Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #38553 Sitting 531 2012-12-03 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

Private Public Partnership — asphalt użat

Question

La darba kien hemm ftehim bejn il-Gvern Ċentrali u l-kunsilli lokali fuq il-PPP tat-toroq, jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhi l-linja gwida tad-dipartiment tal-kunsilli lokali fuq l-għoli tal-asphalt li jidher li ħoloq xi disgwid fuq l-implimentazzjoni tal-progett tal-PPP f’xi lokalitajiet , fejn kuntratturi kaxkru saqajhom biex ikomplu jew jibdew xi xogħol fuq it-toroq għaliex iħossu li ma jifdux l-ispejjeż li żdiedu minn mindu kien iffirmat il-kuntratt tal-PPP?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-uniċi linji gwida ta’ materja teknika li jagħti d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qegħdin mal-kuntratt specimen tar-resurfacing tal-iskema tal-Public Private Partnership. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan id-dokument. Huwa fl-obbligu tal-perit li l-Kunsill obbligat iqabbad biex jieħu ħsieb ix-xogħol tat-toroq tal-PPP, biex permezz tas-superviżjoni tiegħu, mgħejjun minn riżultati ta’ testijiet li mistenni li jkun qed jieħu, li jara li l-parametri tekniċi tal- workmanship u materjal li jintuża, jiggarantixxu kwalità ta’ xogħol biex jagħti triq lir-residenti tal-lokal li tkun mistennija sservi għal numru ta’ snin. Il-perit imqabbad mill-Kunsill Lokali fuq il-proġett tal-PPP għandu l-obbligu li ma jiċċertifika l-ebda ħlas fuq xogħol tal-PPP jekk dan ma jilħaqx il-livelli tekniċi stabbiliti skont l-ispeċifikazzjonijiet tar- resurfacing tat-toroq kif jitlob ir-regolatur tat-toroq li huwa Transport Malta .
Leg 11 PQ #38554 Sitting 531 2012-12-03 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — nefqa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti informazzjoni fuq, liema kienu l-kunsilli lokali li qabel l-elezzjoni tal-kunsilli lokali ta’ Marzu , 2012 ipproġettaw nefqa tas-sena li hija akbar mid-dħul li ġej mill-allokazzjoni? Kemm kienet din in-nefqa proġettata u kemm kienet akbar mill-allokazzjoni għas-sena 2012? Jista' jgħid kienx hemm xi kunsilli lokali u min huma dawn il-kunsilli lokali li minkejja li pproġettaw nefqa akbar mill-allokazzjoni, kellhom xi kontijiet oħra pendenti li ma ġewx ipproġettati fil-business plan tas-sena 2012 imma ġew maħruġa wara l-elezzjoni tal-kunsilli lokali matul is-sena 2012?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 50/2012 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #38555 Sitting 531 2012-12-03 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — uffiċċju amministratti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti informazzjoni jekk kienx hemm kunsilli lokali u min huma li matul dawn l-aħħar sentejn għamlu investiment fil-binja tal-kunsill lokali u/jew inkella bidlu l-binja tal-uffiċċju amministrattiv? Wara li sar dan l-investiment fil-bidla tal-uffiċċju , hux minnu li hemm xi kunsilli lokali li minkejja intefqu l-fondi, għad li l-kamra sanitarja mhix aċċessibli għal ħaddiema bi bżonnijiet speċjali? Id-dipartiment tal-kunsill lokali għamel xi checking fil-binjiet tal-kunsilli lokali biex jara kemm huma aċċessibli l-kunsilli lokali? Jekk iva , x’ihnuma r-riżultati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 51/2012 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #38556 Sitting 531 2012-12-03 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — kuntratti skaduti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali kellhom kuntratti skaduti tas-servizzi qabel l-elezzjoni tal-kunsilli lokali ta’ Marzu , 2012? Liema kienu dawn il-kunsilli lokali? Kemm kien ilhu l-kuntratt skadut u jekk kienx hemm xi kunsilliera fil-kunsill lokali li kienu qraba tal-persuna li kien jagħti xi servizz li kellu l-kuntratt skadut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 52/2012 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — manutenzjoni ta' post

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-Awtorità tad-Djar biex tirranġa l-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li kien f'idejn il-gvern u kien għaddih applikant tad-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali jitranġa peress li jinsab fi stat diżastruż ?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ m’ghandha l-ebda talba sabiex isir xi xoghol ta’ manutenzjoni.

Mellieħa — operat tax-shelter

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-operat tax-shelter tal-Mellieħa? Min jamministra l-fondi? X'qed isir mill-flus miġbura bħala miżata jew donazzjoni għad-dħul ġewwa l-istess shelter?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-operat tan-Night Shelter tal-Mellieħa kif ukoll l-amministrazzjoni ta` fondi hija r-responsabilità tad-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Kommunita`. Il-flus miġbura bħala miżata jew donazzjoni għad-dhul ġewwa l-istess shelter, jintbagħtu l-Accounts Section fi ħdan id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Kommunità.

Applikazzjoni għall-post alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibilità hemm li single parent li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tieħu post tal-housing minħabba li fil-fond li tgħix huwa żgħir ħafna għal seba' persuni?

Response (SAID, CHRIS)

B'risposta ghall-Mistoqsija Parlamentari 38,451 ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jara r-risposta għal din il-mistoqsija f'mistoqsija parlamentari 37,096 seduta numru 511.
Leg 11 PQ #38452 Sitting 527 2012-11-26 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuna li ġiet imkeċċija miċ-ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġie mkeċċi miċ-ċivil?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna li semma l-Onorevoli Interpellant ma ġietx imkeċċija iżda kienet irriżenjat mis-Servizz Pubbliku.

tneħħija ta' postijiet ta' parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37894, 37469, 36307 u 35939 u jgħid minn sena ilu 'l hawn kemm tneħħew postijiet ta' parkeġġ minn l-awtoritajiet kkonċernati f'kull lokal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kalkara — Triq Patri Mattew Sultana - sejħa għall-offerti rigward xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37940 u jgħid meta hu mistenni li tinħareġ sejħa għall-offerti biex isir Triq Patri Mattew Sultana fil-Kalkara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sejħa għall-offerti għandha toħroġ illum (23 ta’ Novembru 2012).

ilment

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 37655, jista' l-Ministru jgħid għaliex għandu jmur l-inkwilin li l-fond tiegħu għandu l-ħsarat biex japplika għal għajnuna finanzjarja sabiex jiġu imsewwija l-ħsarat kkonstatati mill-perit tad-Dipartiment tal-Artijiet meta dawn il-ħsarat qed isiru skont ir-rapport tal-istess perit minn ta' fuqu?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-obbligu ta’ tiswija tal-ħsara fl-appartament ta’ taht taqa’ taht ir-responsabiltà tal-okkupant ta’ fuq. Ghalhekk l-Awtorità tad-Djar titlob illi d-Dipartiment tal-Artijiet jiehu dawk il-mizuri kollha necessarji fil-konfront tal-okkupant ta’ fuq sabiex tara li l-hsara tigi rimedjata mill-aktar fis, u dan skond procedura stabbilita bejn iz-zewg entitajiet fl-2011 ghal sitwazzjonijiet simili. Fejn dan l-inkwilin ma jasalx finanzjarjament, l-Awtorità tkun tista’ tghin permezz tal-iskemi taghha fejn applikabli.

Kuntratt bejn l-inkwilin u l-Awtorità tad-Djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jsir il-kuntratt bejn l-Awtorità tad-Djar u l-inkwilini l-ġodda fl-indirzz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-familja ndikata ser tiffirma l-kuntratt tal-post fil-ġimgħat li ġejjin.

Problema ta' ilma f'residenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-awtorità kkonċernata sabiex tiġi solvuta l-problema tal-ilma li dejjem dieħel fir-residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatmament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-problema mhux tal-ilma, u mis-sample meħud mill-Laboratorju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rriżulta li hemm possibiltà ta’ ilma kkontaminat. Nelfrattemp saret spezzjoni fis-sistema tad-drenaġġ u ma nstab xejn suspettuż. Sar kuntatt mal-konsumattriċi u sar appuntament għat-22 ta’ Novembru 2012.

Awtorità tad-Djar — Applikazzjoni għall-post alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jara x'possibilità hemm li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li ġiet morija xi appartament mill-Awtorità tad-Djar u ma kenux tajbin għal ħtiġijiet tagħha, tiġi mogħtija post tal-gvern minħabba l-kundizzjoni tagħha?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’anqas minn għaxar xhur l-Awtorità tad-Djar diġà offriet lil din l-applikanta tlett postijiet fl-Imgarr, Attard u M’Scala liema postijiet ġew rifjutati mill-applikanti. Fl-opinjoni tal-Awtorità tad-Djar dawn il-postijiet kollha kienu addattati għal ħtieġijiet ta’ din il-familja. Fil-preżent l-Awtorità tad-Djar għandha 327 applikanti li jixtiequ jbiddlu.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Dliela - ħsarat fil-basements minħabba triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37727 u jgħid x'passi se jittieħdu biex it-triq li tinsab f'Ħaż-Żabbar u li tlestijiet bosta snin ilu, meta tagħmel ix-xita, fil-flats li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jidħol ħafna ilma b'konsegwenza ta' ħsarat fil-basement minħabba xogħol ħażin li kien sar fi triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed tinvestiga dan l-ilment biex tiġi stabbilita r-raġuni għalfejn qed jidħol l-ilma tax-xita ġewwa l-basements imsemmija.
Leg 11 PQ #38062 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

NGOs — salarji miċ-Ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk xi rappreżentant ta' xi NGO bħal tal-Fondazzjoni Wirt Artna, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għall-Ambjent Aħjar eċċ. irċevux xi salarju miċ-Ċivil jew entitajiet oħra, taħt liema kapaċità u liema Ministeru jew entità joħroġ dan is-salarju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika jamministra skema li biha impjegati pubbliċi jistgħu jiġu rilaxxati fuq leave speċjali bi ħlas ma’ Organizzazzjonijiet Volontarji, bil-għan li dawn tal-aħħar itejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom u jissaħħu fl-implimentazzjoni ta’ proġetti u attivitajiet. Skont din l-iskema, l-impjegati rilaxxati jibqgħu jitħallsu mid-Dipartiment jew mill-Entità li jkunu ġew rilaxxati minnha. Bħalissa, mill-organizzazzjonijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, hemm impjegat pubbliku rilaxxat ma’ Din l-Art Ħelwa, minn mal-Water Services Corporation.

Restoration Unit — proprjetajiet restawrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il restawr sar mir-Restoration Unit fuq proprjetajiet tal-Fondazzjoni Wirt Artna u ta' Din l-Art Helwa u kemm hu l-valur ta' dan ir-restawr?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma sar l-ebda restawr fuq propjetajiet tal-Fondazzjoni Wirt Artna u/jew Din l-Art Helwa, iżda sar xogħol fuq proprjetà li ġiet devoluta lil waħda minn dawn l-NGOs.

Good Causes Fund — Donazzjonjiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' donazzjonijiet li ngħataw lill-NGOs bħal Fondazzjoni Wirt Artna, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għall-Ambjent Aħjar eċċ. mill-2008 sal-lum mill-fondi tal-gvern bħal Good Causes Fund u minn dipartimenti, entitajiet u kumpaniji tal-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Leg 11 PQ #38065 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

NGOs — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'fondi tal-Unjoni Ewropea ġew approvati mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u OPPC li bbenefikaw minnhon NGOs bħall-Fondazzjoni Wirt Artna, Din L-Art Helwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar eċċ. mis-sena 2008 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispjega x’jixtieq ifisser bl-ittri OPPC.