Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birżebbuġa – Kappella tas-Sagra Familja — restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda r-restawr fuq barra tal-Kappella tas-Sagra Familja, Birżebbuġa, li għandu jinkludi l-bini taż-żewġ kampnari u l-portiku?

Response (BONNICI, OWEN)

Jekk titressaq it-talba għar-restawr taħt l-Iskema tal-Kunsilli Lokali li l-Ministeru jippubblika darba fis-sena, u jekk it-talba tkun konformi mal-kriterji tal-istess Skema, din tiġi ikkunsidrata fil-merti tagħha.

Energy Performance Certificates

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati, sena b’sena u sakemm titwieġeb din il-mistoqsija, Energy Performance Certificates (EPCs) għall-ewwel darba, maqsuma bejn bini jew installazzjonijiet privati, pubbliċi u kummerċjali, kemm minn dawn skadew, kemm minn dawk li skadew reġgħu ġew imġedda u kemm minn dawk li skadew għadhom skaduti? Kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru fiċ-ċertifikati li saru fl-ewwel ċertifikat ġew implimentati sakemm saret iċ-ċertifikazzjoni sussegwenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ħa tingħata f’seduta oħra.

Artijiet li ġew meħuda mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 512 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-area, il-valur ta' kumpens dovut u l-lokalità ta' artijiet li ġew meħuda mill-Gvern mill-1990 sad-data li fiha qed tiġi mwieġba din id-domanda u li għadhom ma ġewx ikkompensati b'mod sħiħ? Tista' tingħata d-data għal kull każ meta ser jingħata l-kumpens dovut u l-ammont tal-kumpens?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Magħtab – inċineratur – materjal skavat

Question

B'referenza għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 516, tista' l-Ministru, abbażi tal-lista mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra telenka t-tip u l-valur kummerċjali, f'każ ta' materjali ri-użabli jew riċiklabbli, tal-materjali li ser jitneħħa u/jew ser jiġi skavat mis-sit fejn ser jinbena l-inċeneratur fil-Magħtab u l-istruttura anċillari, inkluż iż-żoni ta' ħażna? Tista' tispjega wkoll fejn ser jintremew l-425 metru kubu ta' materjal li ser joħorġu mit-trinka li ser tinqata' lejn il-baħar u fil-baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-valur tal-materjal li qed jirreferi għalih ivarja skont il-kwalità tiegħu u l-effetti tas-suq b’mod ġenerali. Sabiex il-WasteServ tiżgura li tikseb l-aħjar valur għal dan il-materjal hija tipprovdi informazzjoni dwar il-ġeoloġija tal-post u b’hekk il-kuntratturi interessati jkunu jistgħu jikkunsidraw il-potenzjal tal-introjtu u jissottomettu l-aktar offerta vantaġġjuża. Kif muri fit-tabella li ġiet ippreżentata bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 516, qrib sittin fil-mija tal-materjal skavat se jiġi utilizzat fil-kostruzzjoni tal-impjant il-ġdid. Sakemm jerġa’ jintuża, dan huwa pprogrammat li jinħażen fis-siti li jiffurmaw parti mill-pjan Ecohive. Il-bqija tal-materjal jrid jittieħed f'faċilità li jkollha l-permessi meħtieġa sabiex taċċettah. Fir-rigward tal-materjal li se jiġi ġġenerat mit-tħaffir tat-trinka, d-dettall għal dan il-proċess jiġi ddeterminat skont ir-regolamenti applikabbli u kif approvat mir-regolatur.

Produzzjoni fil-Kostruzzjoni – statistika Eurostat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet jew x'inhi r-raġuni li minn Ottubru 2021, Malta ma baqgħetx tissottometti data dwar il-Produzzjoni fil-Kostruzzjoni għal fini ta' statistika tal-Eurostat? Jekk din id-data ġiet miġbura, tista' d-data u l-analiżi tagħha tiġi preżentata fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk din id-data ma ġietx miġbura, x'inhu l-effett fuq statistika oħra inkluż dik relatata mal-kontribut li din l-industrija tagħti lill-ekonomija?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li minħabba li mhuwiex fil-kompitu tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar li jiġbor tali statistika, il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.

Birżebbuġa – sistema tad-drenaġġ — upgrade

Question

Tista' l-Ministru telenka x'tip ta' upgrade hemm ippjanat fis-sistema tad-dranaġġ ġewwa Birżebbuġa biex tiġi eliminata l-ħtieġa li kull ftit ġranet jintbagħat bowser sabiex jiftaħ u/jew inaddaf is-sistema minn tappieri fi Triq iż-Żibra, Triq il-Bajja s-Sabiħa u minn bnadi oħra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinsab fil-fażi finali tal-preparazzjoni biex jinħareġ tender għal xogħlijiet biex tissaħħaħ is-sistema tad-drenaġġ fl-area indikata. Dan huwa parti min pjan sħiħ biex il-Korporazzjoni tipproteġi l-infrastruttura tagħha minn infiltrazzjoni ta’ ilma baħar fis-sistema tad-drenaġġ kif ukoll tilqa għal żieda fid-domanda fl-inħawi.

Birżebbuga – analiżi mill-ERA dwar volum tat-traffiku

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19204 tat-13-il leġiżlatura, tista’ l-Ministru tindika jekk saritx l-analiżi mill-ERA biex tistabbilixxi jekk il-volum tat-traffiku li jgħaddi mit-toroq Triq Birżebbuġa (il-partijiet kollha separatament), Dawret il-Qalb Imqaddsa, Triq Żaren Dalli, Triq il-Bajja s-Sabiħa u Triq San Patrizju illum jeċċedix l-livelli meħtieġ mid-direttiva għall-preparazzjoni ta’ noise maps? Fi kwalunkwe każ liema huma t-toroq li ser ikunu inklużi fl-istudji tal-ħsejjes li suppost ser tagħmel l-ERA matul din is-sena u li huma rikjesti mill-Environmental Noise Directive kif indikat fl-istess tweġiba? Tista’ tindika f’liema perjodu jew perjodi dan l-istudju ser isir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li l-istudju msemmi fir-risposta għal PQ 19486 tat-13 il-Leġislatura ġie ffinalizzat. L-ERA tikkonsulta lil Transport Malta biex tistabbilixxi jekk il-volum tat-traffiku li jgħaddi mit-toroq jeċċedix 3 miljun vettura fis-sena. Minn informazjzoni li ġiet mgħottija l-ERA, il-volum fi Triq Birżebbuġa (il-partijiet kollha separatament), Dawret il-Qalb Imqaddsa, Triq Żaren Dalli, Triq il-Bajja s-Sabiħa u Triq San Patrizju ma jeċċedix il-livelli meħtieġa mid-direttiva għall-preparazzjoni ta’ noise maps. Sadanittant l-Awtorità qiegħda fil-proċess li tingaġġa konsulenti biex tikkummissjona l-istudju dwar il-ħsejjes relatat mal-kumpilazzjoni tal-mapep strateġiċi tal-ħoss. Triq Għar Dalam u Triq Ħal Far ser ikunu parti minn dan l-istudju li mistenni jibda aktar tard din is-sena, bħala parti mill-obbligu ta’ rappurtar tal-Environmental Noise Directive.

Birżebbugia – Tal-Papa – low u fluctuating voltage

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 515, tista' l-Ministru telenka x-xogħlijiet li ser isiru, inkluż lista u pjanta tat-toroq li ser jinqalgħu minħabba dawn ix-xogħlijiet, jekk inhu l-każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li xogħol biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-inħawi tal-Papa u tal-Housing Estate f’Birżebbuġa jirrikjedi tħaffir ta’ trinek kif indikat fiż-żewġ site plans li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. It-toroq fejn ser isir dax-xogħol huma Triq l-Għerien, Triq tal-Papa, Triq il-Port Ħieles, Triq is-Sebħ, Sqaq in-Noqra, Triq in-Noqra, Triq Birżebbuġa u Triq Santa Katarina. Dan ix-xogħol għalkemm jista’ jikkawża xi ftit inkonvenjent għar-residenti qiegħed isir biex ir-residenti biex ma jibqax ikollhom varjazzjonijiet fil-vultaġġ tal-elettriku.

Żurrieq – Triq San Mikiel, Misraħ ir-Repubblika, Triq il-Kbira, Triq Pietru Pawl Saydon u Triq Santa Katerina – water catchment u management

Question

Jista' l-Ministru jinforma hemmx ħsieb ta' proġett ta' water catchment u management fiż-żoni ta' Triq San Mikiel, Misraħ ir-Repubblika, Triq il-Kbira, Triq Pietru Pawl Saydon u Triq Santa Katerina fiż-Żurrieq? F'każ li iva, jista' jagħti indikazzjoni ta' meta ser jibda dan il-proġett, id-deskrizzjoni tax-xogħlijiet u d-durazzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Birżebbuġa – Qajjenza – parkeġġ

Question

Wara numru ta' talbiet li l-Kunsill Lokali Birżebbuġa għamel lill-Ministri kkonċernati fiż-żewġ leġiżlaturi li għaddew, sabiex parti mill-art tal-ex-impjant tal-gass fil-Qajjenza, Birżebbuġa tintuża bħala parkeġġ għall-karozzi fis-sajf u għad-dgħajjes u l-karozzi fix-xitwa, u dawn ġew miċħuda jew ma ġewx imwieġba, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li parti minn din l-art tintuża għal dan l-iskop?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lil-Onor Interpellant għat-tweġibiet li kienu ngħataw fit-13 il-Leġislatura għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari fuq il-materja, fosthom 872, 888, 5693, 8543 u 11561, ninsab infurmata li sakemm l-Enemalta tieħu deċiżjoni finali dwar din l-art, fil-ġimgħat li ġejjien se tkun qed tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex parti’ mill-art tkun tista’ tintuża bħala parkeġġ temporanju.

Torri ta’ San Tumas – Film Tourism

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx il-ħsieb li parti mit-Torri ta' Mamo (Torri ta' San Tumas) li ser jiġi miftuħ bħala Mużew tal-Piraterija, tiġi mmirata lil Film Tourism b'temi ta' films maħdumin Malta u bi stands interattivi? Jekk le, hemm xi ħsieb li dan isir f'xi lok ieħor?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni tal-Films diġà fil-passat ħadmet fuq inizjattivi ta’ Screen Tourism flimkien ma’ entitatjiet bħalma huma l-Awtorità tat-Turiżmu kif ukoll Heritage Malta. Bħalissa il-Kummissjoni qiegħda filfatt tfassal strateġija għal Screen Tourism għas-snin li ġejjin f’kollaborazzjoni mal-istess entitajiet. Ninfurmah li filwaqt li għadhom ma sarux diskussjonijiet speċifikament fuq il-Mużew tal-Piraterija, diskussjonijiet fuq livell wiesa' għadhom għaddejjin biex il-wirt Ċinematografiku jingħaqad aktar mal-wirt Malti.

Port Ħieles – proġett tax-shore to ship – xogħol mill-Enemalta

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 514, jista’ l-Ministru jindika x’inhuma x-xogħlijiet li l-Enemalta ser tkun mistennija li tagħmel għall-implimentazzjoni tal-proġett tax-shore to ship fil-Port Ħieles?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Żurrieq — Triq Carmelo Caruana – ġnien

Question

Tista' l-Ministru tindika kemm ilu ma jinxtegħel il-ġnien fi Triq Carmelo Caruana ż-Żurrieq u meta hu mistenni li jitlestew it-tiswijiet u/jew ix-xogħlijiet relatati mad-dawl f'dan il-ġnien?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġnien huwa responsabilita' tal-Kunsill Lokali. Ninsab infurmata li l-Kunsill Lokali qiegħed f'diskussjoni mal-Enemalta biex tingħata provista adegwata u permanenti għal dan il-ġnien.

Ħal Far Model Flying Association – użu ta’ art fl-inħawi ta’ Wied Żnuber

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlametnari 511 u jikkonferma jekk kienx hemm jew hemmx ftehim bejn entità jew entitajiet governattivi u/jew aġenzija jew aġenziji tal-gvern u/jew awtorità jew awtoritajiet tal-gvern u l-Ħal Far Model Flying Association dwar l-użu ta' art fl-inħawi ta' Wied Żnuber, f'Ħal Far għall-użu mill-istess Assoċjazzjoni? F'każ li dan il-ftehim sar, għadu fis-seħħ kif kien jew ġie emendat? Tista' titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar verżjoni ta' dan il-ftehim? Liema kienu s-siti alternattivi li ġew ikkunsidrati għal dan l-iskop qabel sar il-ftehim? In vista tal-wegħda ta' qabel l-elezzjoni li l-ebda żvilupp mhu ser isir fiż-żona msemmija, hemm il-ħsieb li dan il-ftehim jiġi kkanċellat jew modifikat biex jirrifletti din il-wegħda? Liema huma s-siti alternattivi li qed jiġu kkunsidrati għall-użu ta' Ħal Far Model Flying Association? Liema huma l-partijiet ikkonċernati li qed jiġu kkonsultati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-istqarijiet maħruga kemm mil-Gvern kien wkoll mill-Indis.

Ħal Far Model Flying Association – użu ta’ art fl-inħawi ta’ Wied Żnuber

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm jew hemmx ftehim bejn entità jew entitajiet governattivi u/jew aġenzija jew aġenziji tal-gvern u/jew awtorità jew awtoritajiet tal-gvern u l-Ħal Far Model Flying Association dwar l-użu ta' art fl-inħawi ta' Wied Żnuber, f'Ħal Far għall-użu mill-istess Assoċjazzjoni? F'każ li dan il-ftehim sar, għadu fis-seħħ kif kien jew ġie emendat? Tista' titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar verżjoni ta' dan il-ftehim? Liema kienu s-siti alternattivi li ġew ikkunsidrati għal dan l-iskop qabel sar il-ftehim? In vista tal-wegħda ta' qabel l-elezzjoni li l-ebda żvilupp mhu ser isir fiż-żona msemmija, hemm il-ħsieb li dan il-ftehim jiġi kkanċellat jew modifikat biex jirrifletti din il-wegħda? Liema huma s-siti alternattivi li qed jiġu kkunsidrati għall-użu ta' Ħal Far Model Flying Association? Liema huma l-partijiet ikkonċernati li qed jiġu kkonsultati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jingabar u t-twegiba tingħata f’seduta oħra.

Artijiet li ġew meħuda mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-area, il-valur ta' kumpens dovut u l-lokalità ta' artijiet li ġew meħuda mill-Gvern mill-1990 sad-data li fiha qed tiġi mwieġba din id-domanda u li għadhom ma ġewx ikkompensati b'mod sħiħ? Tista' tingħata d-data għal kull każ meta ser jingħata l-kumpens dovut u l-ammont tal-kumpens?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jingabar u t-twegiba tingħata f’seduta oħra.

Port Ħieles – proġett tax-shore to ship – flus ivvutati fil-budget 2022

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm flus ivvutati fil-budget 2022 għall-proġett tax-shore to ship fil-Port Ħieles u jagħti aġġornament tal-istatus ta' dan il-proġett?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil Onor Interpellant li fondi mis-Sinking Fund li għandha l-Korporazzjoni u Fondi Ewropej taħt l-iskema Just Transition Fund se jintu¿aw għal dan il-proġett. Fuq dak li huwa status tal-proġett ngħaraf lill-Onorevoli Membru li bħalissa qed issir l-evalwazzjoni fuq it-tender relatat ma’ xogħol, ċivili u elettriku. Filwaqt li tender oħra fuq supervi¿joni tax-xogħol għadha miftuħa.

Port Ħieles – shore to ship – xogħlijiet mill-Enemalta

Question

Tista' l-Ministru telenka lista tax-xogħlijiet li għad jonqos isiru min-naħa tal-Enemalta sabiex ikun jista' jiġi pprovdut is-servizz ta' shore to ship fil-Port Ħieles? F'każ ta' xogħlijiet fit-toroq, tista' tiġi preżentata lista ta' toroq li ser jiġu affettwati? Kemm mistennija tkun l-ispiża? Tista' tingħata timeline ta' dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex, fir-rigward tal-proġett tax-shore to ship fil-Port Ħieles, iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Min-naħa tagħha l-Enemalta hija disposta li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett skont il-mandat li tingħata.

Birżebbugia – Tal-Papa – low u fluctuating voltage

Question

Tista' l-Ministru telenka l-pjan sabiex tiġi solvuta l-problema ta' low u fluctuating voltage li jeċċedi t-toleranzi permissibbli fl-inħawi Tal-Papa f'Birżebbuġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xahar id-dieħel l-Enemalta għandha tibda x-xogħlijiet meħtieġa ta’ tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-inħawi magħrufa bħala tal-Papa.

Magħtab – inċineratur – materjal skavat

Question

Tista' l-Ministru telenka lista li turi t-tip, il-kwantità u l-valur kummerċjali, f'każ ta' materjali ri-użabbli jew riċiklabbli, tal-materjal li tneħħa u ser jitneħħa u/jew ġie skavat u ser jiġi skavat mis-sit fejn ser jinbena l-inċineratur fil-Magħtab u l-istruttura anċillari, inkluż iż-żoni ta' ħażna? Tista' telenka l-proċedura ta' x'qed isir minn kull tip ta' materjal imneħħi jew skavat u x'tip ta' dokumentazzjoni u/jew ċertifikazzjoni li trid tiġi preżentata? Kemm saru spezzjonijiet biex jiġi vverifikat dak li qed jiġi ddikjarat u li qed jiġu esegwiti l-proċeduri stabbiliti u x'instab waqt dawn l-ispezzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mis-sit imsemmi, sal-lum tneħħiet biss il-ħamrija tal-wiċċ. Din il-ħamrija nżammet fil-faċilità tal-Wasteserv sabiex terġa’ tintuża. Sadanittant, il-materjal li jrid jiġi skavat ġie kkaratterizzat skont Termini ta’ Referenza maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għall-Istudji dwar l-Impatt Ambjentali. Saret ukoll analiżi kimika li ddeterminat li l-materjal mhuwiex perikoluż (hazardous) u li għaldaqstant jista’ jiġi ttrasportat, mormi jew użat mill-ġdid skont ir-regolamenti. Ninsab infurmata wkoll li l-ispezzjonijiet li għamlet l-ERA kkonfermaw li x-xogħlijiet ta’ skavar relatati mal-PA08038/21 għad iridu jibdew. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kwantità u s-sors tal-materjal li ser jiġi skavat skont ir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali ta’ Awwissu 2021.