsill Lokali kollha tirrikjedi ħafna xogħol. Jekk l-Onor Interpellant jindika ta’ liema Kunsill irid allura nkunu nistghu nipprovdu dik l-informazzjoni. Sadanittant ninfurmah illi l-minuti kollha tal-Kunsill Lokali kollha jkunu online fil-website tal-Kunsilli rispettivi u fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li applikaw u bbenefikaw minn xi skema/iniżjattivi mis-segretarjat għall-kunsilli lokali vis-à-vis sports? X'kienet tikkonsisti din l-iniżjattiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. L-iskema msemmija qed titħaddem fit-tielet sena tagħha u tnediet b’mod konġunt bejn is-Segretarjat Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport. L-iskop hu li jżid l-attività sportivia u l-eżerċizzju fiżiku għar-residenti tal-ibliet u l-irħula tagħna fil-lokalitajiet stess. Il-Kunsilli Lokali għaldaqstant kienu mistiedna jieħdu sehem billi jissottomettu l-attivitajiet sportivi fil-ħsieb tagħhom sabiex jiksbu l-finanzjament meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati impjegati mal-gvern ċioe dawk li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu u entitajiet governattivi, kemm jekk b'kuntratt, kemm jekk fuq bażi indefinita, kif ukoll bħala konsulenti, li jitħallew jeżerċitaw il-professjoni tagħhom privatament?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26443.
San Pawl il-Baħar — Playing Fields - livell ta' sigurtà
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l- MCCAA hijiex tispezzjona perjodikament il-kundizzjoni u l-livell ta’ sigurtà tat-tagħmir tal-playing fields ġewwa San Pawl il-Baħar? Jekk iva, x'jirriżulta mir-rapporti li qed jinħarġu? Jista' jgħid jekk l-MCCAA hijiex tispezzjona perjodikament il-kundizzjoni u l-livell ta’ sigurtà tat-tagħmir tal-playing fields? Jekk iva, x'jirriżulta mir-rapporti li qed jinħarġu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi spezzjonijiet mill MCCAA issiru regolari. Fil każ ta San Pawl il-Baħar jinsabu ħames playgrounds fl’inħawi li huma:
SPBA- Gnien Bertu w Tumas Gauci (23 ta’ Mejju)
SPBB - Gnien Anton Buttigieg (2 ta’ Mejju)
SPBC - Gnien Masgar Olimpiku (2 ta’ Mejju)
SPBD- Gnien Joseph P.Caruana (4 ta’ Mejju)
SPBE- Gnien it-Tfulija (11 ta’ Mejju)
Il-ħamsa ġew spezzajonati f’ dati ndikati, tlieta minnhom kienu fi stat adegwat għalkemm dak ta Ġnien Bertu u Tumas Gauci għandhom bżonn attenzjoni. Tnejn minnhom li jidhru hawn taħt kienu taħt il-livell meħtieġ. Il-konklużjoni fir-rapport kienu:
Gnien Masgar Olimpiku (SPBC) – “
Note: Since the only two pieces of playground equipment are not useable and due to the absence of an appropriate impact absorbing surface it is recommended that the two rockers are removed until remedial action is taken.
The absence of equipment will imply that the site will no longer fall in the definition of playground as set by MSA3500
”
Gnien Anton Buttigieg (SPBB) – “
It is the opinion of MCCAA (MSA) that major deficiencies, as shown below, have been identified in playground Gnien Anton Buttigieg at St. Paul’s Bay, SPBB. Hence the inspection was suspended until the responsible entity carries out the maintenance necessary for the playground to meet the safety requirements as set by the reference documents. In the meantime it is recommended that access to the playground be restricted or closed
”
MCCAA tibgħat kopja tar-rapport lill-kunsill involut b’kopja lid-dipartiment u jiġu mitluba jiehdu d-deċiżjonijet abbażi tal-istess rapport.
Bormla — naħa ta' Santa Liena - ħsarat fil-pavimentar
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 26522 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilha u tgħid x'passi se tieħu l-Ministeru tagħha rigward il-proġett tal-Awtorità tad-Djar li se jsir in-naħa ta' Santa Liena Bormla fir-rigward il-ħsarat li faċilment jista' jkun hemm fil-pavimentar taż-żonqor u ż-żonqor tal-bankina?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi l-awtorità se żżomm mal-obbligi kollha tagħha skont l-Att Legali 295 tal-2007.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jitneħħa l-ħmieġ li hemm fiż-żona li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, minħabba konsegwenzi ta' xi mard?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma ġew irreġistrati l-ebda lmenti dwar akkumulu ta’ ħmieġ fl-inħawi indikati, mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali.
Ninfurmak li saret spezzjoni nhar is-17 ta’ Ġunju 2011 fil-madwar ta’ appartamenti tal-gvern (mhux Dipartiment) Block 3 Ent 3 Triq San Mikiel Bormla u l-garaxxijiet komuni ta’ taħt il-Blokk imsemmi, bl-entratura tagħhom fi Triq Santa Liena, fejn hemm is-
substation
.
Għalkemm ma nstab l-ebda akkumulu ta’ skart organiku iżda hemm materjal ieħor bħal kaxxi tal-kartun, ċraret, ġugarelli mkissrin, plastik u xi ftit materjal tal-bini. Peress li l-binja kollha tappartjeni l-gvern, għaldaqstant inħareġ avviż bil-miktub lill-Kummissarju ta’ l-Artijiet sabiex isir it-tindif meħtieġ.
L-uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali ser jibqgħu jsegwu l-każ sakemm dan l-akkumulu jitneħħa.
Bormla — naħa ta' Santa Liena - ħsarat fil-pavimentar
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Ministeru tiegħu rigward il-proġett tal-Awtorità tad-Djar li se jsir in-naħa ta' Santa Liena Bormla fir-rigward l-ħsarat li faċilment jista' jkun hemm fil-pavimentar taż-żonqor u ż-żonqor tal-bankina?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Awtorità tad-Djar.
Awtorità tad-Djar — Skema R - Taxxi fuq dħul ta' kera
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26464 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta mistenni li l-Gvern ineħħi t-taxxi fuq id-dħul mill-kera li jirċievu s-sidien tal-postijiet li jibbenefikaw taħt Skema R tal-Awtorità tad-Djar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-gvern qatt ma ħabbar tali miżura.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26469 u jgħid sal-lum kemm għandu jiġbor il-gvern minn kirjiet ta' postijiet mikrija lill-inkwilini privati li għadhom ma nġabrux?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sal-l-aħħar t’April 2011, il-gvern għandu jiġbor is-somma ta’ €1,546,799 minn kirjiet ta’ postijiet residenzjali u s-somma ta’ €5,760.030 minn kirjiet ta’ postijiet kummerċjali.