Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur — Awditjar tal-Kunsilli

Question

Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl li ftit taż-żmien ilu sar l-awditjar tal-Kunsilli mill-Ufficju Nazzjonali tal-Awditur u kif jaf li l-Kunsilli huma obbligati li sal-21 ta’ Frar ta’ kull sena jissottomettu r-rapport finanzjaru tagħhom cioe: Fl-2011 kemm kienu l-kunsilli f’Malta u Għawdex li ppreżentaw dawn ir-rapporti lill-Uffiċċju tal-Awditur sal-21 ta’ Frar 2011? Kemm kien hemm kunsilli li ppreżentawhom sal-aħħar ta’ Frar 2011? Kemm kienu l-kunsilli li ppreżentawhom sal-15 ta’ Marzu u kemm kienu l-kunsilli li ppreżentawhom sat-30 ta’ Marzu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll fid-dawl li l-Awdituri huma obbligati li jippreżentaw ir-Rapporti Finanzjarji Awditjati ta’ kull kunsill sat-2 ta’ Mejju ta’ kull sena, l-Awdituri, fis-sena 2011 kemm-il rapport awditjat ipprezentaw sa din id-data u ta’ liema kunsilli? Jista' l-Ministru jgħid id-data ta’ meta ġew ppreżentati r-rapporti awditjati tal-kunsilli l-oħra kollha wara t-2 ta’ Mejju? X’inhi r-raġuni li għal kunsilli lokali kollha ta’ Malta u Għawdex ġew ingaġġati 3 ditti tal-awditjar meta l-perjodu biex isir l-awditjar tagħhom huwa biss ta’ 10 ġimgħat ? (21 ta’ Frar sat 2 ta’ Mejju). Kemm kienu d-ditti ta’ l-awditjar ingaġġati biex jagħmlu l-awditjar tal-kunsilli lokali fis-sena 2009?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li telenka lill-Kunsilli Lokali li ppreżentaw l-unaudited financial statements tagħhom sal-21 u sat-28 ta’ Frar 2011, sal-15 u sat-30 ta’ Marzu 2011 u wara t-30 ta’ Marzu 2011. L-istess tabella telenka wkoll lill-Kunsilli Lokali li ppreżentaw l-audited financial statements mill-awditur sat-2 ta’ Mejju 2011 u wara din il-ġurnata. Intant ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awdituri jiġu ngaġġati mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Verifika. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ma jkollu u ma għandu ebda sehem fl-għażla u l-ingaġġ tagħhom. Dawn l-awdituri ntgħażlu wara sejħa għal-offerti li saret mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Verifika kif ukoll dawn jirrispondu lill-istess uffiċċju.

Rapporti finanzjarji preżentati tard

Question

Peress li bosta kunsilli lokali ġew mwaħħla penali għaliex ir-rapporti finanzjarji awditjati tagħhom ġew preżentati mill-Awdituri wara it-2 ta’ Mejju, jista' l- Ministru jgħid liema kienu dawk il-kunsilli li preżentaw r-rapport finanzjarju tagħhom lill-Awditur sal-21 ta’ Frar 2011 kif titlob il-ligi ? Fil-każ ta’ rapporti mill-Awdituri li ġew preżentati tard ( jiġifieri wara d-data tat-2 ta’ Mejju 2011), għaliex ġew immultati dawk il-kunsilli lokali li preżentaw r-rapport tagħhom sal-21 ta’ Frar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ħareġ Memo li spjega eżatt x’jgħidu r-regolamenti finanzjarji u x’għandu jsir. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-Memo. Fi tmiem is-sena li għadha kemm għaddiet id-Dipartiment ukoll ħareġ Memo ieħor simili li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Minkejja dan, iżda, kien hemm numru ta’ Kunsilli Lokali li xorta waħda ma żammewx mad-dati stabiliti fir-regolamenti finanzjarji. Intant, waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-informazzjoni li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31270, ninfurmah li l-Kunsilli Lokali kollha li kellhom xi sottomissjonijiet x’jagħmlu ntalbu biex jagħmlu dan bil-miktub. Dawn is-sottomissjonijiet ġew evalwati. Fejn instabu allegazzjonijiet li kien l-awditur li ssottometta tard l-accounts tal-Kunsill Lokali, id-Dipartiment talab lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur sabiex jevalwa dawn is-sottomissjonijiet.

applikazzjonijiet għal post alternattiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li applikaw għal post alternattiv u jgħixu f'post substandard u kkundannat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar għandha 34 applikazzjoni pendenti għall-akkomodazzjoni alternattiva minn applikanti li jgħixu f’post b’xi forma ta’ periklu imma mhux neċessarjament f’post substandard.

Proġetti ta' slum clearance

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-proġetti li huma milqugħa għall-proġett ta' slum clearance? Fejn jinsabu? Meta mistennija jibdew dawn il-proġetti? Meta saret l-applikazzjoni quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 26520.

post li huwa struttutalment perikoluż u kkundanat

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pulizija ma ħaditx il-passi neċessarji biex il-fond, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li huwa strutturalment perikoluż u kkundanat u ta' periklu għal terzi jiġi rranġat mis-sidien qabel xi inċident li jista' jħalli xi vittmi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi rigward il-fond imsemmi bin-numru 36, il-Pulizija għamlet l-investigazzjonijiet neċessarji sabiex jiġi stabbilit it-tip ta' periklu eżistenti kif ukoll sabiex jiġi stabbilit l-identita' tas-sidien ta' dan il-post u ħadet dawk il-passi kollha neċessarji sabiex is-sidien ta' dan il-fond jiġu intimati skont il-Liġi preżenti sabiex ineħħu l-perikolu eżistenti li hemm. Iżda, minkejja sforzi f'dan ir-rigward, is-sidien baqgħu ma neħħewx dan il-perikolu u għalhekk ser jittieħdu proċeduri kontra tagħhom fil-Qrati tal-Ġustizzja immedjatament. Rigward il-fond bin-numru 35, il-Pulizija qatt ma kienet irċeviet rapport dwaru u għalhekk, issa li l-Pulizija giet mgħarrfa b'dan, se jittieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jitneħħa dan il-perikolu wkoll.

Ħaż-Żabbar — St. Peters - rotta tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li terġa' tiġi introdotta l-karozza tal-linja fl-inħawi ta' St. Peters Ħaż-Żabbar u l-madwar kif kienet qabel? Jekk iva, meta se tibda? Minn fejn se tgħaddi?

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 29619, ninsab infurmat li fil-preżent m’humiex isiru tibdiliet fir-rotot. Dan sabiex jingħata żmien fejn is-servizz jistabiliżża ruħu. Madanakollu, t-talbiet li qegħdin isiru għal modifiki fir-rotot jew fl-iskedi qegħdin jiġu analiżżati

trakkijiet li joħorġu mill-impjant tad-drenaġġ tax-Xgħajra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il trakk joħroġ mill-impjant tad-drenaġġ tax-Xgħajra kuljum b'materjal għar-rimi? Fejn jintrema? Minn liema toroq jgħaddi f'kull lokalità sakemm jasal fid-destinazzjoni tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Xatt ta' Bormla — xogħol ta' riġenerazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett tax-Xatt ta' Bormla, jiġifieri r-riġenerazzjoni ta' din iż-żona, hijiex miexja skont skeda ta' xogħol kif hemm fuq il-kuntratt tal-ftehim?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 25646, ninsab infurmat li x-xogħol fuq in-naħa ta' Xatt ir-Risq hu mistenni li jdum bejn xahrejn u tliet xhur aktar milli previst.

Taqsima Proprjetà tal-Gvern — kumpens lil individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern se tikkompensa lis-sid li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-post tiegħu kien ittieħed għal skop pubbliku?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Leg 11 PQ #30462 Sitting 417 2011-11-30 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — bring-in sites

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28711 u jgħid x'qed jagħmel kull kunsill lokali li għandu bring-in sites u persuni rresponsabbli qed jiġu jaqgħu u jqumu mill-iskart li suppost joħorġuhom wara l-bieb ħalli jiġbruhom tal-scammel, iżda minflok qegħdin jitfgħuhom f'dawn is-siti? Kemm hemm persuni li nqabdu jitfgħu dan l-iskart illegalment quddiem dawn il-bring-in sites? Jista' jgħid ukoll kemm hemm kunsilli lokali li stallaw CCTV ħdejn dawn il-bring-in sites ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Xogħlijiet fix-Xatt ta' Bormla — health and safety

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28965, jista' l-Ministru jwieġeb il-kumplament ta' din il-mistoqsija u ċioe jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li jindika li x-xogħol li qed isir fix-Xatt ta' Bormla, aktar magħruf bħala s-Suq ta' Bormla, huwa provdut bil-miżuri neċessarji kollha fejn tidħol health and safety skont il-liġi?

Response (GATT, AUSTIN)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra CD b'kopja tal-kuntratt li jipprovdi għall-miżuri neċessarji ta' saħħa u sigurta'.
Leg 11 PQ #30477 Sitting 417 2011-11-30 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali ta' San Ġiljan — kawża pendenti quddiem il-Qorti

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28727, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fil-preżent il-kunsill lokali ta' San Ġiljan għandux kawża quddiem il-Qorti? Min għamel din il-kawża? X'inhi r-raġuni tal-kawża? Meta ġiet għall-ewwel darba għall-attenzjoni tal-kunsill lokali waqt il-laqgħat tal-kunsill? F'liema seduta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti fejn din il-kawża ġiet diskussa fil-laqgħat tal-kunsill lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi mill-ġdid lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28727 u ninfurmah li mill-informazzjoni li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan għadda lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali ma jirriżultax li għandu l-ebda kawża pendenti fil-Qorti fil-konfront tiegħu.

Persuna li mhux qed tieħu r-relief

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mhux qed tieħu r-relief?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata ġiet ikkuntattjata mid-Dipartiment dwar il-każ tagħha.

tweġiba mill-Awtorità tad-Djar għal ittra

Question

Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex l-Awtorità tad-Djar twieġeb l-ittra li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar ipproċċessat l-applikazzjoni tal-persuna msemmija għal akkommodazzjoni alternattiva. L-awtorità se tagħmel kuntatt mal-familja biex tesplora l-possibilità ta’ għajnuna oħra alternattiva li tista’ tiggwadanja mill-iskemi l-oħra.

Proprjetà residenzjali tal-gvern — kera

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-proprjetà kollha tal-gvern li hija bil-kera, ċioe proprjetà residenzjali, għoliet il-kera għal €185 meta dan imur kontra l-ispirtu tal-emendi tal-liġi li saru ftit taż-żmien ilu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar tagħmel reviżjoni fuq il-kera ta’ inkwilini t’appartamenti tal-Gvern mill-inqas kull sentejn skont kif stipulat fil-kuntratti individwali ta’ dawn l-inkwilini. Il-Kirja tiġi stabbilita skont id-dħul individwali tal-persuna. Ġie deċież li ma’ din ir-reviżjoni, l-anqas kera li tista’ titħallas minn inkwilini tkun dik ta’ €185 fis-sena u din skont kif toħroġ mill-Liġi Ġdida tal-kera tas-sena 2010. Ta’ min jgħid li mhux il-kirjiet kollha tal-appartamenti tal-Gvern ġew miżjuda għas-somma ta’ €185 fis-sena. Min għandu dħul baxx jista’ jiggwadanja minn sussidju fuq kirja ta’ €185 fis-sena.

Servizz tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29035 u jgħid għaliex l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, m'għandux is-servizzi tad-dawl u l-ilma fid-dar fejn jgħix?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-servizz tal-elettriku gie sospiż fl-2003 minhabba nuqqas ta’ pagamenti tal-kontijiet. Wara li saru diskussjonijiet bejn il-konsumatur, il-WSC u s-Servizzi Socjali, l-konsumatur naqas milli jagħmel pjan għall-pagamenti. L-aħħar kuntatt li kien sar mall-konsumatur kien fl-2009.
Leg 11 PQ #30458 Sitting 416 2011-11-29 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — dejn

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28764 u jgħid kull kunsill lokali kemm għandu dejn sal-lum? Meta huwa previst li jitħallas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Il-Kunsilli Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ naqas milli jagħti l-informazzjoni rikjesta. Intant ir-rapporti finanzjarji tal-Kunsill Lokali tal-Qala għadhom qed jiġu aġġornati u allura mhux f’pożizzjoni li jgħaddi l-informazzjoni. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali se jieħu l-passi neċessarji fil-konfront ta’ dawn in-nuqqasijiet. (Ara P.L.8753 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta 418 fit-30 ta' Novembru 2011)
Leg 11 PQ #30459 Sitting 416 2011-11-29 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Toroq residenzjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28762 u jgħid mis-sena 2010 sal-lum kemm u liema huma t-toroq residenzjali li saru f'kull lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — operazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28691 u jgħid sal-lum kemm hemm operazzjonijiet pendenti fl-Isptar Mater Dei? Liema huma dawn l-operazzjonijiet u kemm hu n-numru ta' kull kategorija li hemm bżonn operazzjoni? Mil-lista ta' kull kategorija, kemm hu n-numru taż-żmien li l-iżjed li pazjent ilu jistenna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari Nru. 29509.