Legislature:
Category:
Reset
Active:

Laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar it-trakka tal-karozzi f’Ħal Far

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dati meta saru laqgħat ta' konsultazzjoni ma’ għaqdiet ambjentali u/jew NGOs oħrajn, apparti dawk involuti fl-isport ikkonċernat, dwar it-trakka tal-karozzi f'Ħal Far, liema kienu l-għaqdiet li kkonsulta magħhom, x'kienu l-punti mqajma u kif se jiġu indirizzati speċjalment meta wieħed jikkonsidra li s-sit huwa anqas minn kilometru bogħod minn siti ta' importanza ekoloġika?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ġentilment nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 2027.

Ħal Far: trakka tal-karozzi – sound barriers

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta pjanta bil-pożizzjonijiet, it-tipi, il-qisien u photomontage li juri l-impatt viżiv tas-sound barriers li se jiġu installati madwar u fit-trakka tal-karozzi f'Ħal Far, jekk se jkun il-każ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ġentilment nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 2027.

Ħal Far: trakka tal-karozzi – tħawwil ta’ siġar

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta pjanta bil-pożizzjonijiet, it-tipi, il-qisien, l-età u photomontage tas-siġar li se jiġu mħawla madwar u fit-trakka tal-karozzi f'Ħal Far biex tiġi mmitigata l-problema tal-istorbju, jekk se jkun il-każ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ġentilment nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 2027.

Ħal Far: trakka tal-karozzi – immigranti li jinsabu f’ċentri miftuħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li immigranti li jinsabu fiċ-ċentri miftuħa, ċentri tar-refuġjati u ċentri oħra li jinsabu qrib u madwar is-sit fejn hemm il-ħsieb li tinbena t-trakka tal-karozzi f'Ħal Far, hux se jiġu rilokati u jekk iva, kemm minnhom u fejn?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ġentilment nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 2027.

Importazzjoni ta’ siment – EU Customs Tariff Codes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie importat siment, x'kienu l-EU Customs Tariff Codes użati u kemm tħallas dazju fuqu, sena b'sena, mill-2011 sal-2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra.

Importazzjoni ta’ ramel u żrar – EU Customs Tariff Codes

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema materja prima li eventwalment tintuża għall-kostruzzjoni, bħal ramel u żrar, ġiet importata, sena b'sena, mill-2011 sal-2021, x'kienu l-EU Customs Tariff Codes użati, x'kienu l-kwantitajiet minn kull tip u kemm tħallas dazju fuqha?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra.

Produzzjoni fil-Kostruzzjoni — data

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet jew x'inhi r-raġuni li minn Ottubru 2021, Malta ma baqgħetx tissottometti data dwar il-produzzjoni fil-kostruzzjoni għal fini ta' statistika tal-Eurostat? Jekk din id-data ġiet miġbura, tista' d-data u l-analiżi tagħha tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk din id-data ma ġietx miġbura, x'inhu l-effett fuq statistika oħra inkluż dik relatata mal-kontribut li din l-industrija tagħti lill-ekonomija?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jissottometti data lil Eurostat dwar il-produzzjoni fil-kostruzzjoni kull kwart (tlett xhur) tas-sena u mhux kull xahar. Dan peress li l-European Business Statistics Regulation 2019/2152 ma tirrikjedix li pajjiżi zgħar bħal Malta jibgħatu data kull xahar iżda kull kwart tas-sena. Id-data tintbgħat sittin ġurnata wara li jingħalaq it-tali perjodu. Fil-fatt, l-aħħar statistika ppublikata minn Eurostat (ara d-dokument Papers Laid ‘A’ - Eurostat 71_2022 li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra) fuq dan l-indikatur, tagħmel referenza għal dan ir-Regolament. Kif ukoll jidher fid-dokument, diversi pajjizi oħra jissottomettu data kull kwart tas-sena u mhux kull xahar. Rigward il-mistoqsija dwar il-kontribut li din l-industrija tagħti lill-ekonomija, ara d-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra Papers Laid ‘B’ - NR 095_2022. Għal aktar informazzjoni rigward din il-mistoqsija, in-National Accounts Production Unit fi ħdan l-NSO tist’ tiġi kkonsultata.

Bereġ tal-Gvern

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'liema lokalitajiet il-bereġ tas-saħħa jinsabu magħluqa? Għal kull każ, jista’ jgħid kull berġa kemm ilha magħluqa, x'inhi r-raġuni li tinsab magħluqa, x'azzjonijiet se jittieħdu biex terġa’ tinfetaħ u meta hu mistenni li terġa' tinfetaħ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi wara li waqt il-pandemija tal-Covid 19 il- Bereg fil-komunita’ kienu ingħalqu, f’dan l-aħħar xhur reġgħu bdew jinfetħu. Id-Departimenti tas-Saħħa ħa l-opportunita’ sabiex is-servizz li jingħata mill-Bereġ jikber u jsir modernizzar esklussiv fihom. Sa issa ic-Ċentri Komunitarji tas-Saħħa li reġgħu infetħu huma: Community Clinics May 2018 Xewkija (Goz) March 2019 Pietà April 2019 Attard August 2019 Sliema September 2019 Żabbar October 2019 Żejtun December 2019 Mellieħa 2020 Żurrieq September 2020 Fgura November 2020 Għaxaq March 2021 Gudja June 2021 Marsaxlokk August 2021 Kalkara September 2021 Valletta November 2021 Santa Luċija March 2022 Marsaskala March 2022 Tarxien March 2022 Ħamrun Health Centres September 2018 Kirkop Health Centre December 2022 Telemedicine Client Support Centre February 2022 Gzira Health Centre Centres of Excellence April 2019 Primary Eye Screening Centre of Excellence, Floriana HC April 2021 Podiatry Services, Centre of Excellence, B’Kara HC

Birżebbuġa – klinika tal-Gvern

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra meta se tinfetaħ il-Klinika f'Birżebbuġa? Jekk il-lok diġà ntgħażel, dan huwa tal-Gvern jew tal-Privat u kemm-il post ta' parkeġġ hemm biswitu? Kemm se jkun l-investiment inizjali? Meta se jkunu l-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ u x'servizzi se jingħataw?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa l-Primary HealthCare qiegħed f’kuntatt mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġia dwar fejn ser tkun il-Klinika fil-Kommunita’ l-ġdida ta’ din il-lokalita’ u d-diskuzzjonijiet għadhom ghaddejjin.

Skejjel – Kindergarten Assistants, għalliema u Learning Support Educators

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkunu meħtieġa Kindergarten Assistants, għalliema u Learning Support Educators, skola skola u suġġett suġġett, fejn applikabbli, fil-Kulleġġi rispettivi fl-iskejjel kollha tal-Kindergarten, Primarji, Middle Schools u Sekondarji biex ikun hemm full complement? Kemm mistenni jkun hemm Kindergarten Assistants, għalliema u Learning Support Educators, skola skola u suġġett suġġett, fejn applikabbli, fil-Kulleġġi rispettivi fl-iskejjel kollha tal-Kindergarten, Primarji, Middle Schools u Sekondarji nieqsa biex jintlaħaq il-full complement, bħalissa u fil-bidu tas-sena skolastika 2022/2023?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qed jaħdem sabiex jintlaħaq il-full complement tal-għalliema li hemm bżonn fl-iskejjel kollha, fis-suġġetti kollha għas-sena skolastika li jmiss. Ninfurmah ukoll li fl-iskejjel medji u sekondarji hemm għalliema li jgħallmu aktar minn suġġett wieħed u hemm ukoll għalliema li jgħallmu f’aktar minn skola waħda wkoll. In-numru ta’ Learning Support Educators u ta’ Kindergarten Educators jiddependi fuq in-numru ta’ studenti rreġistrati u n-numru ta’ studenti bi statement of needs u dawn iż-żewġ proċessi għadhom għaddejjin. L-istess japplika fil-proċess tal-ingaġġ t’għalliema ġodda.

Proġetti ta’ Djar Affordabbli

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi lokalità b’lokalità plots li l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament akwistat mingħand il-Gvern sabiex isiru proġetti ta' djar affordabbli u li għadhom ma saru l-ebda xogħlijiet fihom? Tista’ din it-tabella turi kemm ser ikun hemm units, garaxxijiet u tipi oħra ta' binjiet fuq kull plot, x'inhu l-istatus ta' kull wieħed mill-proġetti, jekk hemmx problemi legali u jekk hemm problemi tingħata deskrizzjoni bażika tal-problemi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kumpanija m’għandha l-ebda plot li għadu ma sar l-ebda xogħol fih. Il-plots li kienu ngħataw lill-kumpanija kollha qed jiġu żviluppati jew ġew żviluppati.

Iż-Żurrieq – lista ta’ flow ta’ ilma kull parti tal-proġett tal-għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal kemm flow (metri kubu kull siegħa) ta' ilma kull parti tal-proġett tal-għargħar fiż-Żurrieq hija ddisinjata u fejn ser jispiċċa l-ilma minn kull parti tal-proġett?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li l-culverts tal-ilma tax-xita tal-proġett għat-taffija tal-għargħar fiż-Żurrieq huma ddisinjati biex jifilħu flow ta’ 3.5 metri kubi kull sekonda. Dawn il-culverts ser jaqbdu mas-sistema eżistenti li hemm fi Vjal ix-Xarolla li tinkludi zewġ ġibjuni taħt it-triq. L-overflow taghhom jibqa’ sejjer ġo barriera mhux użata fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Kirkop.

Iż-Żurrieq – lista ta’ xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti relatati mal-proġett tal-għargħar fiż-Żurrieq, lista ta' xogħlijiet li se jsiru triq triq, meta ngħata l-aħħar it-tarmak fit-toroq li ser ikollhom jinqalgħu, il-fażijiet tal-proġett, it-traffic management għal kull fażi tal-proġett u t-tibdil fir-rotot tat-trasport pubbliku, inkluż f'Ħal Safi, f'kull fażi tal-proġett?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet jikkonsistu fi skavar fit-toroq imsemmija għall-ippustjar tal katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax xita u diversi kaxxi minn fejn jinġabar l-ilma. Dawn huma kollha murija fil pjanti li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ewwel fażi hija l-konnessjoni minn Triq Bronja għal Vjal ix-Xarolla. It-tieni fażi tibda min tarf triq Bronja sa nofs it-tul tat-triq u Triq Vincenz Schembri. It-tielet fażi hija l-kumplament tax-xogħlijiet li jridu jsiru fi triq Bronja. It-traffic management se jkun qed jinbidel skont il-fażi tal-proġett b’dan illi se jittieħdu miżuri biex it-trasport pubbliku jkollu l-inqas impatt.

Ilma tax-Xita li mar fil-baħar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilma tax-xita huwa stmat li mar il-baħar kull sena matul l-aħħar 10 snin abbażi tax-xita li niżlet f'kull sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab ifurmata li madwar 10% tal-volum totali ta’ xita li tinżel fuq il-gżejjer Maltin huwa stmat li jmur fil-baħar. Dan il-persentaġġ ivarja marġinalment minn sena għall-oħra skond l-intensità u d-distribuzzjon tax-xita matul is-sena.

Siti ta’ Kostruzzjoni – dati ta’ meta ma jistax issir twaqqiegħ u skavar

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma id-dati minn meta u sa meta ma jistax isir twaqqigħ u skavar f'siti ta' kostruzzjoni matul is-sajf 2022 u f'liema lokalitajiet qed tiġi infurzata? Liema huma dawk is-siti (PA No.) u f'liema lokalità ngħataw estensjoni sabiex ikunu jistgħu jkomplu jaħdmu bejn dawn id-dati u ta' kemm ġranet kienet l-estensjoni? Kemm saru spezzjonijiet mid-data tal-bidu tal-perjodu għal din is-sena sal-jum meta qed titwieġeb din il-mistoqsija u x'kienu l-azzjonijiet li ttieħdu fejn kien hemm bżonn?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru mhux permissibbli li jsir twaqqigħ u skavar f'siti ta' kostruzzjoni fil-lokalitajiet indikati aktar 'il quddiem. Il-ligi tiġi infurzata fil-lokalitajiet indikati kollha. Lokalitajiet fejn mhux permissibli twaqqigħ u skavar: Malta Attard, Birżebbuġa, Isla, Bormla, Birgu, Gzira, M’Xlokk, Mellieha, Rabat/Mdina, Sliema, San Giljan, Swieqi, San Pawl il-Bahar, Qrendi/Wied iz-Zurrieq, Valletta, u Floriana. Għawdex Marsalforn, Ghammar, Kemmuna, Gharb, Ghasri, Mgarr/Ghajnsielem, Xaghra, Qala, Xlendi, Ramla l-Hamra, San Lawrenz u Victoria. L-estensjonijiet huma maħruġa mill-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta (MTA). Tabella li turi l-informazzjoni mitluba rigward estensjonijiet: Applikazzjoni Lokalità Ġranet t'estensjoni DS 107/22 Valletta Għadhom mhux maħruġa mill-Awtorità konċernata PA 6179/21 San Pawl il-Baħar 15-il ġurnata PA 1418/17 Sliema 56-il ġurnata PA 7695/20 Bormla 7 t'ijiem PA 829/20 Mellieha 24 ġurnata PA 4784/19 Valletta 15-il ġurnata PA 5442/21 San Pawl il-Bahar 15-il ġurnata PA 5729/09, PA 2386/20 Sliema 15-il ġurnata PA 472/15, PA 28/18 Valletta Għadhom mhux maħruġa mill-Awtorità konċernata PA 9133/19 Marsascala 15-il ġurnata DS 102/22 Marsascala 3 t’ijiem PA 9096/19 San Giljan 7 t'ijiem PA 620/21 Bormla 7 t'ijiem Sal-lum, f’dawn il-lokalitajiet saru 97 spezzjoni u kull fejn instabu x’irregolaritajiet, ix-xogħlijiet twaqqfu.

Kunsilli Lokali u Reġjuni – nuqqas ta’ Segretarju Eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Kunsilli Lokali u/jew Reġjuni li m’għandhomx Segretarju Eżekuttiv fid-data li titwieġeb din il-mistoqsija? Jista’ jgħid kemm ilu kull wieħed minn dawn il-Kunsilli u jew Reġjuni mingħajr Segretarju Eżekuttiv? F'kull każ, x'inhi r-raġuni tad-dewmien u x'inhu l-istatus? X'inhi l-proċedura li qed tiġi applikata f'kull każ biex jiġi jew tiġi ingaġġat/a Segretarju Eżekuttiv u x'azzjoni qed tittieħed sadanittant biex il-Kunsilli u/jew Reġjuni jibqgħu joperaw b'mod normali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li preżentement hemm Kunsill Reġjonali wieħed (dak tal-Port) li qed jopera permezz ta’ Aġent Deputar Segretarju Eżekuttiv. Li ġej hija Lista ta’ Kunsilli Lokali fejn hemm vakanzi ta’ Segretarji Eżekutiv bid-data ta’ meta nħolqot tali vakanza. Kunsill Reġjonali/ Lokali bla S.E Data meta nħolqot il-vakanza (dd.mm.yyyy) Reġjun tal-Port 25/10/2021 Birkirkara 25/11/2021 Il-Fgura 16/02/2022 Il-Fontana 04/09/2021 Ħal Luqa 10/05/2021 Marsaxlokk 14/12/2019 Il-Qrendi 01/07/2021 San Ġiljan 24/01/2022 San Pawl il-Baħar 19/11/2021 Santa Venera 02/07/2018 Fil-każ li fejn il-proċess tal-għażla inbeda qabel l-iffirmar tal-Ftehim Kollettiv għas-Segretarji Eżekuttivi, tali dewmien huwa dovut għal dewmien sabiex jiġu sottomessi d-dokumenti kollh a mill-Kunsilli Lokali rispettivi. Fil-Każ li il-vakanza nħolqot wara l-Iffirmar tal-Ftehim Kollettiv, id-dewmien hu peress li għad hemm għaddejja diskussjonijiet mal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku dwar il-proċess tal-għażla, u dan peress illi tali pro ċess irid ikun konformi mal-Art. 110 tal-Kosituzzjoni ta’ Malta. Background Information Lista ta’ Kunsilli Lokali fejn il-proċess għall-għażla ta’ Seg. Eżekuttiv ġdid inbeda qabel l-iffirmar tal-Ftehim Kollettiv tas-Segretarji Eżekuttivi. Kunsill Reġjonali/ Lokali mingħajr Segretarju Eżekuttiv Data meta nħolqot il-vakanza (dd.mm.yyyy) Reġjun tal-Port 25/10/2021 Birkirkara 25/11/2021 Il-Fgura 16/02/2022 Il-Fontana 04/09/2021 Ħal Luqa 10/05/2021 Marsaxlokk 14/12/2019 Il-Qrendi 01/07/2021 San Ġiljan 24/01/2022 Santa Venera 02/07/2018 Lista ta’ Kunsill Lokali fejn il-proċess għall-għażla ta’ Seg. Eżekuttiv ġdid inbeda wara l-iffirmar tal-Ftehim Kollettiv tas-Segretarji Eżekuttivi Kunsill Reġjonali/ Lokali bla S.EData meta nħolqot il-vakanza (dd.mm.yyyy) San Pawl il-Baħar19/11/2021 F’kull każ fejn il-kunsill lokali m’għandux Segretarju Eżekuttiv, meta l-kunsill lokali rispettiv irrakkomanda li jiġi maħtur Deputat Segretarju Eżekuttiv (skont il-kriterji statutorji) ġie maħtur Deputat Segretarju Eżekuttiv. Fil-każ fejn il-kunsill ma sabx jew ma rrakkomandax li jinħatar Deputat Segretarju Eżekuttiv ġie maħtur Aġent Segretarju Eżekuttiv.

Port Ħieles – proġett tax-shore to ship – finanzjament

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-istima għall-proġett tax-shore-to-ship fil-Port Ħieles, liema proġett ser jiġi ffinanzjat mis-Sinking Fund li għandha l-Korporazzjoni tal-Port Ħieles u Fondi Ewropej taħt l-iskema Just Transition Fund?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istima għall-proġett tal-Onshore Power Supply hi stmata għal madwar Eur14m.

Building and Construction Authority — telefonati

Question

Jista' Ministru jgħid kemm-il telefonata l-Building and Construction Authority irċeviet fuq kull wieħed minn dawn in-numri 80049000 (Freephone), 99637508 (Malta-wara l-ħin tal-uffiċċju) u 99098855 (Għawdex-wara l-ħin tal-uffiċċju), u numri u mezzi oħra jekk applikabbli mill-1 ta' Jannar, 2022 sal-31 ta' Mejju, 2022 li kienu jirrikjedu spezzjoni immedjata? Kemm minn dawn ir-rapporti kien hemm każijiet, fuq kull numru, fejn ma setgħetx issir spezzjoni u x'kienet ir-raġuni f'kull każ?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ħa tingħata f’seduta oħra.

Environmental and Resources Authority — telefonati

Question

Jista' Ministru jgħid kemm-il telefonata l-Environment and Resources Authority irċeviet fuq kull wieħed minn dawn in-numri 22923500, 99637508 (Malta-wara l-ħin tal-uffiċċju) u numri oħra, ERIS u mezzi oħra mill-1 ta' Jannar, 2022 sal-31 ta' Mejju, 2022 li kienu jirrikjedu spezzjoni immedjata? Kemm minn dawn ir-rapporti, kien hemm każijiet, fuq kull numru, fejn ma setgħetx issir spezzjoni u x'kienet ir-raġuni f'kull każ?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.