Ħaż-Żabbar — St. Peters - Triq Patri Dun Felicjan Grech - nuqqas ta' dawl fit-triq
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28707 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jieħdu azzjoni minnufih biex fi Triq Patri Dun Felicjan Grech, St.Peters, Ħaż-Żabbar, fil-parti tan-naħa fejn għadha ma ġietx asfaltata, ikun hemm arblu tad-dawl peress li t-triq hija mudlama?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-korporazzjoni tikkonferma li rċeviet l-applikazzjoni mill-kunsill lokali u qed tati konsiderazzjoni neċessarja lil din l-applikazzjoni.
Carers for Stray and Abandoned Felines — talba għal akkomodazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'possibbilità hemm li l-għaqda Carers for Stray and Abandoned Felines jieħdu post fejn jakkomodaw dawn il-qtates, speċjalment fil-belt tal-Isla?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-għaqda li qed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Membru applikat għall-proprjetà ġewwa l-Isla. Bħalissa d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern qiegħed jikkunsidra din it-talba, kif ukoll qiegħed jara possibilità ta’ xi proprjetà oħra li tista’ tingħata lil din l-għaqda u għaqdiet oħra li għamlu talbiet simili għall-istess għan.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-authorised officers fi ħdan il-Local Enforcement System? B'liema sistema jitħallsu? Kemm daħħlu fi flus kull authorised officer mis-sena 2010 sal-lum? F'liema żona huma assenjati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Local Enforcement System — flus biex titħaddem is-sistema
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm qed tiġi tiswa biex titħaddem is-sistema tal-Local Enforcement System? Minn fejn jiġu l-flus biex titħaddem din is-sistema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari numru W292.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom il-liċenzja ta' gwardjan lokali? Kemm minnhom fil-preżent qed jaħdmu b'din il-liċenzja?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 28748, ninsab infurmat illi l-Pulizija ma jkollhiex tagħrif dwar kemm minn dawk reġistrati bħala gwardjani lokali filfatt ikunu qed jeżerċitaw dak ix-xogħol.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-aġenżji tal-gwardjani lokali li fil-preżent qed jaħdmu fil-Kumitat Reġjonali f'pajjiżna, ċioe liema hi l-aġenzija f'kull wieħed mill-ħames reġjuni li hawn f'pajjiżna? F'dan ir-rigward, kif jitħallsu l-aġenziji tal-gwardjani lokali? Kemm kull aġenzija tal-gwardjani lokali se titħallas fis-sena? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tender ta' kull aġenzija tal-gwardjani lokali li hemm fil-kumitat reġjonali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Kumitati Reġjonali kollha, ħlief dak Ċentrali, assorbew il-kuntratti li l-Kumitati Konġunti rispettivi kellhom mal-aġenziji tal-gwardjani lokali. Dan sakemm jingħataw il-kuntratti l-ġodda. Kull Kumitat Reġjonali ħareġ tenders ġodda però hemm fejn dawn għadhom ma ngħatawx għal diversi raġunijiet. Intant il-Kumitat Reġjonali Ċentrali qed jopera s-servizzi tal-gwardjani lokali skont kuntratt ġdid apposta. Dettalji dwar dan kollu huma elenkati fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. F’din l-istess tabella tinsab l-informazzjoni kollha mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Ma’ din it-tabella qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti konċernati. Nieqes minn dawn huma l-kuntratti tal-Kunsill Lokali tal-Belt u tal-Kumitat Konġunt taż-Żurrieq, li naqsu milli jissottomettu l-informazzjoni mitluba. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed isegwi l-materja. Inkun nista’ npoġġi kopja ta’ dawn iż-żewġ kuntratti hekk kif id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jikseb kopja tagħhom. Intant id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ser jieħu l-passi neċessarji f’dan ir-rigward kontra l-kunsilli lokali li ma ssottomettewx l-informazzjoni mitluba.
proġett ta' rigenerazzjoni tal-Kottonera — parking spaces
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm parking spaces qabel ma nbeda l-proġett ta' riġenerazzjoni tal-Kottonera fl-inħawi tax-Xatt ta' Bormla u jekk hemmx xi pjanijiet għal parkeġġ alternattiv? B'dan il-proġett tnaqqsu l-ispazji għall-parkeġġ jew żdiedu? Jekk żdiedu b'kemm? Jekk naqsu b'kemm?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fl-inħawi tax-Xatt ta' Bormla kien hemm bejn wieħed u ieħor 77 spazji ta' parkeġġ qabel ma' nbeda l-proġett ta' riġenerazzjoni. Meta l-proġett ikun komplut ser ikun hemm 40 spazji ta' parkeġġ, jiġifieri tnaqqis ta' 37 spazju.
Dan l-ispazju kien organizzat hekk b'riżultat tal-permess tal-iżvilupp u bil-kunsens tal-kunsill lokali li kien ikkonsultat.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ispejjeż tal-iscaffolding li qed jintuża fir-restawr tal-fortifikazzjonijiet f'Malta u Għawdex mis-sena 2010 sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispejjez tal-iscaffolding li qed jintuża fir-restawr tal-fortifikazzjonijiet f’Malta u f’Għawdex mill-2010 hu kollu inkorporat bħala parti min-nefqa tal-kuntratti għar-restawr. Għaldaqstant, meta jingħata kuntratt ta’ xogħol ta’ restawr, in-nefqa totali ta’ dak il-kuntratt tkun tinkorpora tinkludi l-ispejjeżż tal-iscaffolding. Mill-2010 sa llum, intefqgħu total ta’ Eur 6.2 miljun f’xogħol ta’ restawr fil-Belt, Birgu, Mdina u Cittadella, inkluż l-iscaffolding.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28691 u jgħid sal-lum kemm hemm operazzjonijiet pendenti fl-Isptar Mater Dei? Liema huma dawn l-operazzjonijiet u kemm hu n-numru ta' kull kategorija li hemm bżonn operazzjoni? Mil-lista ta' kull kategorija, kemm hu n-numru taż-żmien li l-iżjed li pazjent ilu jistenna?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li peress li fil-preżent qegħdin fil-proċess ta’ migrazzjoni ta’ data mis-sistema l-qadima għas-sistema l-ġdida, mhux possibli għal issa li tingħata l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ħlief fil-każi tal-oftalmoloġija u tal-ortopedija. Din l-informazzjoni tkun tista’ tingħata hekk kif il-proċess sħiħ ikun komplut, bejn wieħed u ieħor lejn l-aħħar ta’ Marzu 2012.
Oftalmoloġija:
Fil-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena kien hemm 5,465 każ pendenti. Sa llum daħlu 1,773 każ ġdid, filwaqt li matul din is-sena saru 2,283 l-operazzjoni. Sa llum hemm pendenti 4,415 kaz.
Ortopedija:
Fil-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena kien hemm 9,170 każ pendenti. Sa llum daħlu 1,591 każ ġdid, filwaqt li matul din is-sena saru 2,960 l-operazzjoni. Sa llum hemm pendenti 7,801 kaz.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern ta' Malta fil-passat bagħatx pazjenti Maltin għall-operazzjoniet f'Londra biex jagħmlu laser operations
on bulging discs in the lower part of the back peress li din l-operazzjoni issir biss bil-laser? Din t-tip ta' operazzjoni tista' issir f'xi sptar Malti jew le? X'inhu l-ħsieb tal-Gvern f'dan ir-rigward?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s’issa ma ntbagħat l-ebda pazjent barra minn Malta għal laser operations on bulging discs in the lower part of the back. Din it-tip ta’ proċedura ma ssirx ġewwa l-Isptar Mater Dei u għal issa ma tiffurmax parti mil-pakkett ta’ kura offrut minn Malta. Għalkemm jiġu offruti trattamenti oħra fl-istess qasam id-dipartiment ma jeskludix studju fuq din il-proċedura biex jevalwa l-possibilità li din tiġi offruta fil-futur.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li l-Kunsilli Lokali mill-1 sat-13-il Distrett Elettorali se jagħmlu taħt l-iskema tal-Public Private Partnership? Meta se jagħmluhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li fis-sentejn li għaddew il-Gvern għen lill-Kunsilli Lokali billi allokalhom madwar €15-il miljun biex jinvestuhom fit-toroq residenzjali u b’hekk itejbu l-kwalita’ tal-ħajja tar-residentit tagħhom.
Il-flus qed jiġu allokati lill-Kunsilli bi tliet modi prinċipali.
1. parti mill-allokazzjoni finanzjarja annwali qed tiġi
ring-fenced
u għaldaqstant ma tista’ tintuża għal xejn aktar ħlief għal xogħolijiet fuq toroq
2. ħarġet l-iskema tal-
public private partnership
għat-toroq residenzjali li permezz tagħha l-Gvern qed jgħaddi l-flus lill-Kunsilli Lokali sabiex jagħmlu toroq li jidentifikaw huma stess. Il-Kunsilli Lokali jkunu responsabbli mhux biss li jagħżlu liema toroq iridu jagħmlu iżda wkoll li jagħmlu l-istimi, joħorġu s-sejħiet għall-offerti, jagħżlu l-kuntrattur, jikkordinaw miegħu, jakkwistaw il-permessi meħtieġa u jassiguraw li jsiru s-servizzi.
3. kien implimentat proġett pilota fi tliet lokalitajiet – fis-Swieqi (Madliena), f’Ħal Kirkop u fl-Imqabba.
Barra minn hekk, numru ta’ Kumitati Amministrattivi għażlu u qed jagħżlu li jużaw l-Iskema ta’ Finanzjament ta’ Proġetti għall-Kumitati Amministrattivi, imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali, biex ukoll jagħmlu xogħolijiet fit-toroq.
Mil-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra jirriżulta li 231 triq diġa tlestew.
Jirriżulta wkoll li bħalissa qed isiru diversi xogħlijiet f’numru ta’ lokalitajiet oħra. Dawn it-toroq jinsabu mniżżlin fit-tieni kolonna tal-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra, flimkien mal-bqija tat-toroq li l-kunsilli lokali qed jgħidu li se jkunu qed jaħdmu fuqhom fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin, sa tmiem l-2012.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq residenzjali li Transport Malta se tagħmel mill-1 sat-13-il Distrett Elettorali fil-lokalitajiet kollha? Meta mistennija jibdew isiru dawn it-toroq?
Response (GATT, AUSTIN)
Fil-waqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24717, u li magħha kienet ingħatat lista ta' toroq li jridu jsiru, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi dawk it-toroq min din il-lista li Transport Malta fadlilha tagħmel.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif id-dħul tal-kumitati konġunti hu regolat, jekk jinħarġux statements b’mod regolari lil kull kunsill u jekk il-ħidma ta’ dawn il-kumitati konġunti hix awditjata kull sena minn awdituri independenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li kull Kumitat Konġunt jirregola l-ħidma tiegħu skont kif ikun maqbul bejn il-Kunsilli Lokali li jiffurmawh. Għaldaqstant kull Kunsill Lokali jkun rappreżentat fil-Kumitat Konġunt li jifforma parti minnu. Ir-rappreżentant tal-Kunsill Lokali imbagħad jirrapporta lura lill-Kunsill Lokali tiegħu dwar l-iżviluppi li jseħħu.
Kif jaf sewwa l-Onorevoli Interpellant bħalissa l-Kumitati Konġunti qed jiġu
phased out
għall-Kumitati Reġjonali li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru li għadda.
Intant kif spjegajt diġa fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru W 292 l-
accounts
tal-Kumitat Konġunti li jħaddmu s-sistema tal-
pooling
, jiġifieri l-Kumitati Konġunti ta’ Birkirkara, Għawdex (apparti l-Kunsill Lokali tar-Rabat li ma kienx jifforma parti mill-
pooling
), Lvant, tat-Tramuntana u ż-Żejtun, kif ukoll l-
accounts
tal-Kumitat Konġunt Ċentrali huma awditjati kull sena minn awdituri indipendenti. Kopja ta’ dawn l-
audited accounts
tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra bħala parti mit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru W 292.
Restawr fuq is-swar tal-Belt Valletta, Birgu, Ċittadella
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħala parti mir-restawr fuq is-swar tal-Belt Valletta, Imdina, Birgu u ċ-Ċittadella, Għawdex iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, jekk żona konsiderevoli ta' xogħol ta' żebgħa aħmar skur fuq il-ġibs fuq is-sur ta' San Ġwann, żona ta' metru kwadru u viżibbli mill-pont fil-Belt Valletta, hux se tkun konservata, jew dan ix-xogħol ta' żebgħa storiku ser jitneħħa minn dan il-bastjun?
Dan ix-xogħol ta' żebgħa ta’żmien il-Kavallieri fuq din il-bastjun ġie reġistrat f’ritratti, u ttieħdu kampjuni ta' dan il-materjal mit-Taqsima tar-Restawr biex dan il-materjal jiġi analizzat fil-laboratorju biex jiddeterminaw il-kompożizzjoni kimika taż-żebgħa u tal-ġibs li kienet impjegata u jiġi stabbilit l-aħjar metodu għall-konservazzjoni tagħha. Liema kienu s-sejbiet xjentifiċi u fejn wieħed jista’ jaċċessa dawn is-sejbiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq inserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant li qabel ma jsir kwalunkwe xogħol ta’ restawr, issir ir-riċerka mehtiega biex ikun imħares il-patrimonju storiku. Ninsab infurmat li mir-riċerka li saret ma jirriżultax li hemm xhieda storika li jattribwixxi valur storiku u patrimonjali ta’ xi xoghol ta’ zebgha fuq is-swar.
ammont pendendi dovut mill-kumitati konġunti lill-kunsilli lokali
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont pendenti dovut mill-kumitati konġunti lill-kunsilli lokali sal-31 ta’ Dicembru, 2010 u li għadhom
ma tħallsux lill-kunsilli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali jiddependu mid-deċiżjonijiet li jieħdu l-Kumitati Konġunti li huma ffurmati mill-Kunsilli Lokali stess.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhu l-persentaġġ li jinġabar mill-awtoritajiet kompetenti miċ-ċitazzjonijiet li ngħataw fis-sena 2010?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-Gvern Ċentrali, ninfurmah illi dan ma jieħu xejn miċ-ċitazzjonijiet li jingħataw mill-gwardjani lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol ta' żebgħa aħmar skur li preċedentement kien jgħatti l-ħajt tal-bastjun ta' San Gwann u l-ħajt fortifikazzjoni fuq ix-xellug ta’ Porta Reale tat-Tieni Nofs tas-Seklu 19 huwiex ser jingħata lura lil dan is-sur? Jekk le, għaliex?
Dan ix-xogħol ta' żebgħa aħmar skur huwa parti integrali mill-patrimonju Malti, wirt li jinkludi wkoll in-numru konsiderevoli ta' strati in situ ta' xogħol ta' żebgħa isfar ochre fuq is-sur ta’ San Pietru mal-Bieb tal-Griegi fl-Imdina, li jistgħu wkoll ikunu parti tal-perjodu tal-Kavallieri. Dan ix-xogħol bħal dak tas-sur ta' San Ġwann jeħtieġ li jiġi preservat, bħala parti minn dan il-wirt tal-pajjiż, u mhux jiġi imqaxxar mill-fortifikazzjonijiet, sabiex nies ikunu jistgħu jaraw li l-oqsma tal-fortifikazzjonijiet kienu miżbugħa taħt il-Kavallieri u taħt l-Ingliżi. L-esperti jgħidu li jekk dan ma’ jseħħx ir-restawr mhux se jkun restawr tal-fortifikazzjonijiet, u mhux se jkun konservazzjoni tal-wirt ta' xogħol ta' żebgħa fuq il-fortifikazzjonijiet, iżda minflok se jkollna meqrud il-wirt tagħna bi spiża ta' €36 miljun ta' finanzjament mill-Unjoni Ewropea.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29335.
Jista' l-Prim Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2008 sal-lum kemm irċieva petizzjonijiet il-Bord tal-Petizzjonijiet? Kemm ġew maħfura minnhom? Kemm kien l-ammont fi flus ta' ċitazzjonijiet li għamlu t-talba tal-petizzjoni? Kemm kien l-ammont fi flus li ġew maħfura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.