Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġetti ta' parks, spazji miftuħa u afforestazzjoni

Question

Tista' l-Ministru telenka lista ta' proġetti ta' parks, spazji miftuħa, afforestazzjoni u oħrajn simili li diġà bdew u mhux mistenni li jkunu lesti sal-aħħar tal-2022 u tinkludi n-natura u deskrizzjoni qasira tal-proġett, meta beda, kemm kien il-baġit oriġinali, u kemm mistennija tkun in-nefqa totali wara li jkun lest il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Awtorità tal-Ippjanar — Users Committee

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Users Committee fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar ġiex appuntat, meta, min huma l-membri u lil min jirrappreżentaw? F'każ li għadu ma ġiex appuntat, jista' l-Ministru jindika jekk hux ser isir dan u meta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Users Committee għadu dak l-istess maħtur u hekk kif deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-18 ta’ Settembru 2020.

ERA – Ilmenti dwar irwejjaħ mill-impjant tal-Aquaculture Resources Ltd

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm-il ilment irċeviet l-ERA dwar irwejjaħ insapportabbli ta' ħut minn mindu beda jopera l-Impjant tal-Aquaculture Resources Ltd? Kemm-il spezzjoni saret mill-ERA f'dan l-impjant, inkluż wara li rċeviet l-ilmenti dwar l-irwejjaħ? X'kien ir-riżultat tal-investigazzjonijiet? X'azzjoni ħadet l-ERA?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed tinvestiga rapporti ta’ rwejjaħ li rċeviet mingħand residenti u postijiet tax-xogħol madwar Birżebbuġa, kif ukoll mingħand il-Kunsill Lokali. L-uffiċjali ta’ l-Awtorità wettqu u għadhom qed jagħmlu sensiela ta’ spezzjonijiet ta’ monitoraġġ fl-inħawi. Dawn jinkludu monitoraġġ fuq l-impjant il-ġdid tal-ħut fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far, li bħalissa jinstab fil-fażi ta’ ‘commissioning’ sabiex fi ftit jiem oħra, l-apparat kollu u s-sistemi ta’ mitigazzjoni jkunu operazzjonali. L-Awtorità qed issegwi dan il-proċess sabiex dan jitlesta malajr kemm jista’ jkun. L-Awtorità qiegħda wkoll tagħmel spezzjonijiet f’żoni oħrajn li jistgħu jkunu kawża ta’ rwejjaħ, inkluż fuq mollijiet u impjanti ta’ akkwakultura li jistgħu jikkontribwixxu għall-irwejjaħ, biex jiġi kkonfermat illi l-miżuri ta’ mitigazzjoni neċessarji għall-kontroll tal-irwejjaħ huma implimentati. L-Awtorità ħarġet ukoll istruzzjonijiet lill-operatur ta’ fish farm fil-viċinanzi sabiex jassigura li l-attivitajiet mal-moll jinżammu tajjeb u mingħajr irwejjaħ, hekk kif dawn ukoll jistgħu jilħqu żoni residenzjali fil-viċin minħabba rjieħ prevalenti. L-ERA ser tkompli twettaq spezzjonijiet ta’ monitoraġġ f’din iż-żona f’dawn il-jiem.

Dipartiment tal-Edukazzjoni – purtinara, cleaners u ħaddiema oħrajn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il purtinar/a, cleaners u/jew persuni li jagħmlu l-istess xogħol huma impjegati mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u kemm huma impjegati tal-kuntrattur/i imma li qegħdin jaħdmu għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni? Jista' jelenka l-ogħla rata ta’ ħlas fis-siegħa, l-inqas rata fis-siegħa u r-rata medja fis-siegħa ta' dawk ingaġġati direttament mad-dipartiment u dawk ingaġġati indirettament permezz ta' kuntrattur u li jagħmlu xogħol ta' purtinara/cleaners?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Mitħna tax-Xarolla – restawr

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fiex wasal ir-restawr tal-Mitħna tax-Xarolla wara li ġarrbet ħsara bl-irjieħ qawwija ta' seba’ xhur ilu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li matul l-aħħar xhur, inxtara l-materjal meħtieġ (antarjoli) u bdew jinħadmu l-arbli tal-antinni għand il-kuntrattur. Dan ix-xogħol jikkonsisti f’toqob, qlib u tejper li mistenni jkun lest sa tliet ġimgħat oħra. Fid-Direttorat għall-Manifattura u s-Servizzi nħadmu l-ventijiet tal-injam li jgħaqqdu l-paletti u li jintramaw mal-arbli biex jinbnew l-antinni. Fil-proċess ta’ żarmar tal-apparat tal-mitħna minn ġewwa, kien instab li x-xaft prinċipali kien ittiekel ħafna, anke peress li l-aħħar li nbidel kien madwar 30 sena ilu. Minkejja l-isforzi li saru, id-Direttorat għadu qed ifittex kuntrattur li jista’ jimporta l-materjal meħtieġ (zokk tal-iroko twil 17-il pied bi 15-il pulzier wisa’) għax-xaft prinċipali peress li lokalment l-ebda kuntrattur m’għandu materjal b’dawn il-qisien. Fil-frattemp qed isir xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-aperturi tal-mitħna u l-bankijiet tal-madwar.

Sptarijiet tal-Gvern – fuels użati

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippreżenta lista ta' fuels li jintużaw f'kull wieħed mill-isptarijiet tal-Gvern, għaliex jintużaw u x'kienet il-kwantità użata kull sena mill-1 ta' Jannar, 2013 sal-31 ta' Dicembru, 2021?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Ħal Far – Impjant tat-Tisfija tad-Drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Impjant tat-Tisfija tad-Drenaġġ li hemm fil-Qasam Industrijali ta' Ħal Far hux qiegħed ikkomunikat mas-sistema tad-drenaġġ? Jista’ jgħid jekk hux qiegħed jintuża b'xi mod u jekk hemmx mod kif ilma minn dan l-impjant qed imur fil-baħar? Jekk l-impjant mhux qed jintuża, hemm xi ħsieb dwar x'se jsir minnu u jekk jistax jitneħħa ħalli l-area tiġi fl-istat oriġinali tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Ħal Far mhuwiex operabbli u lanqas ma huwa mqabbad mas-sistema tad-drenaġġ. Id-drenaġġ iġġenerat fil-Qasam Industrijali jiġi interċettat minn pumping station li hija mqabbda mas-sistema tad-drenaġġ u b’hekk l-ebda ilma ma jista’ jmur il-baħar mill-impjant. Jekk jintużax l-impjant fil-futur se jiddependi fuq diversi fatturi fosthom ir-riżultat ta’ eżerċizzju ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament Tad-Drenaġġ (91/271/EC), proċess li se jiġi mniedi mill-Kummissjoni Ewropea fix-xhur li ġejjin u li se jieħu madwar sentejn biex jiġi konkluż. Għaldaqstant l-impjant mhuwiex maħsub li jitneħħa fil-futur prevedibbli.

Żoni Industrijali – charging points għal vetturi elettriċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru charging points għall-vetturi elettriċi fiż-żoni industrijali, fejn saru u jekk hemmx ħsieb li jiżdiedu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bħalissa hemm tliet pilastri pubbliċi tal-iċċarġjar ġewwa żoni industrijali u dawn joffru żewġ punti tal-iċċarġjar kull wieħed. Dawn jinsabu fiż-żoni industrijali ta’ Bulebel, Ħal Far u Kordin u jammontaw għal total ta’ sitt punti pubbliċi tal-iċċarġjar. Sal-aħħar tas-sena huwa ppjanat li jiġu istallati sitt pilastri pubbliċi tal-iċċarġjar oħra ġewwa ż-żoni industrijali tax-Xewkija Għawdex kif ukoll fis-Central Business District ġewwa l-Imrieħel. Dan ifisser li sal-aħħar tas-sena komplessivament se jkun hawn tmintax-il punt pubbliku tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi ġewwa żoni industrijali.

Urban Improvement Fund u Development Planning Fund

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm daħlu flus fl-Urban Improvement Fund u fid-Development Planning Fund, fond b’fond u sena b’sena, mill-1 ta' Jannar 2013 sal-aħħar ta' Diċembru 2021, u liema kienu l-proġetti li ġew iffinanzjati minn dawn il-fondi? X'kien l-ammont ta' finazjament proġett proġett, fejn sar kull proġett u x'inhu l-istatus ta' kull proġett?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Birżebbuġa – Triq ta’ Feliċjan – problema fil-livelli tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni dwar kif ser tissolva l-problema ta' livelli fi Triq Ta’ Feliċjan, Birżebbuġa? Jista’ jikkonferma li d-disinn tat-triq ġie mmodifikat sabiex tkun tista' tingħata assigurazzjoni lir-residenti kollha, speċjalment lil dawk li ilhom joqogħdu f'din it-triq (liema triq kellha isem ieħor) għal iżjed minn 30 sena, li mhux ser ikollhom problemi ta' għargħar jew drenaġġ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala parti mill-bini mill-ġdid ta’ Triq Ta’ Feliċjan, Infrastructure Malta qed tagħmel xogħlijiet estensivi tas-sistemi taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u drenaġġ. Ser jinbnew ukoll bankini ġodda fejn meħtieġ u jissaħħew il-pedamenti qabel ma t-triq isirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Il-livelli tat-triq ser isiru skont kif mogħtijin lill-aġenzija mill-Awtorità tal-Ippjanar, u l-qlib tat-triq ser isir direzzjoni lejn l-għelieqi biex jiġi evitat li l-ilma tax-xita jmur lejn il-bini. Huwa mmirat li x-xogħlijiet f’din it-triq jitlestew sa tmiem is-sena.

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jelenka x-xogħlijiet li se jsiru fi Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa? Jista’ jgħid jekk hux se jsiru zebra crossings u traffic islands fil-junction ma’ Triq il-Girgħien? Jista’ jgħid ukoll jekk hux se jsiru traffic calming measures, u jekk iva fiex ser ikunu jikkonsistu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid Triq il-Port Ħieles, f’Birżebbuġa u għaldaqstant ix-xogħlijiet li se jsiru huma estensivi. Dawn jinkludu tibdil ta’ sistemi taħt l-art għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-ilma, dawl u telekomunikazzjoni, titjib jew bini mill-ġdid tal-bankini, skont il-ħtieġa, qabel ma t-triq isirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi ta’ asfalt. Fuq proposta tal-Kunsill Lokali u li ġiet approvata minn Transport Malta f’din it-triq se jsiru wkoll żewġ zebra crossings.

Impjant ta’ Sant’Antnin – skart riċiklabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il tunnellata ta' skart riċiklabbli (borża griża u/jew ħadra) ttieħdu ġimgħa b'ġimgħa mill-impjant ta' Sant'Antnin għal-landfill mill-1 ta' Jannar 2022 sal-aħħar ta' Settembru 2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda skart irkuprat li hu riċiklabbli (borża griża u/jew ħadra) ma jittieħed fil-landfill iżda jinbiegħ fis-suq internazzjonali biex jiġi mdawwar fi prodotti oħra.

Ħal Far – Multi-Material Recovery Facility

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li l-Multi-Material Recovery Facility f'Ħal Far ser tkun qed topera matul ir-raba' kwart ta' din is-sena? Tista’ tippreżenta rapport dwar kif din il-faċilità ser tgħin biex noqorbu iżjed lejn Waste Framework Directive 2008/98/EC u telenka x'inhu l-pjan sabiex il-pajjiż ikun kompletament konformi ma’ din id-direttiva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Multi-Material Recovery Facility f’Ħal Far mistennija tkun qed topera sal-aħħar ta’ din is-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istrateġija tal-pajjiż dwar l-immaniġġar tal-iskart 2021-2030 li għandha twassalna biex nilħqu l-miri tagħna fir-rigward.

Birżebbuġa – Klinika fil-Komunità

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2025, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu t-taħditiet bejn il-Primary Health Care u l-Kunsill Lokali Birżebbuġa dwar fejn ser tkun il-Klinika fil-Komunità l-ġdida ta’ Birżebbuġa u meta ser tinfetaħ? Jekk il-lok diġà ntgħażel, dan huwa tal-Gvern jew tal-privat? Kemm-il post ta' parkeġġ hemm biswitu? Kemm ser ikun l-investiment inizjali? X'ser ikunu s-servizzi li ser ikunu offruti u meta ser ikunu l-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bil-maqlub ta’ dak ħalliet l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, dan il-Gvern hu impenjat li jtejjeb il-kura fil-komunità, tant li għadu kemm infetaħ ċentru komunitarju għas-saħħa ġdid fl-Għarb, Għawdex, fost sensiela ta’ investimenti simili li saru fl-aħħar snin. Ngħarrfu wkoll li d-Dipartiment tal-Kura Primarja attwalment jinsab fil-proċess biex isib sit adekwat għal ċentru komunitarju ġdid f’Birżebbuġa.

Impjant tal-Produzzjoni tal-prodotti tax-xorb — ilma

Question

Tista' l-Ministru tgħid sena b'sena mill-2011 sal-2021 kemm ittella' ilma mill-ilma tal-pjan mill-impjanti tal-produzzjoni tal-prodotti tax-xorb, inklużi dawk li jibbottiljaw l-ilma għax-xorb, u b'liema rata, medja għal kull sena, dan inxtara?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-informazzjoni mitluba tingħata f’seduta oħra, peress li tirrikjedi ż-żmien biex tinġabar.

Iż-Żurrieq – lista ta’ xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2001, jista' l-Ministru jikkonferma li meta qed jinqalgħu t-toroq minnħabba l-proġett għat-taffija tal-għargħar ser jinbidlu servizzi oħra wkoll għaliex jew ikun ilhom li ġew installati jew għaliex fil-fatt għandhom il-ħsara?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi huwa responsabbli biss għax-xogħlijiet relatati mat-taffija tal-għargħar. Jekk waqt ix-xogħlijiet jirriżulta li servizzi oħra għandhom xi ħsara, isir kuntatt mal-istakeholders rispettivi.

Bus Shelters f’kull lokalità

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista ta' kemm saru bus shelters ġodda lokalità b'lokalità mill-Gvern Lokali rispettiv mill-2013 sal-2021? Jista' jipprovdi lista lokalità b’lokalità ta' talbiet pendenti u meta saru dawn it-talbiet mill-Gvern Lokali rispettiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sabiex tiġi mwieġba d-domanda tiegħu, li daħlet erbat ijiem biss qabel is-seduta tal-lum, jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil u li jeħtieġ użu ta' ħafna riżorsi, liema riżorsi jistgħu jintużaw fuq ħidma ħafna aktar produttiva u effettiva b'risq iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Iż-Żurrieq – lista ta’ xogħlijiet

Question

Peress li l-mistoqsijiet parlamentari 511 u 865 ma ġewx imwieġba kompletament, u in vista tal-wegħda ta' qabel l-elezzjoni li l-ebda żvilupp mhu ser isir fiż-żona ta' Wied Żnuber, f'Ħal Far, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ftehim mal-Ħal Far Model Flying Association dwar l-użu ta' art fl-istess inħawi, jiġi kkanċellat jew modifikat biex jirrifletti din il-wegħda? Liema huma s-siti alternattivi li qed jiġu kkunsidrati għall-użu ta' Ħal Far Model Flying Association? Liema huma l-partijiet ikkonċernati li qed jiġu kkonsultati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-twegiba ngħatat seduta 11 PQ865

Ħal Far: trakka tal-karozzi – immigranti li jinsabu f’ċentri miftuħa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2032, peress li l-Ministru għamel referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2027, u din it-tweġiba ma tagħtix ir-risposta għall-mistoqsija, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li immigranti li jinsabu fiċ-Ċentri Miftuħa, Ċentri tar-refuġjati u ċentri oħra li jinsabu qrib u madwar is-sit fejn hemm il-ħsieb li tinbena t-trakka tal-karozzi f'Ħal Far hux ser jiġu rilokatti u jekk iva, kemm minnhom u fejn?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ħal Far – ħsejjes iġġenerati mit-trakka tal-karozzi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2027, peress li din ma tirrispondix il-mistoqsijiet fl-istess domanda, jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħtietx kopja tal-istudji dwar il-ħsejjes li ser ikunu qed jiġu ġġenerati mit-trakka tal-karozzi f'Ħal Far lill-Kunsilli Lokali ta' Birżebbuġa, taż-Żurrieq u ta' Ħal Safi? Jista' jgħid id-dati meta saru laqgħat ta' konsultazzjoni ma’ dawn il-Kunsilli? Jista' jgħid x'kienu l-punti mqajma? Jista' jgħid kif dawn il-punti ser jiġu indirizzati u jippreżenta dokumentazzjoni li turi dan? Jista' wkoll ipoġġi r-rapport jew rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra dwar il-ħsejjes li mistennija jiġu ġġenerati u kif dawn ser jiġu mmitigati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.