Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-Artijiet — ittra mhux imwieġba

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tal-Artijiet mhux qed iwieġeb għall-ittra li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li tweġiba għall-ittra lid-dettalji tagħha ntbagħtu separatament ġiet mibgħuta f’dawn il-ġranet. Intant, il-kwistjoni dwar il-kumpens dovut għall-akkwist tal-proprjetajiet li ttieħdu mill-Gvern li jikkonsistu f’żewġ fondi separati, u li dettalji tagħhom intbagħtu separatament, ninforma lill-Onorevoli Membru li skont it-termini tal-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Proprjeta għal skopijiet pubbliċi, il-kumpens offrut lis-sidien ġie depożitat f’kont bankarju. Fil-każ tal-fond li qabel kien dar, hemm kawża pendenti quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ li l-istess sidien fetħu kontra l-Gvern biex jikkontestaw il-prezz offrut bħala kumpens għall-akkwist ta’ din id-dar. Fil-każ tal-fond l-ieħor li s-sidien kellhom għandhom b’ċens temporanju u li issa skada, is-sidien ma kkontestawx il-prezz offrut u għaldaqstant, id-dipartiment jista’ jikkonkludi l-ħlas tal-kumpens.

bdil ta' skola

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li huwa persuna b'diżabilità jibdel l-iskola tiegħu miċ-Ċentru Vayrita, Wied il-Għajn għal Garden Angel, Hamrun.

Response (CRISTINA, DOLORES)

San Gorg Preca, Guardian Angel, Secondary Education Resource Centre hija Skola ta’ livell sekondarju. Il-persuna b’diżabilità, li d–dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għandu ‘l fuq minn 22 u għaldaqstant jaqbeż l-età medja tal-istudenti li ċ-ċentri ta’ Riżorsi Edukattivi joffru programm għalihom.

Taqsima Proprjetà tal-Gvern — kumpens lil individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30823 u jgħid meta t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern se tikkumpensa lis-sid li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-post tiegħu kien ittieħed għal skop pubbliku?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30823.

trakkijiet li joħorġu mill-impjant tad-drenaġġ tax-Xgħajra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il trakk joħroġ mill-impjant tad-drenaġġ tax-Xgħajra kuljum b'materjal għar-rimi? Fejn jintrema'? Minn liema toroq jgħaddi f'kull lokalità sakemm jasal fid-destinazzjoni tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul il-ġranet tal-ġimgħa u s-Sibt joħorġu madwar seba’ (7) trakkijiet ta’ sludge kuljum. Il-Ħadd joħorġu madwar tlett (3) vjaġġi. Il-materjal jintrema’ fil- landfill tal-Għallis. Dan il-materjal huwa klassifikat bħala non-hazardous a bażi ta’ testijiet li jsiru perjodikament u li jiġu ikkomunikati lill-Wasteserv. Id-dettalji tar-rotta li tintuża minn dawn it-trakkijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

tneħħiaj ta' benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tnaqqsilha d-dħul tagħha mis-servizzi soċjali u anki m'għadhiex tieħu xi benefiċċji soċjali oħra?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Transfer minn fuq il-post tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'possibilità hemm li, l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ilha bosta snin titlob biex tieħu transfer minn fuq il-post tax-xogħol minħabba problemi ta' saħħa, tiġi milqugħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li peres li f’dan il-mument m’hemm ħadd li jista’ jissostitwixxi lil din il-persuna, dan it-trasferiment mhuwiex possibli. Meta jkun hemm aktar operational support workers it-talba tkun tista’ tiġi kkunsidrata.

Liġi tar-Requisition

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tas-sidien tal-fondi, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, rigward il-problemi li hemm minħabba li dawn iż-żewġ proprjetajiet kienu milquta bil-liġi tar-requisition?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li post minnhom qatt ma kien rekwizizzjonat filwaqt li l-post l-ieħor ġie derekwiżizzjonat nhar id-19 ta’ Novembru, 2004.

Applikazzjoni għal post alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament li għamlet talba għal post alternattiv?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-individwu in kwestjoni hija pproċċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra li l-Awtorità tad-Djar għandha għall-akkomodazzjoni alternattiva.

kumpens minħabba post meħud għall-użu pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tas-sidieni tal-fond li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, biex jiġu kkompensati minħabba li l-istess post kien ittieħed għall-użu pubbliku?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għaddej bil-proċedura biex il-proprjetajiet kollha li huma milquta b’titlu ta’ pussess u użu jew dominju pubbliku jiġu akkwistat mill-Gvern u s-sidien tagħhom jiġu kkumpensati. Dan il-proċess jieħu daqsxejn fit-tul għaliex hemm ħafna proprjetajiet li jridu jiġu akkwistati, però huwa mistenni li dan ix-xogħol jitkompla u jkun komplut fit-tliet snin li ġejjin u għalhekk il-proprjetà tal-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament se tiġi wkoll akkwistata mill-Gvern f’dan il-perjodu u sussegwentement jitħallas il-kumpens dovut.

Taqsima Proprjetà tal-Gvern — kumpens lil individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern se tikkompensa lis-sid li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-post tiegħu kien ittieħed għal skop pubbliku?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi f’din is-sena d-Dipartiment qed ikompli fuq ix-xogħol li kien inbeda biex proprjetajiet milquta b’titlu ta’ pussess u użu jew dominju pubbliku jiġu akkwistati mill-Gvern. Fil-fatt għas-sena 2012, il-Gvern alloka ammont ta’ fondi speċifikament għal dan il-għan. Huwa previst li din is-sena il-fondi bit-titli imsemmija u li qegħdin fil-Belt Valletta jiġu akkwistati kollha. Wara jkun jista’ jitkompla l-proċess biex jitħallas kumpens lis-sidien li jkun ibbażat fuq il-kera ta’ akkwist jew għarfien imħallsa skont l-Ordinanza dwar Akkwist ta’ Artijiet (Kap88, Sezz. 22). Għalhekk is-sid tal-proprjetà indikata separatament ikun inkluż ma dawn is-sidien u jitħallas il-kumpens dovut lilu.

Attivitajiet kulturali mtellgħin mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew iffinanzjati l-lokalitajiet kollha sabiex itellgħu l-attivitajiet kulturali għas-sena d-dieħla cioè is-sena 2012 u fuq liema kriterji qed jingħata dan il-finanzjament? Liema huma l-kunsilli li applikaw biex jibbenefikaw minn din l-iskema? Liema huma l-kunsilli li se jgawdu minn din l-iskema? Meta mistennija li ssir kull attività kulturali? Kemm hu previst li se tqum kull attività kulturali ? Kemm hu mistenni li joħroġ il-Gvern Ċentrali għal kull attività u kemm hu mistenni li joħrog il-kunsill għal kull attività?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-għażla tal-attivitajiet kulturali li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant saret a bażi ta’ kriterji stabiliti u ppublikati f’Memo 65-2011 u li l-Onorevoli Interpellant diġa għandu kopja tagħha peress li jirċievi l-Memoranda kollha li joħroġ id-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Memo 65-2011 u l-linji gwida li semmejt . Hekk kif id-Dipartiment irċieva l-applikazzjonijiet Bord maħtur apposta evalwa l-applikazzjonijiet mill-Kunsilli Lokali u aġġudikahom skont il-kriterji li semmejt. Taħt l-iskema Inizjattivi ta’ Attivitajiet 2012, il-Kunsilli Lokali se jkunu qed jorganizzaw 65 attività kulturali differenti – 50 f’Malta u 15 f’Għawdex – maħsuba biex jippromwovu l-identitajiet u l-wirt storiku tal-lokalijiet rispettivi, jattiraw aktar viżitaturi fosthom turisti, jiġġeneraw aktar kummerċ u jagħtu aktar spazju lill-artisti lokali biex jesebixxu x-xogħlijiet u t-talenti tagħhom. Permezz ta’ din l-iskema, li ħarġet għar-raba’ sena konsekuttiva, hu stmat li l-Gvern se jkun qed jinvesti madwar miljun u mitejn elf ewro (€1.2 miljun). 56 attività huma organizzati bejn 49 Kunsill Lokali. Seba’ Kumitati Amministrattivi, fosthom tlieta Għawdxin, bejniethom se jorganizzaw tmien attivitajiet kulturali oħrajn, waqt li l-Kumitat Reġjonali għal Għawdex se jkun megħjun biex jorganizza attivitajiet li jikkommemoraw Jum Għawdex. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ stqarrija għall-mezzi tax-xandir maħruġa mid-Dipartiment għall-Informazzjoni li tinkludi fiha kalendarju ta’ dawn l-attivitajiet kif ukoll tabella li tindika kif se jitqassam il-finanzjament għal kull attività magħżula. Intant hu impossibli li f’dan l-istadju nkunu nafu kemm ser tiswa’ kull attività. Dan ikun jista’ jingħad wara li jsiru l-attivitajiet jekk issir talba u tinġabar l-informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali.

kunsilli lokali — allokazzjoni finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-allokazzjoni finanzjarja ta' kull kunsill lokali u kumitati amministrattivi għas-sena 2012 imqassma skont il-funzjoniet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-allokazzjoni finanzjarja ta’ kull kunsill lokali imqassma skont il-funzjonijiet għas-sena 2012. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-allokazzjoni tal-Kumitati Amministrattivi, li hija inkluża fl-allokazzjoni tal-kunsilli rispettivi, għadha qed tinħadem. Nixtieq ngħid ukoll, illi, b’konsegwenza tar-reviżjoni li sar fl-estimi tal-gvern jista' jkun hemm xi aġġustamenti ukoll fl-allokazzjoni tal-kunsilli lokali.

talba biex jinxtara fond

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibbiltà hemm li l-fond, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hu milqut bil-liġi b'possession and use jinxtara?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi l-proprjeta’ li fuqha huwa mibni l-fond li dettalji tiegħu ntbgħatu separatament ġiet akkwistata mill-Gvern permezz ta’ Avviz nru 413 bid-data tal -4 ta’ Mejju 2011. Id-Dipartiment qiegħed jistenna l-pjanti neċessarji minn naħa ta’ l-Awtorita’ tad-Djar biex ikun jista jsir it-trasferiment tal-proprjeta’ lil din l-awtorità. Wara, il-proċess tal-bejgħ tal-proprjeta’ imsemmija separatament ikun jista jitkompla minn din l-Awtorita’

Taqsima Proprjetà tal-Gvern — kumpens lil individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31220 u 30823 u jgħid meta t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern se tikkompensa lis-sid li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-post tiegħu kien ittieħed għal skop pubbliku?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30823.

San Ġiljan — Triq il-Baħar l-Iswed - triq bla dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31198 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex id-dawl li jinsab maqtugħ fi Triq il-Baħar l-Iswed , San Ġiljan kważi quddiem Triq it-Tabib John Buontempo f'San Ġiljan għadu maqtugħ peress li ilu jiġi rapportat għal bosta ġimgħat li m'hemmx dawl? Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni tiġi solvuta din il-problema?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-bozoz imsemmija digà saritilhom il-manutenzjoni meħtieġa.

San Ġiljan — Triq il-Baħar l-Iswed - tirq bla dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-dawl li jinsab maqtugħ fi Triq il-Baħar l-Iswed , San Ġiljan kważi quddiem Triq it-Tabib John Buontempo f'San Ġiljan għadu maqtugħ peress li ilu jiġi rapportat għal bosta ġimgħat li m'hemmx dawl? Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni tiġi solvuta din il-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Transport Malta- tweġiba għal talba ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Trasport Malta mhux qed twieġeb għat-talba li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.

Liċenzja ta' gwardjan privat

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji qed jingħataw separatament li kellu licenzja ta' gwardjan privat miżmuma, għadu qed jistenna biex jieħu l-liċenzja lura wara li għamel t-talba fit-22 ta' Settembru 2011? Meta mistennija li ssirlu il-ġustizzja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant kellu l-liċenzja miżmuma peress li kien għaddej proċeduri kriminali quddiem il-Qorti. Issa li dawn il-proċeduri ġew eżawriti ninsab infurmat illi din l-applikazzjoni ġiet proċessata u l-applikant ġie wkoll infurmat li jista’ jmur jiġbor il-liċenzja.

Taqsima Proprjetà tal-Gvern — kumpens lil individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30823 u jgħid meta t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern se tikkompensa lis-sid li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-post tiegħu kien ittieħed għal skop pubbliku?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.