Legislature:
Category:
Reset
Active:

AWAS - Persuni li jaħdmu bħala security

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-persuni li jaħdmu mal-kuntrattur bħala security fiċ-Ċentru tal-Immigranti f’Ħal Far jiġu impjegati direttament mal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil (AWAS)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li din hi xi ħaġa li diġa’ ġrat fil-passat meta kien hemm diversi ħaddiema li applikaw. Kulħadd ser jibqa’ jkollu ċ-ċans japplika.

Stabbilimenti tax-xorb u ikel - Permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istabbilimenti li kellhom il-konċessjoni jew il-permess għal imwejjed u siġġijiet fuq barra għal xi perjodu jew perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2024 u l-31 ta’ Awwissu 2025, u jindika għal liema perjodu jew perjodi kull stabbiliment kellu tali konċessjoni jew permess?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Belt Valletta - Stabbilimenti tax-xorb u ikel - Permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istabbilimenti fil-Belt Valletta li kellhom il-konċessjoni jew il-permess għal imwejjed u siġġijiet fuq barra għal xi perjodu jew perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2024 u l-31 ta’ Awwissu 2025, u jindika għal liema perjodu jew perjodi kull stabbiliment kellu tali konċessjoni jew permess?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jindika jekk hux qed jistaqsi, fil-parametri tad-domanda tiegħu, għal kull konċessjoni li tista tkun viġjenti.

Il-Belt Valletta - Stabbilimenti tax-xorb u ikel - Permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet barra l-istabbilimenti tax-xorb u tal-ikel fil-Belt Valletta, jiġux ivvettjati mill-uffiċċju tiegħu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor Interpellant li la l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u lanqas id-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taht id-dekasteru tiegħu ma jivvettjaw jew joħorgu l-imsemmija permessi.

Awtorità għat-Turiżmu - Permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet - Uffiċjali ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità għat-Turiżmu li huma responsabbli għall-permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet barra l-istabbilimenti tax-xorb u tal-ikel, u kif inhuma mqassmin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Awtorità għat-Turiżmu - Permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet - Uffiċjali ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità għat-Turiżmu li huma responsabbli għall-permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet barra l-istabbilimenti tax-xorb u tal-ikel, u kif inhuma mqassmin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorita’ għat-Turiżmu ma tifformax parti mill-portafoll Ministerjali tiegħi.

Awtorità għat-Turiżmu - Permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet - Uffiċjali ta’ infurzar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm uffiċjali tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità għat-Turiżmu li huma responsabbli għall-permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet barra l-istabbilimenti tax-xorb u tal-ikel, u kif inhuma mqassmin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa d-Direttorat tal-Konformita’ (Compliance) jew Infurzar għandu tmintax -il uffiċjal tal-infurzar ġewwa Malta u ħamsa ġewwa Għawdex li huma awtorizzati li jagħmlu spezzjonijiet fi stabbilimenti. Għall-kuntrarju ta’ li qed jigi mistoqsi mill-Onor. Interpellant, dawn l-uffiċjali jridu jieħdu ħsieb il-varjeta’ kollha ta’ liċenzji li toħroġ l-Awtorita’ u mhux imwejjed u siġġijiet biss. Dawn l-uffiċjali jridu jispezzjonaw liċenzji ġodda, jinvestigaw ‘complaints’, jagħmlu spezzjonijiet ta’ rutina u joħorġu fuq xogħol ta’ nfurzar f’zoni turistiċi u anke bajjiet.

Reviżjoni/Sostituzzjoni tal-iskema fl-2023 - Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ipproċessati applikazzjonijiet li għamlu użu mir-Reviżjoni/Sostituzzjoni tal-iskema fl-2023 permezz ta’ L.N. 96 ta’ 2023 li ssostitwixxa S.L. 552.26 (April 2023) u wessgħet l-iskema, maqsuma sena b’sena u lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu parzjalment f’ODZ u x’kien l-eżitu ta’ dawn l-applikazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra t-tabella mitluba.

Regularisation of Existing Development (Amendment) Regulations, 2020 - Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ipproċessati applikazzjonijiet li għamlu użu mir-Regularisation of Existing Development (Amendment) Regulations, 2020 (L.N. 375 ta’ 2020), emendi ulterjuri mal-qafas ta’ S.L. 552.26, maqsuma sena b’sena u lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-eżitu ta’ dawn l-applikazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-provedimenti tal-Avviż Legali 375 tal-2020 daħlu fis-seħħ qabel inħadem kwalunkwe kont li seta’ kien se jiġi affetwat bir-Regolament 7 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 552,26 (li dan l-Avviż Legali ħassar). Għaldaqstant l-Awtorità ma kellha tirrevedi l-ebda kont minħabba l-Avviż Legali 375 tal-2020.

Regularisation of Existing Development (Amendment) Regulations, 2018 - Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ipproċessati applikazzjonijiet li għamlu użu mir-Regularisation of Existing Development (Amendment) Regulations, 2018 (L.N. 282 ta’ 2018), maqsuma sena b’sena u lokalità b’lokalità?  Jista’ jgħid ukoll x’kien l-eżitu ta’ dawn l-applikazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-provedimenti tal-Avviż Legali 282 tal-2018 tħassru permezz tal-Avviż Legali 375 tal-2020, u għalhekk l-Awtorità ma imponiet l-ebda spejjeż addizzjonali fuq l-ebda applikazzjoni ta’ Regolarizzazjoni.

Regularisation of Existing Development Regulations, 2016 - Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ipproċessati applikazzjonijiet li għamlu użu mir-Regularisation of Existing Development Regulations, 2016 - L.N. 285 ta’ 2016, konsolidati bħala S.L. 552.26 li daħlu fis-seħħ fid-19 ta’ Awwissu 2016 u stabbilixxew l-iskema ta’ regularisation għall-irregolaritajiet eżistenti ġod-Development Zone (pre-2016), inkluż każijiet b’Category B concession, maqsuma sena b’sena u lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-eżitu ta’ dawn l-applikazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra it-tabella mitluba.

Birżebbuġa - Promenade mill-Freeport sal-Bajja s-Sabiħa - Kontenituri tal-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi fejn hemm il-ħsieb li jitpoġġew il-kontenituri tal-iskart li jintużaw mill-istabbilimenti tal-ikel u xorb kummerċjali meta jitlesta l-embellishment tal-promenade mill-Freeport sal-Bajja s-Sabiħa, f’Birżebbuġa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tpoġġija tal-kontenituri tal-iskart ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta’ tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Birżebbuġa - Promenade mill-Qajjenza sal-Bajja s-Sabiħa - Kontenituri tal-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi fejn hemm il-ħsieb li jitpoġġew il-kontenituri tal-iskart li jintużaw mill-istabbilimenti tal-ikel u xorb kummerċjali meta jitlesta l-embellishment tal-promenade mill-Qajjenza sal-Bajja s-Sabiħa, f’Birżebbuġa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tpoġġija tal-kontenituri tal-iskart ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta’ tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Permessi li ġew ippubblikati

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-persentaġġ ta’ permessi li ġew ippubblikati: f’anqas minn ħamest ijiem ta’ xogħol; bejn sitta u għaxart ijiem ta’ xogħol; bejn ħdax u ħmistax-il ġurnata ta’ xogħol; bejn sittax u għoxrin ġurnata ta’ xogħol; u f’aktar minn għoxrin ġurnata ta’ xogħol, mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella mitluba. Meta wieħed jiġi biex jinterpreta dawn il-figuri, jrid iżomm f’moħħu li dawn il-figuri jinkludu dawk il-ġranet fejn l-Awtorità tal-Ippjanar, leġiżlattivament, tkun inattivà. Dawn il-ġranet jinkludu l-ġimgħa tal-Għid, il-ħmistax fi żmien il-Festi ta’ Santa Marija u għaxart tijiem fi żmien il-Milied.

Każijiet ta’ frodi - Claims

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi referenza ta’ kull każ fejn kien hemm claim ta’ frodi mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u f’kull każ jgħid kemm għaddew ġranet mid-data tad-deċiżjoni sad-data ta’ meta nfetħet il-claim?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex ikun aktar speċifiku u ċar fil-mistoqsija tiegħu, u jispjega xi jrid ifisser meta jgħid każijiet ta’ “claim ta’ frodi.”

Awtorità tal-Ippjanar - Enforcement notices

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm inħarġu enforcement notices mill-Awtorità tal-Ippjanar f’żoni ta’ żvilupp u f’żoni barra miż-żoni ta’ żvilupp, mill-2013 sal-2024 maqsuma separatament u sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ingħalqu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma Onorevoli interpellant li qed inpoġġi fuq din il-mejda tal-kamra l-lista ta’ avviżi ta’ infurzar maħruġa mill-Awtorita tal-Ippjanar f’żoni ta’ żvilupp, kif ukoll barra miz-żoni ta’ żvilupp bejn l-2013 u Settembru 2025 kif mitlub.  Din l-informazzjoni inġabret minn fuq is-sistema elettronika tal-Awtorita.

Birżebbuġa - Triq Birżebbuġa - Sistema ta’ rain water management

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ser tkun il-kapaċità tas-sistema tar-rain water management ta’ Triq Birżebbuġa (in-naħa ta’ San Ġorġ), f’Birżebbuġa u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru li jikkonfermaw li s-sistema li ser issir, ser tkun qed tlaħħaq ma’ dak mistenni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema tal-ilma tax-xita li ser issir fi Triq Birżebbuġa ser ittaffi parti mill-problema ta’ għaragħar f’din it-triq. Ma kienx possibbli li din l-infrastruttura titkabbar iktar minħabba l-preżenza ta’ ammont kbir ta’ servizzi li hemm f’din it-triq.

YPU - Kuntatt mal-familji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jinżamm kuntatt regolari bejn il-Young People’s Unit (YPU) u l-familji ta’ dawn it-tfal u ż-żgħażagħ? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ appoġġ jew terapija qed tingħata lill-familji tagħhom bħala parti mill-proċess ta’ trattament?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li waqt il-visiting hours ta’ kuljum, il-caregivers huma mistiedna jattendu għall-ward rounds. Ikun hemm kuntatt telefoniku matul il-ġurnata skond il-bżonn.  Il-familji jiġu offruti servizz ta’ sapport u fejn hemm bżonn terapija tal-familja. Infurmat ukoll li l-YPU joffri ukoll Parent Support Service li huwa fuq bażi volontarja għall-ġenituri / care givers ta’ tfal u adoloxxenti li jkunu daħlu l-YPU. Dan is-servizz jingħata wkoll lill-ġenituri / care givers wara d-discharge tal-pazjent. L-għan tas-servizz huwa li jiġi offrut sapport, jeduka lill-ġenituri fuq il-problemi tas-saħħa mentali li jkunu qed jesperjenzaw it-tfal u jagħtihom il-ħiliet meħtieġa biex jgħinu lit-tfal bl-aktar mod effettiv. Infurmat li wara d-discharge jitkompla s-sapport għal-erba’ ġimgħat għall-pazjent u l-familja mis-servizz tal- Community Intervention and Home Treatment (CIHT) li hu parti mil-YPU.

YPU - Programmi edukattivi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’tip ta’ programm edukattiv qed jitwettaq bħala parti mill-kura fil-Young People’s Unit (YPU) u kif qed jiġi assigurat li jkun hemm separazzjoni ċara bejn l-ambjent ta’ kura u dak edukattiv, kif suppost isir f’dan it-tip ta’ servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li b'kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żagħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, hemm għalliema allokata full-time mal-YPU matul is-sena skolastika. Il-klassi hi separata mill-ambjent kliniku.  L-għalliema tieħu ħsieb li tiġbor l-informazzjoni akkademika mil-iskejjel tat-tfal biex b’hekk tipprepara x-xogħol għat-tfal skond il-livell akkademiku tagħhom. Il-preparamenti akkademiċi jsiru fuq bażi individwali.

YPU - Terapiji

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar it-tip ta’ terapiji li qed jiġu offruti fil-Young People’s Unit (YPU), inkluż jekk dawn humiex evidence-based, min qed iwettaqhom u kif qed jiġi evalwat l-impatt tagħhom fuq it-tfal u ż-żgħażagħ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-adolexxenti jaraw il-psikjatra , il-psikolugu jew psikoterapista skond il-kaz, occupational therapy, fiżjoterapija, DBT mal-keyworker taghhom (infermiera jew it-terapista residenti ), group therapy minn terapista , lezzjonijiet fil-ġranet tal-iskola minn edukatriċi, family therapy skond il-bżonn u għajnuna ta’ social worker skond il-bżonn. Hemm is-servizz tan-nutritionist jekk dan ikun indikat. Infurmat ukoll li l-impatt huwa evelwat b'mod kliniku f'kull review u skond il kundizzjoni (eż: f'każijiet ta’ ħsibijiet ta’ suwiċidju nużaw evidence-based scales biex nikkumparaw riskju minn darba ghal ohra. Infurmat ukoll li l-infermiera jagħmlu assesjar kontinwu, jiġi dokumentat u diskuss mal-profesjonisti involuti. Dan biex ukol jikontribwixxi għal pjan ta’ kura individwali.