Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’ċerti każijiet it-tfal humiex iqattgħu aktar żmien fil-faċilità tal-Young People's Unit (YPU) milli suppost tissuġġerixxi s-sistema jew il-pjan ta’ trattament? Jista’ jelenka b’mod ġenerali, x’inhuma r-raġunijiet għaliex qed iseħħ dan u jispjega jekk hemmx mekkaniżmu ta’ reviżjoni regolari biex jiġi evalwat jekk il-programmi u t-terapiji humiex effettivi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li meta jkun hemm każijiet eċċezzjonali, fejn il-kundizzjoni psiko-soċjali timmerita pjan ta’ kura w trattament tailor made għall-ħtiġijiet partikularissimi tal-minuri in kwistjoni, tittieħed l-azzjoni l-aktar xierqa skond iċ-ċirkustanzi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-proċess sabiex jiġi deċiż jekk ċerti tfal għandhomx jingħataw servizz statutorju fil-Young People’s Unit (YPU), anke meta l-problemi jkunu prinċipalment ta’ mġiba, min jieħu dawn id-deċiżjonijiet u fuq liema kriterji?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li hemm kiriteriji ċari f’protocol. Il-persuna irrid ikollha problema serja ta’ saħħa mentali li tpoġġi lilha jew lil ħaddiehor f'riskju kif ukoll li t-trattament ma’ jistax jingħata fil-komunità b'mod sigur.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema kuntest kliniku qed tintuża l-mediċina ġewwa l-Young People's Unit (YPU), u kif qed jiġi assigurat li l-mediċina tingħata bħala parti minn trattament integrat flimkien ma’ terapiji oħra komplementari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-mediċina tintuża skond il-linji gwida tal-kundizzjoni speċifika u dejjem bħala parti minn pjan ħolistiku multidixxiplinari (MDT careplan). Wara admission ikun hemm l-ewwel review minn MDT (dejjem fil-preżenza ta’ tabib, infermiera u professjonisti ohra kif ukoll caregiver u pazjent) u jiġi deċiż jekk hemmx il-bżonn tkompli l-admission u x'inhu l-għan terapewtiku li l-professjonisti jridu jilħqu u kif.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-membri tal-istaff tal-Young People’s Unit (YPU) huma mħarrġa b’mod speċifiku biex jindirizzaw il-bżonnijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ, partikolarment f’oqsma bħal terapiji, relazzjonijiet mal-ġenituri, l-użu ta’ riżorsi barra mis-servizz, u l-proċeduri f’każijiet ta’ tensjoni jew aggressività?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bħala terapija speċifika, l-istaff ġie mħarreġ f'Dialectical Behaviour Skills, De Escalation (tal-kbar u tat-tfal li hu aktar specjalizzat), SAVRY (risk assessment) u ASMR (suicide risk assessment and safety netting).
Minbarra hekk, kull professjonista għandu wkoll it-training speċifiku tiegħu skond il-professjoni.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-taħriġ li ngħataw il-membri tal-istaff tal-YPU. Apparti minn hekk, diversi membri jattendu konferenzai iffukati fuq l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom.
Konċessjoni/permess għall-imwejjed u siġġijiet barra l-istabbilimenti tax-xorb u tal-ikel
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istabbilimenti li kellhom il-konċessjoni jew il-permess għall-imwejjed u siġġijiet barra l-istabbilimenti tax-xorb u tal-ikel għal xi perjodu jew perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2024 u l-31 ta’ Awwissu 2025 u jindika għal liema perjodu jew perjodi kull stabbiliment kellu konċessjoni jew permess?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-mediċina Amgevita 40mg (li fiha l-ingredjent prinċipali Adalimumab) għal min ibati bil-kundizzjoni Hidradenitis suppurativa terġa' tiġi provduta fl-iskema tal-POYC u meta? Fil-frattemp, x'soluzzjoni ser tiġi offruta lil dawk il-pazjenti li ma jistgħux jieħdu l-mediċina Hyrimoz 40mg?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li qegħdin isiru l- isforzi kollha sabiex d-Dipartiment tas-Saħħa jipprovdi ukoll l-‘adalimumab’ mingħajr ‘citric acid’, l-‘excipient’ li huwa mifhum li qed jikkawża il-problemi ta’ uġigħ waqt l-amministrazzjoni f’ċertu pazjenti. Qed isiru wkoll konsiderazzjonijiet biex dan jibda jsir ukoll b’mod standard (i.e. li wieħed kategorikament jelimina dan l-‘excipient’ fl-ispeċifikazzjoni teknika).
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti bil-kundizzjoni Hidradenitis suppurativa li kellhom jieqfu jieħdu trattament minħabba li l-mediċina Hyrimoz 40mg qed ikollha effetti mhux mixtieqa fuqhom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li kien hemm pazjent wieħed bil-kundizzjoni Hidradenitis suppurativa li formalment irraporta li kellu problema bil-prodott Hyrimoz. Fl-istess żmien kien hemm ukoll xi 3 pazjenti li jidher li żviluppaw xi problema bil-prinċipju attiv (adalimumab) u lil dawn, b’kollaborazzjoni mal-konsulent tagħhom ġiet mogħtija mediċina oħra (bi prinċipju attiv ieħor) għall-istess kundizzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex twaqqfet il-mediċina Amgevita 40 MG bl-ingredjent prinċipali Adalimumab mill-iskema tal-POYC għal min ibati mill-kundizzjoni Hidradenitis suppurativa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Mediċina Amgevita hija biss waħda fost tipi oħra ta’ adalimumab 40 mg injection. Id-Dipartiment tas-Saħħa qatt ma iffavorixxa ditta partikolari ta’ adalimumab fuq oħrajn, u għaldaqstant ġieli kien hemm ditti oħra ta’ adalimumab mixtrija. Għalhekk, adalimumab 40 mg injections ma twaqqafx mill-iskema tal-POYC.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta’ pazjenti li jbatu bil-kundizzjoni Hidradenitis suppurativa fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar ħames snin, kien hemm 106 pazjenti li jbatu bil-kundizzjoni Hidradenitis, li rċivew trattament mediku fl-Isptar Mater Dei.
Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fi Triq Salvu Saliba fiż-Żurrieq, meta huwa ppjanat li jitlesta u x'miżuri qed jittieħdu biex jitnaqqas l-inkonvenjent speċjalment tat-trabijiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta bdiet xogħlijiet f’numru ta’ toroq fiż-żona ta’ Bubaqra fi Frar 2025. Dawn jinkludu xogħlijiet fi Triq Costantino Farrugia, Triq Remig Sacco, Triq Salvu Saliba, Triq San Porfirju u Triq Dun Nazzareno Tonna.
Fil-mument għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq Dun Nazzareno Tonna li għandhom jitlestew sal-aħħar t’Ottobru. Triq Costantino Farrugia, Triq Remig Sacco, Triq Salvu Saliba u Triq San Porfirju huma lesti bl-ewwel saff t’asfalt, sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent tat-trabijiet. Kif titlesta Triq Dun Nazzareno Tonna, jingħata l-aħħar saff t’asfalt lit-toroq kollha flimkien.
Birżebbuġa — Wesgħa Carmelo Caruana - Permessi relatati mal-imwejjed u s-siġġijiet
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numri tal-permessi relatati mal-imwejjed u s-siġġijiet f’Wesgħa Carmelo Caruana, f’Birżebbuġa, u jannetti magħhom is-site plan, il-pjanta u t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kull permess?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Birżebbuġa — Wesgħa Carmelo Caruana - Permessi relatati mal-imwejjed u s-siġġijiet
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numri tal-permessi relatati mal-imwejjed u s-siġġijiet f’Wesgħa Carmelo Caruana, f’Birżebbuġa, u jannetti magħhom is-site plan, il-pjanta u t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kull permess?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Birżebbuġa — Wesgħa Carmelo Caruana - Permessi relatati mal-imwejjed u s-siġġijiet
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numri tal-permessi relatati mal-imwejjed u s-siġġijiet f’Wesgħa Carmelo Caruana, f’Birżebbuġa, u jannetti magħhom is-site plan, il-pjanta u t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kull permess?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Il-Qrendi, Wied iż-Żurrieq — Sistema tad-drenaġġ - Tindif tal-fosos
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi offrut servizz f’Wied iż-Żurrieq, il-Qrendi, biex jitnaddfu l-fosos sakemm issir is-sistema tad-drenaġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-Customer Contract li timxi fuqu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, is-servizz ta’ tindif ta’ fosos b’xejn jingħata meta jiddaħħlu applikazzjonijiet ta’ natura domestika u mhux kummerċjali. Il-fosos huma responsabbiltà tas-sidien.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni huma rreġistrati bħala barbiera jew hairdressers ma’ JobsPlus sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru testijiet fuq vetturi dwar it-tagħbija tagħhom u jaqsam l-informazzjoni f’lista li turi l-kategorija tal-vettura; kemm minnhom kienu konformi u kemm minnhom ma kenux; x’kienu r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità; u kemm inħarġu ċitazzjonijiet għal kull kategorija mill-1 ta’ Settembru 2024 sat-30 ta’ April 2025, maqsuma xahar b’xahar?
Response (BONETT, CHRIS)
Qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.
Transport Malta — Testijiet fuq vetturi dwar it-tagħbija tagħhom - Imwieżen
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha mwieżen Transport Malta li jintużaw għal testijiet fuq vetturi dwar it-tagħbija tagħhom u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-log book li juri meta ntuża l-apparat u l-aħħar ċertifikat ta’ kalibrazzjoni ta’ kull miżien li ntuża mill-inqas darba matul dawn it-testijiet?
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li sar rigward il-proġetti ta’ Vjal Kulħadd fil-Fgura, kif ukoll l-istudji li saru għall-istess proġett dwar it-traffiku u l-immaniġġjar tal-ilma tax-xita?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li fl-2021 sar rapport fejn ġie konkluż bi proposta biex Triq Hompesch ssir żona pedonali. Għaldaqstant, bħala proġett taħt l-iskema ‘Vjal Kulħadd’, ġie sottomess masterplan lill-Infrastruttura Malta, fejn se jkunu responsabbli, fost l-oħrajn, għas-sistema tal-immaniġġjar tal-ilma tax-xita, konnessa ma’ ġiebja għall-ħażna tal-ilma.