Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38064 u jagħti lista ta' donazzjonijiet li ngħataw lill-NGOs bħal Fondazzjoni Wirt Artna, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għall-Ambjent Aħjar eċċ. mill-2008 sal-lum mill-fondi tal-gvern bħal Good Causes Fund u minn dipartimenti, entitajiet u kumpaniji tal-gvern?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward ta’ donazzjonijiet li ngħataw min-National Lotteries Good Causes Fund, nitlob lill-Onorevoli Membru biex jirreferi għar-Rapporti Annwali li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37469, 36307 u 35939 u jgħid minn sena ilu 'l hawn kemm tneħħew postijiet ta' parkeġġ minn l-awtoritajiet kkonċernati f'kull lokal?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jara għaliex l-Awtorità tad-Djar għadha ma weġbitx it-talba tal-pesuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni reġgħet ġiet attivata nhar it-13 ta’ Novembru, 2012 u ser issirilha l-ispezzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistqosija parlamentari 37741, jista' l-Ministru jara li din l-applikanta tmur f'post li jinsab vojt fil-lokalità ta' Birżebbuġa li hu tal-Gvern ta' Malta u li r-referenza tiegħu qiegħda tingħata separatament?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar m’għandha l-ebda applikazzjonijiet pendenti għat-tpartit bejn dawn iż-żewġ applikanti.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li ftit żmien ilu xtrat post ġdid u wara ftit għamlet talba rigward problema strutturali fl-istess fond, ġiet mitluba tmur għand perit privat u tħallas hi tal-ispejjeż?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-benefiċjarju iffirma konvenju biex jixtri l-proprjetà fit-22 ta’ Novembru, 2010 u ffirma l-kuntratt ta’ xiri fl-4 ta’ Lulju, 2011.
L-Awtorità tad-Djar irċeviet talba mingħand il-persuna indikata permezz ta’ email fit-12 t’Ottubru, 2012, liema talba kienet tikkonsisti f’ogħti ta’ pariri professjonali fuq alterazzjonijiet fil-proprjetà u installazzjoni ta’ servizzi.
L-Awtorità mhix f’pożizzjoni illi tagħti dan it-tip ta’ servizz, speċjalment issa li għaddew madwar sena u nofs minn meta l-proprjetà inbiegħet.
Private Public Partnership — xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħallas kull kunsil lokali li benefika mill-iskema tal-Private Public Partnership f'xogħlijiet infrastrutturali bħal servizzi tal-ilma, drenaġġ u bankini f'kull triq li saret din is-sena u s-sena l-oħra? X'kien ix-xogħol f'kull triq? Liema kienu t-toroq? Kemm kienet l-ispiża li ħareġ il-kunsill f'kull triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 38552.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37443 u jgħid jekk Transport Malta għandiex il-ħsieb jew fil-preżent hemmx xi talba biex isir sleeping policeman fil-misraħ jew madwar il-misraħ ta' Ħaż-Żabbar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat minn Transport Malta li fil-preżent ma hemmx talba għal sleeping policeman fil-post imsemmi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37999 u jgħid liema huma l-clubs tal-football li bbenefikaw mill-good causes fund?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għar-rapport annwali tan-National Lotteries Good Causes Fund li jittpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għal din is-sena, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 38655 Football Clubs contributions - 2008-2012.xls
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37998 u jgħid x'inhi l-proċedura biex wieħed japplika sabiex jibbenefika mill-good causes fund? Min hu intitolat biex jibbenefika minn dan il-fond?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment www.finance.gov.mt, u qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37997 u jgħid minn meta twaqqfet il-good causes fundliema huma l-entitajiet li jibbenefikaw sena b'sena? Kemm kien l-ammont fi flus li ħadu kull entità?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Rapporti Annwali tan-National Lotteries Good Causes Fund għas-snin 2006 sa 2011 li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għas-sena 2012, dan se jitpoġġew s-sena d-dieħla kif stipulat fl-Att dwar il-Logħob u l-Lotteriji.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38211, 37894, 37469, 36307 u 35939 u jgħid minn sena ilu 'l hawn kemm tneħħew postijiet ta' parkeġġ minn l-awtoritajiet kkonċernati f'kull lokal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Impjant Ta' Barkat fix-Xgħajra — trakkijiet li jittrasportaw l-sludge
Question
Jista' jgħid x'passi qed jittieħdu biex titnaqqas ir-riħa li toħroġ mit-trakkijiet li jkunu qed jittrasportaw l-sludge mill-impjant Ta' Barkat fix-Xgħajra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34564.
Jista' jgħid meta se jitlesta x-xogħol ta' landscaping madwar l-impjant Ta' Barkat fix-Xgħajra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema stajdu waslet it-talba tal-Kunsill Lokali tax-Xgħajra rigward in-nuqqas ta' fondi minħabba formola żbaljata? F'liema stadju waslet it-talba tal-kunsill lis-segretarju privat tal-Prim Ministru li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward fondi speċjali għall-istess kunsill?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li minn meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali sal-llum (1994 – 2012), il-lokalità tax-Xgħajra irċeviet f’allokazzjoni diretta l-ammonti segwenti:
April 1994 – Marzu 1995: €29,408.00
April 1995 – Marzu 1996: €135,062.00
April 1996 – Marzu 1997: €87,668.00
April 1997 – Marzu 1998: €106,364.00
April 1998 – Marzu 1999: €108,456.00
April 1999 – Marzu 2000: €124,205.00
April 2000 – Marzu 2001: €115,388.00
April 2001 – Marzu 2002: €126,440.00
April 2002 – Marzu 2003: €126,519.00
April 2003 – Marzu 2004: €132,084.00
April 2004 – Marzu 2005: €134,818.00
April 2005 – Marzu 2006: €130,030.00
April 2006 – Marzu 2007: €135,845.00
April 2007 – Marzu 2008: €135,818.00
April 2008 – Marzu 2009: €134,847.00
April 2009 – Diċembru 2009: €110,758.00
Jannar 2010 – Diċembru 2010: €159,154.00
Jannar 2011 – Diċembru 2011: €161,218.00
Jannar 2012 – Diċembru 2012: €166,817.00
Barra dan, l-istess Kunsill Lokali tul l-istess perjodu irċieva s-somma ta’ € 44,332.00 permezz ta fondi minn skemi speċjali u għotjiet oħrajn.
Il-Kunsill Lokali tax-Xgħajra daħal ukoll fi ftehim mal-MITC u l-MITA sabiex isiru xogħolijiet infrastrutturali fil-lokalità b’nefqa ta’ €233,000.00. Ma’ dawn il-flus, il-ftehim kien jorbot ukoll li l-Gvern Ċentrali f’fondi tiegħu jkompli t-tieni fażi tal-proġett tax-Xatt. L-istess ftehim kien jorbot ukoll lill-Gvern Ċentrali sabiex jipprovdi sapport fil-qasam tal-ICT.
Fost investiment ieħor li sar fix-Xgħajra għall-Benefiċċju tar-residenti, Transport Malta għamlet it-toroq kollha imsemmija hawn isfel. Is-somma fuq dawn it-toroq tlaħħaq għall-aktar minn €430,000.00. It-toroq huma:
Triq A.G. Chesney
Triq il-Mulett
Triq Frans Minuti
Triq Ġdida fi Triq il-Knisja
Triq Kolu Vella
Triq il-Grottli
Triq Dwardu Ellul (part of)
Sqaq Qaċċawiet
Sqaq il-Grawnd
Triq iċ-Ċern
Triq il-Knisja (part of)
Triq il-Fortizza tal-Grazzja (part of)
Triq San Ġakbu
Fil-preżent, bil-għajnuna tal-Ministeru tiegħi, id-Dipartiment tal-Gvern Lokali qed jgħaddi s-somma ta €5,900.00 sabiex tagħmel tajjeb għal parti mill-ħlas tas-salarji minħabba ċirkostanzi partikolari li għandu l-Kunsill Lokali.
Dwar l-iskemi li applika għalihom il-Kunsill Lokali, ir-riżultat ser jiġi mħabbar fil-ġranet li ġejjin u l-
commitment letter
ser titqassam sal-aħħar tas-sena. Infurmat li anke hawn, il-Kunsill Lokali tax-Xgħajra ser jibbenefika minn ammont ta’ eluf ta’ ewro.
Dan iffisser li b’mod totali, il-Kunsill Lokali tax-Xgħajra gawda minn €2,500,000 f’allokazzjoni ta’ flus u investiment dirett mill-Gvern Ċentrali. Dan apparti t-toroq li saru minn Transport Malta kif imsemmi aktar ‘l fuq. Dan huwa ċertifikat ieħor ta’ kemm kienet tajba u b’viżjoni u ta’ ġid għal kull lokalità f’Malta u Għawdex meta ttieħdet id-deċiżjoni li jitwaqqfu l-Kunsilli Lokali li rrid infakkar li dak iż-żmien, kien hemm min ma qabilx u ddeskriva t-twaqqif tal-Kunsilli Lokali bħala ħela ta’ flus.
Fl-aħħar nett, napprezza jekk l-Onorevoli Interpellant jindikali fejn u kif il-formula li biha jitqassmu l-fondi tal-Kunsilli Lokali hija żbaljata. Nistiednu wkoll sabiex jekk għandu xi suġġerimenti kif tista tittranġa din il-formula, jgħaddili dawn il-punti bil-miktub sabiex jiġu kkunsidrati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li benefikaw mill-iskema tal-Private Public Partnership biex isiru x-xogħlijiet f'toroq residenzjali din is-sena u s-sena l-oħra? Liema kienu it-toroq f'kull lokalità? Kemm ġiet tiswa kull triq? Kemm ħareġ flus il-kunsill għal kull triq li saret? Kemm ħareġ il-gvern ċentrali għal kull triq li saret?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex xogħlijiet fi Triq is-Simar, Xemxija, twaqqfu u ma tkomplewx anke jekk kien imwiegħed li l-imsemmija triq kellha titlesta bħalma tlestew toroq oħra taħt l-iskema Private Public Partnership, kif indikat f'Memo 45/2010?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 36614. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitolbu jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Private Public Partnership — rikostruzzjoni tat-toroq
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif fuq kemm kienu l-kunsilli lokali li daħlu għal PPP fuq rikostruzzjoni tat-toroq mit-twaqqif tagħhom cioè minn meta bdiet l-iskema? Kemm ingħataw fondi mill-Gvern Ċentrali lil kull kunsill lokali taħt il-ftehim tal-PPP tat-toroq u jista’ jgħid jekk din l-iskema tal-PPP kenitx tikkaverja rikostruzzjoni tal-bankini u tas-servizzi? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull kunsill fuq bini ta’ bankini u tas-servizzi anċillari jekk ma kienux ikkaverjati taħt il-ftehim tal-PPP?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jelenka l-Kunsilli Lokali li bbenefikaw mis-sistema ta’ Public Private Partnership ta’ toroq u l-fondi li ngħataw sa issa kif ukoll kemm fadal jingħataw mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema ta’ Public Private Partnership tat-toroq tkopri
resurfacing
ta’ toroq u mhux rikostruzzjoni. Dan peress li tal-aħħar mhux kompitu tal-Kunsilli Lokali iżda ta’ Transport Malta.
Ninfurmah ukoll li s-sistema ma tkoprix rikostruzzjoni ta’ bankini u tkopri parti mill-ispiża tas-servizzi. Għaldaqstant id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qiegħed jiġbor din l-aħħar parti tal-informazzjoni mitluba mingħand il-Kunsilli Lokali nfushom permezz ta’ Memo 53/2012. Inkun nista’ npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra din l-informazzjoni hekk kif dan l-eżerċizzju jkun komplut.