Jista' l-Prim Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2008 sal-lum kemm irċeva petizzjonijiet il-Bord tal-Petizzjonijiet minn ċitazzjonijiet magħmula mill-gwardjani lokali? Kemm kien hemm ċitazzjonijiet maħruġa mill-pulizja, kemm kien hemm maħruġa mis-CCTV u kemm kien hemm maħruġa minn speed cameras?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet fil-lokalità tal-Birgu mill-Pulizija fil-jum li ġiet organizzata attività kulturali il-Birgu, ċioe s-Sibt 8 t'Ottubru 2011 u l-Ħadd filgħodu 9 t'Ottubru 2011?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-ġranet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ingħataw 72 ċitazzjonijiet fuq kontravenzonijiet tat-traffiku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid issa li l-infurzar lokali beda jaqa' taħt ir-responsabbilità tal-kumitat reġjonali, kemm s'issa daħħal fi flus kull reġjun minn ċitazzjonijiet magħmula mill-wardens? F'liema lokalità saru, u kemm kien in-numru ta' ċitazzjonijiet f'kull lokal u kemm kien l-ammont fi flus ta' dawn iċ-ċitazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm hawn uffiċjali għall-ambjent, ċioe environment officers? X'tip ta' taħriġ għandhom? S'issa x'tip ta' taħriġ għamlu? Dawn l-uffiċjali tal-ambjent minn meta bdew jaħdmu kemm taw multi? Kull kumitat reġjonali kemm għandu assenjat miegħu uffiċjali għall-ambjent?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li fl-istruttura tal-Awtorità għall-Ambjent u Ippjanar m’hemmx grad ta' enviroment officers. Nitlob lil Onorevoli Interpellant jispeċifika għal- liema grad ta’ ħaddiema qed jirreferi.
Għar-rigward ta’ kunsilli lokali, tajjeb ikun mgħarraf li ser jiġu ntrodotti
eco-wardens
apposta. It-
tenders
il-ġodda li nħarġu mill-Kumitati Reġjonali jaħsbu għal dan is-servizz.
Policital Participation and Communications with the Media — Kunsilliera - elezzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm se jintlaqtu kunsilliera preżenti jekk għandhom il-ħsieb li jikkontestaw għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali u ma jistghux jerġgħu jikkontestaw elezzjonijiet tal-kunsilli lokali minħabba d-direttiva ġdida numru 5 bl-isem ta' Political Partecipation and Communications with the Media li ddaħħlet fil-Public Service Management Code? Jista' jgħid fuq liema kriterji ġew magħżula l-karigi msemmija bħala politically restricted posts fl-imsemmija direttiva? Ma jaħsibx li dawn ir-restrizzjonijiet ġodda qed imorru kontra l-ispirtu tar-Riforma tal-Kunsilli Lokali? Peress li fi klawsola 2.3 fl-imsemmija Direttiva, jingħad li l-maġġoranza tal-karigi taċ-ċivil huma politically free posts, jista' jikkummenta għall-fatt li f'Appendiċi 7.1 tal-istess Direttiva hemm sitt paġni ta' karigi politically restricted posts u f'Appendiċi 7.2 hemm paġna waħda ta' karigi politically free posts? Ma jaħsibx li dawn it-tip ta' restrizzjonijiet għandhom ikunu inklużi fil-kuntratt tax-xogħol tal-impjegati maċ-Ċivil? Għaliex ma bediex isir hekk mal-ħruġ ta' din id-Direttiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ li turi kemm mill-Kunsilliera preżenti ma jistghux jerġgħu jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali skond il-provedimenti tad-direttiva numru 5.
Ninsab infurmat li restrizzjonijiet dwar parteċipazzjoni fil-politika ilhom fis-seħħ diversi snin u huwa prinċipju sanċit, anke mill-Qorti Ewropeja, li fis-settur pubbliku jeħtieġ jinstab bilanċ bejn id-dritt tal-individwu li jipparteċipa fil-ħajja politika u jagħti servizz pubbliku, u d-dritt taċ-ċittadin li jkollu moħħu mistrieħ li l-impjegati tal-Amministrazzjoni Pubblika ma jintrabtux ma’ karru politiku partikolari. Tajjeb ukoll infakkar li restrizzjonijiet f’dan is-sens ilhom jeżistu fil-Public Service Mangement Code (PSMC) għal diversi snin. Madankollu, avolja dal-Parlament illeġisla li waqt li uffiċjali pubbliċi issa ngħataw iċ-ċans ukoll li jibqgħu jokkupaw il-kariga uffiċjali tagħhom mingħajr ma jintalbu jirriżenjaw, kif kien isir sal-2004, xorta waħda dal-Parlament ħass li din l-eżenzjoni ma tapplikax għal min jilħaq kariga ‘maniġerjali’ (Skala 5).
Id-Direttiva li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant tirrinforza dal-bilanċ meħtieġ f’kull soċjetà demokratika. Id-differenza li ġabet id-Direttiva hi li issa ħafna aktar uffiċjali ngħataw iċ-ċans li jagħtu servizz lin-nazzjon billi jipparteċipaw fil-ħajja pubblika. Dan għax il-Gvern iħoss li għandu jħajjar, u mhux jaqta’ qalb, dawk li jixtiequ jidħlu għal dan l-impenn.
Għalhekk hu pjaċir tiegħi nistqarr li ninsab infurmat li l-maġġoranza tal-karigi fis-Servizz Pubbliku issa ġew ikklassifikati bħala politikament mhux ristretti. Fil-fatt, minn 776 kariga li hemm fis-Servizz Pubbliku, issa hemm biss 115-il kariga li hija kklassifikata bħala politikament ristretta.
Barra minn hekk ninsab infurmat li din id-Direttiva rrinforzat ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza. Dan peress li l-karigi kollha fis-Servizz Pubbliku issa ġew ikklassifikati, anzi, minn mindu daħlet id-Direttiva fis-seħħ, kull pożizzjoni ġdida li tinħoloq tiġi mill-ewwel ikklassifikata biex b’hekk kull uffiċjal ikun jaf għal xiex dieħel. Il-listi huma annessi ma’ l-istess Direttiva bħala Appendiċi. Għalhekk, qed inqiegħed kopja tad-Direttiva fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tibdila oħra li ġabet id-Direttiva hi li dawk li huma diġà eletti fid-diversi Kunsilli Lokali, liema uffiċjali, jammontaw għal madwar sebgħa (7), u oħrajn li jistgħu jintlaqtu ‘il quddiem, xorta jistgħu, fil-prinċipju, jipparteċipaw fil-politika. Dan għax id-Direttiva żammet fis-seħħ iż-żewġ possibbiltajiet li kien hemm qabel fil-PSMC, ossia jew il-possibbiltà li wieħed jirrinunzja għall-performance agreement tiegħu (jekk ikun fuq performance contract) jew jieħu leave speċjali bla ħlas għall-perjodu li jkun involut fil-politika. Imma issa ngħatat possibbiltà oħra. Jien infurmat li ġie addottat il-mudell Ingliż fejn, sa fejn hu possibbli, hemm it-tielet possibbiltà, jiġifieri li min jokkupa kariga li ġiet ikklassifikata bħala politikament ristretta iżda li jkun jixtieq li jikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali jista’ jitlob li jiġi trasferit temporanjament f’kariga li mhix politikament ristretta.
Fl-aħħarnett infakkar li llum l-uffiċċju tal-Public Administration HR Office fl-uffiċċju tiegħi, nieda Client Support Unit għall-benefiċċju tal-uffiċjali pubbliċi li jkollhom diffikultajiet marbuta mal-karriera tagħhom. Naturalment dan japplika wkoll għal l-interpretazzjoni ta’ din id-Direttiva u jien infurmat li numru sew ta’ uffiċjali pubbliċi kkomunikaw mal-imsemmi Unit.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ingħalaqlu l-file mill-Awtorita tad-Djar meta dan huwa persuna b'diżabilità u meta l-awtorità offrietlu post alternattiv irriżulta li kien hemm aktar minn mitt tarġa biex tasal għall-fond?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna in kwestjoni ġiet allokata post mill-Awtorità tad-Djar nhar it-23 ta’ Frar, 2011. Dan il-post li huwa terran u b’kamra tas-sodda waħda kien l-uniku post aċċessibbli u disponibbli li kellha l-Awtorità tad-Djar dak iż-żmien. Bħala post jidher li huwa aċċessibbili però jidher ukoll li din il-persuna m’aċċettax il-post minħabba taraġ fit-triq. L-applikazzjoni tas-Sinjur ġiet ikkanċellata minħabba li minn stħarriġ irriżulta li mhux minnu li kellu bżonn post alternattiv fejn jgħix.
The Kappara Residents Voluntary Action Group — talbiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex wara li ftit taż-żmien ilu kellu laqgħa ma' The Kappara Residents Voluntary Action Group fejn ġie mitlub minn dan il-grupp biex jakkwista l-informazzjoni li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma ħax il-passi meħtieġa għal dawn it-talbiet li għamlu The Kappara Residents Voluntary Action Group? Meta mistenni li jirrispondi l-ittra bid-dettalji annessi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nikkonferma li kelli laqgħa ma’ rappreżentanza mill-Kappara Residents Volontary Action Group.
Infurmat li l-uffiċjali tiegħi qegħdin jinvestigaw l-ilmenti mressqa u jieħdu azzjoni fejn meħtieġ.
Dwar l-iskola, nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li din hija entità kompletament privata u għalhekk minkejja li se nippruvaw inġibu l-informazzjoni, ma nista’ nagħti l-ebda garanzija li din se tasal.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn speed cameras f'pajjiżna fil-preżent? Fejn jinsabu? Xi proċedura tintuża biex tiġi stallata speed camera? Min hu responsabbli biex titħaddem din l-ispeed camera? Kemm inħarġu ċitazzjonijiet fis-sena 2009, 2010 u 2011 minn speed cameras? Kemm kien in-numru ta' ċitazzjonijiet minn fuq kull camera? Kif tqassmu l-flus ta' dawn iċ-ċitazzjonijiet, ċioe kemm ħa kull stakeholder? Min ikunu l-istakeholders kollha f'dan il-każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa hawn total ta' ħdax-il speed camera li huma nstallati f'Regional Road ġewwa San Ġiljan, bypass tal-Imrieħel ġewwa Ħal Qormi, Triq Mdina ġewwa Ħaż-Żebbug, Triq Nutar Zarb ġewwa Ħ'Attard, Triq Burmarrad ġewwa San Pawl il-Baħar, Triq Ħal Far ġewwa Birżebbuga, bypass ta' Birkirkara, il-Mini ta' Santa Venera, Triq tal-Barrani ġewwa ż-Żejtun, Triq Mdina ġewwa Ħal Qormi u fi Triq Sant'Andrija ġewwa Pembroke L-ispeed camera li tintuża fi Triq Sant’Andrija u Triq Reġjonali hija camera waħda li tiġi alternata bejn dawn iż-żewġ postijiet kif mitlub mill-Kumitat Reġjonali . Fil-mument, il-kunsill lokali rispettiv jagħmel talba lil Transport Malta sabiex tiġi nstallata speed camera u l-awtorità tevalwa tali talba skont il-kriterji stabbiliti. L-ispeed cameras jitħaddmu minn kumpaniji privati skont il-lokalità ta' tali speed camera.
Għall-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat, li hu responsabbli mill-kunsilli lokali rispettivi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-persuni fuq il-bord ta' petizzjonijiet rigward iċ-ċitazzjonijiet? Kif jinħatru? Xi kriterji jrid ikollhom biex jinħatru? Kull persuna kemm ilha f'din il-kariga ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-membri tal-Bord tal-Petizzjonijiet u d-data tal-ħatra tagħhom. Il-membri tal-bord jinħatru skont kif elenkat fl-Avviżi Legali 414/2005.
Ambaxxaturi Maltin akkreditati għal pajjiż barrani — benefiċċji
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhu s-salarju u l-benefiċċji kollha li għandu kull ambaxxatur Malti akkreditat għal pajjiż barrani? Fil-preżent min huma l-ambaxxaturi ta' Malta? F'liema sena nħatru? Mill-ewwel ġurnata ta' din is-sena kemm ħa kull ambaxxatur Malti fi flus ċioe pagi, salarji, bonuses, benefiċċji, subsistance eċċ.?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent hemm 23 Ambaxxatur akkreditati għal pajjiż barrani kif muri fuq id-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-pagi, salarji, bonuses,benefiċċji u subsistence,huma kif approvati fil-Ftehim Kollettiv tas-Servizz Pubbliku u mill-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex meta persuna li għandha s-servizz tat-telecare bħall-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u tirraporta li l-linja tat-telfown hi bil-ħsara qed tieħu ħafna żmien biex tiġi rranġata meta ftit tax-xhur ilu, każijiet bħal dawn kienu jiġu rranġati minnufih?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Kif diġa ntqal fi tweġibiet oħra għall-mistoqsijiet parlamentari simili, is-Sezzjoni tat-Telecare mhijiex responsabbli għat-tiswijiet tat-telefon. Kull meta tiġi rrapuratata ħsara minn abbonat, din tiġi mgħoddija immedjatament lill-kumpanija GO li tieħu ħsieb it-tiswijiet.
F'dan il-każ partikulari li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, il-ħsara ġiet irrapuratata lis-Sezzjoni tat-Telecare fit-12 ta' Ottubru u ġiet imsewwija f'inqas minn 24 siegħa wara.
Xogħlijiet fix-Xatt ta' Bormla — health and safety
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28103 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li jindika li x-xogħol li qed isir fix-Xatt ta' Bormla, aktar magħruf bħala s-Suq ta' Bormla, huwa provdut bil-miżuri neċessarji kollha fejn tidħol health and safety skont il-liġi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li skont il-kuntratt tal-proġett huwa l-kuntrattur li huwa responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-proġett.
Rapporti tal-Awditur li ma jaslux fil-ħin — penali
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali kollha li fl-allokazzjonijiet tagħhom ġew imnaqqsa ammonti bħala penali talli r-Rapport tal-Awditur tal-Kunsill tagħhom ma wasalx fil-ħin? Jista' jagħti l-penali ta' kull kunsill, kif ukoll breakdown ta' kif din il-penali ġiet maħduma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi it-tnaqqis li sar bħala penali lil dawk il-Kunsilli Lokali li ma baghtux il-financial statements tagħhom fil-ħin u/jew li r-Rapport tal-Udituri tagħhom ma wasalx fil-ħin.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, m'għandux is-servizzi tad-dawl u l-ilma fid-dar fejn jgħix?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
MEPA — Taqsima tal-Infurzar - ilment dwar skavar ta' plot
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk it-Taqsima tal-Infurzar tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qattx irċeviet ilment dwar skavar ta' plot, fond erba' sulari fi Triq is-Sallur, Qawra fejn naħa minnhom hemm bollards tal-concrete u naħat l-oħra tal-plot mhumiex protetti, b'riskju kbir għar-residenti? Tista' tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biex dan ir-riskju jitneħħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li s-sit imsemmi ġie mdawwar b’ħajt skont kif jitolbu r-regolamenti dwar Siti ta’ Kostruzzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-persuna anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li applikat bosta ġimgħat ilu biex ikollha l-kartuna s-safra, għadha tistenna? X'qed iżżom lid-dipartiment biex jieħu azzjoni fl-interess ta' din il-persuna li qed tħossha diskriminata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid issa li tpoġġa il-breakwater bridge f'postu kemm hu mistenni li jiġi jiswa flus bħala manteniment fis-sena bħal: żebgħa, tneħħija ta' sadid u l-kura għall-prevenzjoni tas-sadid, testijiet ta' stresses fl-istruttur tal-pont, kalibrazzjoni u prevenzjoni ta' xi moviment minn attività siżmika spejjeż ta' dawl domestiku, tiżjin jew għal skop ta' navigazzjoni minħabba l-port għall-baħħara, eċċ? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm xi forma ta' noll biex jiġi użat mill-pubbliku?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal CD b'kopja tal-kuntratt, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra u li tinkludi l-informazzjoni dwar spejjeż ta' manutenzjoni tal-pont tal-breakwater.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Commuted Parking Payment Schemes (CPPS) ġewx integrati fl-Urban Improvement Fund (UIF)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Commuted Parking Payment Schemes (CPPS) għadhom ma ġewx integrati mal-Urban Improvement Fund (UIF). It-tibdil propost fir-regolamenti tal-UIF u c-CPPS għadu fil-fażi ta' public consultation.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm lokalitajiet li kellhom is-Commuted Parking Payment Schemes (CPPS) u kemm hu l-ammont li għandha kull lokalità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.