Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-pjanijiet għall-iskola tal-mużika? Fejn se tiġi rilokata u meta se jibda x-xogħol? Meta mistenni jintemm ix-xogħol? X'konsultazzjoni qed issir mal-għalliema kkonċernati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja flimkien mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada identifikaw sit fil-limiti ta’ Ħal Qormi li jista’ jservi ta’ post fejn jinbena l-Kulleġġ tal-Arti. Bħalissa qegħda tiġi ppreparata d-dokumentazzjoni teknika sabiex titressaq formalment il-proposta lill-MEPA għall-kunsiderazzjoni tagħha.
Sadanittant, inbeda l-proċess sabiex kull kors offrut f’dawn l-iskejjel ikun konformi mal-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Il-Kulleġġ tal-Arti ser ikun qed joffri korsijiet minn Livell 1 sa Livell 4 u f’xi ftit każi sa Livell 5. Studenti fil-qasam tal-Arti li jridu jkomplu jispeċjaliżżaw minn Livell 5 ’l fuq ser ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom fl-MCAST u fl-Universitá ta’ Malta.
Il-proċess ta’ validazzjoni qed isir bis-sehem tal-għalliema.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni tal-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li jgħixu f'fond li ġie mogħti mill-gvern u l-kċina tinsab fil-kantina?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanti in kwestjoni qegħda pproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra. Huma jikru post mill-privat u qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li fis-segretarjati li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru hemm 30 ħaddiem li m’humiex civil servants. Rigward il-Grad u x-xogħol qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tiegħu li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin hemm seba' ħaddiema fis-segretarjat tal-Ministru li m'humiex civil servants.Il-grad u x-xogħol tagħhom huwa:
Head of secretariat
Policy Coordinator
Żewġ (2) Secretariat Officers
Żewġ(2)Xufiera/Security Officers
Wieħed (1) Messaġġier
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tiegħu li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ammont ta' ħaddiema li mhumiex civil servants li hemm fis-segretarjati tiegħi, huwa ta' sebgħa. Il-grad u x-xogħol tagħhom huwa ta: Policy Coordinator, Communications Coordinator, Head of Secretariat, Secretariat Officer, Driver, Assistant Private Secretary u Project Coordinator.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tiegħu li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fis-segretarjat tiegħi hemm żewġ (2) persuni li m’humiex civil servants jew impjegati ma’ xi entità tal-Gvern. Dawn huma impjegati bħala drivers.
Jista' l-Ministru jgħid min jista' jibbenefika mill-benefiċċju tal-qagħad?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor interpellant li biex persuna tikkwalifika għall-Benefiċċju tal-Qagħad, trid:
(i) tkun qed tirregistra taħt l-Ewwel Parti tar-Reġistru miżmum mill-Korporazzjoni għal Impjiegi u Taħriġ,
(ii) tissodisfa żewġ-testijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurta soċjali – l-ewwel test li tkun ħadmet u ħallset ħamsin (50) kontribuzzjonijiet tul il-ħajja assigurabbli tagħha u fl-aħħar sentejn kalendarji li jiġu qabel it-talba għal benefiċċju kellha ta’ l-anqas għoxrin (20) kontribuzzjoni imħallsa jew akkreditati.
persuni li jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol u taħriġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol u taħriġ? Minn liema lokalità jiġu dawn il-persuni cioè numru ta' persuni minn kull lokalità li qed jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol u taħriġ? Kemm hu intitolat li wieħed jew waħda tieħu bħala benefiċċju fi flus fil-ġimgħa meta din il-persuna tkun qed tirreġistra għax-xogħol fl-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol u taħriġ?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoi Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 għal kull sena, kemm kien hemm persuni li rreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol u taħriġ?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art mad-dawra tal-ground tal-football li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament humiex tal-gvern ċentrali, tal-kunsill lokali jew tas-settur privat?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li l-art mad-dawra tal-ground tal-football li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament, kif ukoll l-istess Ground tal-Football, kienu ġew dikjarata meħtieġa għal Skop Pubbliku permezz ta’ Dikjarazzjoni tal-President Nru 375 datata 7 ta’ Lulju 1985.
Il-
Ground tal-Football
ġie trasferit lill-Kunsill Malti għall-Isport permezz ta’ Avviz Legali Nru 86/2010 datat 19 ta’ Frar 2010, filwaqt li l-art tal-madwar ġiet devoluta lill-Kunsill Lokali tal-lokal fejn jinsab dan il-
football ground.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-viżjoni tal-gvern għas-settur tat-tagħlim fl-qasam artistiku cioè arti, mużika, drama, żfin eċċ.?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellenat li l-viżjoni tal-Gvern għas-settur tat-tagħlim fil-qasam artistiku cioè arti, mużika, drama, żfin hi spjegata fid-Dokument ta’ Politika Kulturali Nazzjonali li ġie ppubblikat s-sena l-oħra. Kapitlu 3 hu speċifikament fuq hekk.
Barra minn hekk, aktar dettalji ser jitħabbru fl-Abbozz ta’ Strateġija għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li għandu jiġi ppubblikat dalwaqt.
kunsilli lokali — applikazzjonijiet għal toroq residenzjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li kitbu lill-awtoritajiet kkonċernati rigward it-toroq li qatt ma saru fil-lokalitajiet tagħhom u li l-Gvern Ċentrali hu responsabbli għalihom? Huwa possibli li tibgħat meta saru t-talbiet minn kull kunsill lokali għal kull triq residenzjali li qatt saret? X'kienet ir-risposta tal-awtoritajiet ikkonċernati fuq kull triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 24/2012 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq residenzjali kollha li qatt ma saru fil-lokalitajiet kollha f'Malta u Għawdex u li ġew imwegħda mill-gvern fil-passat li kellhom isiru? Meta mistennija li jsiru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li fil-passat applikaw għall-iskema tal-Public Private Partnership għat-toroq residenzjali? Liema huma l-kunsilli lokali li l-gvern aċċetta t-talba tagħhom? Liema huma t-toroq kollha proposti minn kull kunsill lokali li jsiru minn din l-iskema tal-Public Private Partnership? Liema huma t-toroq kollha li s'issa saru b'din l-iskema tal-Public Private Partnership? Liema huma t-toroq li għadhom ma sarux imma ġew imwegħda li għandhom isiru? Meta mistennija jsiru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li applikaw 46 Kunsill Lokali sabiex jagħmlu toroq fil-lokalitajiet tagħhom permezz tal-iskema tal-PPP. Infurmat ukoll li ma kienx hemm xi applikazzjoni li ma ġietx aċċettata. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella 1 li turi dan kollu.
Magħha wkoll qed inpoġġi Tabella 2 li telenka t-toroq kollha proposti minn kull Kunsill Lokali.
Tabella 3 telenka t-toroq kollha li saru sa issa bl-iskema konċernata, filwaqt li Tabella 4 tiġbor t-toroq li għadhom ma sarux imma mistennija li jsiru/jitlestew matul din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid min hu intitolat biex jibbenefika mill-pensjoni tal-wens? Kemm hu l-massimu ta' dħul fi flus li wieħed jista' jibbenefika minn din il-pensjoni tal-wens? Mis-sena 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 kemm hemm persuni li bbenefikaw minn din il-pensjoni? Mil-liema lokalità jiġu?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill Onorevoli interpellant li sabiex tapplika għall-Pensjoni tal-Wens trid tkun guvni jew xebba, inkella separat/a jew armel/a, u tkun qed iddur b’xi ħadd jiġi minnek li jkun jinsab f’sodda jew wheelchair.
Il-massimu li persuna tista tibbenefika bħala Pensjoni tal-Wens huwa ta €98.69 fil-ġimgħa. Barra dan ikun intitolat għall-Bonus addizzjonali, il-bonus ta’ Ġunju u Diċembru, karta roża, benefiċċju ta’ l-Energija u għajnuna li tiġi mill-EU. Jista ukoll jikkwalifika għall-Għajnuna Medika (SKA) pero f’isem il-kap tal-familja.'
l-Ammont ta persuni li ibbenefikaw mis-sena 2008 sal-lum huwa kif jidher fit-tabella kif impoggija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — direttivi tal-Unjoni Ewropea
Question
Tista' l-Ministru telenka d-direttivi kollha tal-Unjoni Ewropeja flimkien mal-korrispettiv Att Malti li bih dawn id-direttivi ġew introdotti fis-sistema legali Maltija? Tista' tinkludi dawk id-direttivi li ġew transposed kemm fl-Atti Parlamentari, avviżi legali jew atti oħra, inklużi dawk amministrattivi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 35239 tas-Seduta 486.
Ministeru għal Għawdex — direttivi tal-Unjoni Ewropea
Question
Tista' l-Ministru telenka d-direttivi kollha tal-Unjoni Ewropeja flimkien mal-korrispettiv Att Malti li bih dawn id-direttivi ġew introdotti fis-sistema legali Maltija? Tista' tinkludi dawk id-direttivi li ġew transposed kemm fl-Atti Parlamentari, avviżi legali jew atti oħra, inklużi dawk amministrattivi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 35239.