Wied il-Għajn — servizz ta' trasport pubbliku għall-Bormla
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern li r-rotta li qabel kienet ir-Rotta 124 u issa saret 22 u qabel ir-riforma ta' trasport din ir-rotta kienet titlaq minn l-Isla u tmur Wied il-Għajn terġa tiġi introdotta u cioè li ċ-ċittadini tal-isla mgħandhomx għalfejn jimxu sa Bormla biex jużaw it-Trasport ta' Wied il-Għajn imma ikun hemm karozza tal-linja li tibda mill-Isla?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandiex il-ħsieb li timmoniterja li trasport pubbliku li jibda mill-Isla filgħodu li ikun aktar effiċjenti u jibda jitlaq fil-ħin u mhux xi kwarta jew għoxrin minuta tard kif qed jiġri fil-preżent? Jista' jgħid x'passi se tieħu Trasport Malta vis-à-vis li filgħodu il-karozzi tal-linja li titlaq minn l-Isla għal ħabta tal-5:30am ma titħalliex startjata għal tul ta' ħin b'konsegwenza li tagħmel storbju kbir f'ħinijiet kmieni ta' filgħodu? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li t-trasport pubbliku ta' kull nhar ta' Ħadd mill-Belt sal-Isla ikun kull nofsija u mhux ta' siegħa kif hemm fil-preżent?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta se tkun qed tagħmel moniteraġġ fuq ir-Rotta 1 fil-ġimgħat li ġejjin sabiex tkun tista’ tidentifika jekk hemmx xi nuqqasijiet fuq żamma ta’ ħinijiet.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward ta’ vetturi li jitħallew startjati, l-Awtorità ħadet ħsieb tkellem lill-operatur tat-trasport fuq dan l-ilment.
Infurmat ukoll, li għalkemm bħalissa m’hemmx il-ħsieb li nhar ta’ Ħadd ir-Rotta 1 tiżdiedilha l-frekwenza għal kull 30 minuta, Transport Malta ħadet nota ta’ din it-talba.
Jista' l-Ministru jgħid s'issa kemm hemm kunsilli lokali li bbenifikaw mill-iskema Binja Tiegħi, id-Dar Tiegħi?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi matul l-2011 ibbenefikaw 17-il kunsill lokali minn din l-iskema li permezz tagħha saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fi 199 binja bi spiża ta’ €995,000.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm kunsilli lokali li bejn Jannar 2012 sal-lum weħlu xi multa/penali ta’ kull xorta mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali ? Jekk fl-affermattiv, min huma l-kunsilli lokali, x'inhu l-ammont ta' kull multa u x'inhuma r-raġunijiet għall-istess multa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar wara diversi talbiet minn persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha ma weġbitx l-ittra mibgħuta?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna in kwestjoni toqgħod ġo post tal-gvern fit-tielet sular u applikat biex ibiddel nhar it-22 t’April, 2010. Hija tixtieq li jiġi allokata post terran, peress li għandha problemi ta’ saħħa, fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar. Mil-lista tat-tpartit m’hemm ħadd interessat biex immur fil-lokalità ta’ Bormla u fil-preżent l-Awtorità tad-Djar m’għandiex postijiet fil-pjan terran vakanti fil-lokalità ta’ Ħaz Żabbar.
Isla — Proġett ta' rijabilitazzjoni tax-Xatt mill-Maċina sal Boiler Wharf
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda t-tielet fażi tal-proġett li jaħseb biex issir rijabilitazzjoni tax-xatt mill-Maċina sal-Boiler Wharf fl-Isla? X'jikkonsisti eżatt dan ix-xogħol? Meta mistenni ikun lest? Kemm se jiġi jiswa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din il-fażi tal-proġett imsemmi mistennija li tibda għal nofs Lulju 2012.
Dan ix-xogħol jikkonsisti f’
road
re-surfacing
u
hard and soft landscaping
taz-zona u huwa mistenni li jkun lest fl-ewwel kwart tas-sena 2013. Se jiġi jiswa € 1.8 miljun.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-awtoritajiet kkonċernati ġibdu l-garanziji bankarji tal-kuntrrattur li kien qed jaħdem fil-proġett tax-Xatt ta' Bormla li jammontaw għall-€957,000?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tagħha li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-Segretarjat Privat hemm tliet ħaddiema li mhumiex impjegati taċ-ċivil. Dawn huma elenkati hawn taħt:
Communications Co-ordinator
Secretariat Officer
Driver/Security Officer.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-file li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament quddiem id-Dipartiment tal-Artijiet?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li l-proċess tal-file li d-dettalji dwaru ngħataw separatament ġie finaliżżat u l-proprjetà in kwsitjoni ser tgħaddi f’idejn l-Awtorita’ tad-Djar biex isiru t-tiswijiet neċessarji. Madanakollu, dan it-trasferiment iseħħ wara li l-istess awtorità toħroġ Avviż Legali li permezz tiegħu isir it-trasferiment tat-titlu.
Jista' l-Ministru jgħuid x'passi qed jieħdu l-awtoritajiet konċernati rigward problema kbira li bdiet minn meta beda l-proġett ta' Smart City cioè li qed ikun hemm ħafna ġrieden madwar iż-żona ta' bejn iċ-ċimerterju tal-Inglizi l-Kalkara fi Triq Santu Rokku u Smart City?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li dan l-aħħar id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva diversi lmenti rigward infestazzjoni ta’ ġrieden fiż-żona ndikata. L-aħħar tlett trattamenti għal kontra l-ġrieden saru fit-30 u l-31 ta’ Mejju u fit-12 ta’ Ġunju, 2012 rispettivament. Fit-13 ta’ Ġunju, saret spezzjoni minn uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali fit-Triq Santu Rokku l-Kalkara minn ħdejn iċ-Ċimitrju tal-Ingliżi sa’ Smart City fejn ma nstabu l-ebda akkumuli ta’ skart organiku iżda biss xi ftit ħaxix ħażin li jikber mal-ġenb tat-toroq.
Iż-żona indikata hija fil-kampanja fejn hemm bosta għelieqi li jinħadmu u oħrajn le u huwa komuni li jkun hemm ġrieden tal-għelieqi. Barra minn hekk l-iżvilupp ta’ Smart City għadu għaddej u meta tinqala’ l-art biex tiġi żviluppata, il-bejtiet tal-ġrieden jitkissru u għalhekk jidhru aktar ġrieden jiġru fit-toroq.
Madankollu d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ser jibqa jżomm din iż-żona taħt monitoraġġ u ser jibqgħu jsiru t-trattamenti neċessarji sabiex il-problema ta’ nfestazzjoni ta’ ġrieden tibqa taħt kontroll.
Żona magħrufa bħala il-Kalanka tal-Patrijiet — Aċċessibilità għall-Għawm
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ż-żona magħrufa l-Kalanka tal-Patrijiet, in-naħa ta' fejn qed isir il-proġett ta' Smart City u fl-aħħar snin ingħalqet għal qawwiema terġa' tinfetaħ biex wieħed ikun jista' jmur jgħum hemm?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ż-żona magħrufa l-Kalanka tal-Patrijiet mhijiex waħda miż-żoni uffiċċjali għall-għawm u għalhekk ma jsir l-ebda monitoraġġ tal-ilma baħar f’din iż-żona. Fil-passat kien hemm rakkmandazzjoni biex ma jsirx għawm minnħabba li din iż-żona kienet fil-viċinanza tas-‘sewage outflow’. Peress li issa d-drenaġġ kollu qed jiġi trattat qabel ma’ jintefa’ fil-baħar din ir-rakkomandazzjoni m’ għadiex tapplika.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-Awtorità tad-Djar twieġeb din l-ittra li d-dettlaji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni qegħda pproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra. Hija tikri post mill-privat u tħallas kera ta’ €2, 796. fis-sena però tibbenefika minn sussidju fuq il-kera li jammonta għall-€966.69 fis-sena. Dan ifisser li din il-persuna tħallas minn butha kera ta’ €152.44 fix-xahar.
L-Awtorita’ tad-Djar pre¿entament għandha 231 persuna li jibbenefikaw minn sussidju tal-kera i¿da li wkoll għandhom applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita — ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tiegħu li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat hekk:
Fl-uffiċċju tas-Segretarjat tal-Ministru hemm tmienja min-nies li m’humiex uffiċjali tas-Servizz Pubbliku. Dawn jokkupaw il-gradi ta’ Communications Coordinator, Policy Coordinator, Messaġġier, Member of Secretariat Pool, u Xufier.
Fl-ufficcju tas-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari hemm tmienja min-nies li mhumiex tas-Servizz Pubbliku. Dawn jokkupaw il-gradi ta’ Kap tas-Segretarjat, Segretarju Privat, Secretariat Officer, Member of Secretariat Pool, u Xufier/Security Officer.
Dawn kollha jagħmlu dmirijiet marbuta mal-gradi tagħhom.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tiegħu li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. F’kull każ, il-persuna ndikata tagħmel ix-xogħol abbinat mal-pożizzjoni li qed tokkupa.
Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tiegħu li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-Segretarjat tiegħi hawn 6 persuni li mhumiex taċ-Ċivil fil-gradi ta’ Kap tas-Segratarjat, 2 Uffiċjali tas-Segretarjat, Charwoman kif ukoll 2 xufiera.