Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjanti tal-Wasteserv – materjal riċiklabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li se jonqos, f'tunnellati kull sena, il-materjal riċiklabbli fl-impjanti tal-Wasteserv meta s-sistema tal-Beverage Container Refund Scheme tkun qed topera normali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li peress li l-iskema għadha kif daħlet fis-seħħ għadu kmieni wisq biex ikun hemm numri preċiżi. Huwa mistenni li bl-introduzzjoni ta’ din l-iskema r-rata ta’ riċiklaġġ ta’ kontenituri tax-xorb għandha tiżdied.

Wasteserv – tnaqqis fid-dħul konsegwenza tal-Beverage Container Refund Scheme

Question

Ibbażat fuq il-prezzijiet tal-lum, tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li se jonqos id-dħul tal-Wasteserv kull sena meta s-sistema tal-Beverage Container Refund Scheme tkun qed topera normali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 4606.

Birżebbuġa – inħawi tal-Ġebel, tal-Papa u tal-Qajjenza – qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta' azzjoni ta' x'qed isir sabiex ma jibqax jinqata' d-dawl tat-toroq daqshekk spiss fl-inħawi tal-Ġebel, tal-Papa u tal-Qajjenza f'Birżebbuġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta għamlet it-tiswijiet meħtieġa u l-elettriku f’ħafna minn dawn it-toroq reġa’ nxtegħel. L-Enemalta investigat il-problema li kien hemm f’din iż-żona. Jirriżulta li din kienet ġejja minn demarcation boxes li hemm mal-lampi li ma sarux mill-Enemalta imma saru minn kuntrattur imqabbad mill-Kunsill Lokali. Meta tagħmel ix-xita qed jidħol l-ilma f’dawn id-demarcation boxes u jikkawża qtugħ fid-dawl tat-toroq.

Importazzjoni ta’ oxidizers u metalli għal użu ta’ piroteknika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista li turi kemm ġew importati oxidizers u metalli għal użu fil-piroteknika, materjal materjal, meta, minn liema pajjiż u taħt liema HS Code mill-1 ta' Settembru 2021 sal-31 ta' Ottubru 2022?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika l-materjali li qed jirreferi għalihom fil-Mistoqsija.

Importazzjoni ta’ Oxidizers u metalli għal użu ta’ piroteknika – ċertifikazzjoni ta’ kwalità

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta kopja taċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità u/jew is-safety data sheets li ġew ippreżentati fl-importazzjoni ta' oxidizers u metalli għal użu fil-piroteknika, materjal b’materjal, mill-1 ta' Settembru 2021 sal-31 ta' Ottubru 2022, u/jew verifika u/jew konferma li dawn ġew ippreżentati f'kull istanza ta' importazzjoni tal-imsemmija materjali fil-perjodu msemmi? Jista', għal kull instanza ta' importazzjoni tal-imsemmija materjali fil-perjodu msemmi, jindika kif ġew ivverifikati s-Safety Data Sheets?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 4512.

Importazzjoni ta’ Oxidizers u metalli għal użu ta’ piroteknika – proċess ta’ verifikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess u l-frekwenza sabiex jiġi vverifikat li l-oxidizers u metalli għal użu fil-piroteknika importati jikkorispondu fil-kompożizzjoni u l-kwalità mad-dokumentazzjoni ppreżentata waqt l-importazzjoni?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 4512.

Persons of Trust — dekasteru li jaqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persons of trust affiljati ma’ istituzzjonijiet, awtoritajiet u entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħu u kemm qed jitħallsu kull sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li ma hemmx persons of trust affiljati ma’ istituzzjonijiet, awtoritajiet u entitajiet li huma parti mid-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles – traffic islands u traffic calming measures

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fi Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa (in-naħa tal-Freeport) hux ser isiru traffic islands fil-junction ma’ Triq il-Girgħien? Jista’ jgħid ukoll jekk hux ser isiru traffic calming measures u fiex ser ikunu jikkonsistu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Birżebbuġa – Triq iż-Żibra – żbroff ta’ drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma problema ta' żbroff ta' drenaġġ fi Triq iż-Żibra, Birżebbuġa fejn ħmieġ u żejt tal-ħut qiegħed jispiċċa matul it-triq kollha b'konsegwenza ta' rwejjaħ kbar u ħafna żlieq? Tista' l-Ministru tgħid x'investigazzjonijiet saru jew ser isiru u meta? Tista’ tippreżenta pjan ta' kif din il-problema ser tissolva ġaladarba jiġi ddeterminat x'inhi l-kawża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata illi Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma intervjeniet b’effett immedjat malli waslilha r-rapport u mmobilizzat team mir-reġjun sabiex jiġi żblukkat sadd fil-mejn tad-drenaġġ u jsir tindif ta’ Triq iż-Żibra. Fl-istess waqt tnediet investigazzjoni u ġie identifikat is-sors li kkawża dan l-inkonvenjent. Il-Korporazzjoni qiegħda f’kuntatt mal-awtoritajiet konċernati biex tissolva l-problema sabiex jiġi evitat avveniment simili.

Ilma tal-pjan li joħroġ fil-baħar

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi tip ta' studju ppjanat dwar ilma tal-pjan li joħroġ għal baħar biex ikun jista' jiġi ddeterminat il-kwantità ta' dan l-ilma u jekk abbażi tal-volum u l-konsistenza, jagħmilx sens proġett sabiex dan l-ilma jinżamm milli “jinħela” fil-baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma(EWA) qed tanalizza ħames punti madwar il-kosta ta’ Malta fejn hemm fluss konċentrat ta’ ilma ħelu, billi ġew installati probes sabiex jiġbru data kontinwa dwar il-kwalità tal-fluss tal-ilma ħelu.

Birżebbuġa – Triq Għar Ħasan – bini ta’ bankina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-permessi meħtieġa sabiex xagħri/garigue jintradam biex issir bankina fi Triq Għar Ħasan, Birżebbuġa? Jekk iva, minn liema entità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bankina li saret minn naħa ta' Infrastructure Malta, saret fuq l-asfalt li kien diġà eżistenti u ma ntradam l-ebda xagħri.

Birżebbuġa – Triq Għar Ħasan – spazji għal parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ser jitħallew spazji ta' parkeġġi fi Triq Għar Ħasan, Birżebbuġa, speċjalment in-naħa ta' fejn hemm l-irdum?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispazji tal-parkeġġ mhumiex se jintemessu minn kif kienu qabel inbeda x xogħol fit-triq. Apparti min hekk, ta’ min wieħed isemmi li apparti li qed nibnu t-triq mill-ġdid, ħa nkunu qed inħawlu daqs sittin siġra oħra biex insebħu l-pajsaġġ.

Dipartiment tal-Edukazzjoni – purtinara/cleaners

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-purtinar/a, cleaners u/jew persuni li jagħmlu l-istess xogħol huma impjegati mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u kemm huma impjegati tal-kuntrattur/i imma li qed jaħdmu mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ilma tal-pjan li jispiċċa fil-baħar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilma tal-pjan huwa stmat li joħroġ fil-baħar, x'inhuma l-miżuri li qed jittieħdu biex dan jitnaqqas, x'miżuri oħrajn huma ppjanati li jittieħdu u x'inhi l-mira tal-Gvern f'dan ir-rigward?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-istħarriġ li sar sa issa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) juri li l-ħruġ tal-ilma jkun iktar kkonċentrat fejn ikun hemm qsim fil-blat. Madankollu, qabel wieħed jibda jikkunsidra kwalunkwe investiment sabiex jittella' dan l-ilma, ikun jeħtieġ li jsiru studji dettaljati u fit-tul biex jiġi assigurat li jkun hemm il-volum u l-konsistenza meħtieġa.

Dipartiment tal-Edukazzjoni – purtinara u cleaners

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2998 u jgħid kemm-il purtinar/a, cleaners u/jew persuni li jagħmlu l-istess xogħol huma impjegati mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u kemm huma impjegati tal-kuntrattur/i, imma li qed jaħdmu għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni? Jista' jelenka l-ogħla rata fis-siegħa, l-inqas rata fis-siegħa u r-rata medja fis-siegħa ta' dawk ingaġġati direttament mad-dipartiment u dawk ingaġġati indirettament permezz ta' kuntrattur u li jagħmlu xogħol ta' purtinara/cleaners?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet tal-persuni impjegati direttament mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni joħorġu mill-estimi tal-Baġit, li diġà tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. B’rabta mal-ħaddiema tal-kuntrattur, il-Gvern kien ħareġ ċirkolari fl-2014 li permezz tagħha ra li jkunu msaħħa l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-kuntrattur. Din tiġi aġġornata regolarment u tkun ikkomunikata lis-Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali, Diretturi u Kapijiet ta’ Organizzazzjonijiet fis-Settur Pubbliku biex jimxu magħha f’dan ir-rigward. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabelli mill-aħħar verżjoni taċ-ċirkolari, li nħarġet f’Diċembru li għadda u tirreferi għall-perjodu 2022-2024. Din tistabbilixxi kif il-ħlas (rata fis-siegħa) lil kuntratturi m’għandux ikun inqas mill-minimu stabbilit għal diversi kategoriji ta’ ħaddiema ingaġġati.

Urban Improvement Fund u Deelopment Planning Fund — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jelenka x'kien id-dħul u l-ħruġ fl-Urban Improvement Fund u fid-Development Planning Fund, fond fond u sena sena, mill-1 ta' Jannar 2013 sal-aħħar ta' Diċembru 2021 u liema kienu l-proġetti li ġew iffinanzjati minn dawn il-fondi, x'kien l-ammont ta' finanzjament proġett proġett, fejn sar kull proġett u x'inhu l-istatus ta' kull proġett?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija Parlamentari numru 2906.

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2908, jista' l-Ministru jelenka jekk fi Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa (in-naħa tal-Freeport) hux se jsiru zebra crossings, traffic islands fil-junction ma’ Triq il-Girgħien u traffic calming measures u fiex se jkunu jikkonsistu u jekk hux se tiġi ameljorata r-rainwater management?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nagħmel referenza għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2908, fejn infurmajna li f’din it-triq se jsiru żewġ zebra crossing fuq proposta tal-Kunsill Lokali u li ġiet approvata minn Transport Malta. Xogħlijiet relatati mal-ġbir tal-ilma tax-xita ser ikunu qed isiru fi Triq il-Port Ħieles fiż-żona fejn qed isiru xogħlijiet bħalissa sabiex tittaffa l-problema tal-għargħar. Dawn ix-xogħlijiet huma parti minn proġett ħolistiku tal-ġbir tal-ilma tax-xita li jinġabar fiż-żona tal-Papa. Dawn ix-xogħlijiet li ser jiġu implementati huma proposti mill-iStormwater Management Unit.

Awtorità tal-Ippjanar – ħsarat strutturali fil-bini

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li rriżulta li hemm ħsarat strutturali fil-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Floriana? Jista' jelenka x'miżuri ttieħdu u jekk hux qed jiġi kkonsidrat li jinkera post sakemm issir il-manutenzjoni meħtieġa? Jekk se jinkera post, jista' jinforma lill-Kamra jekk ġiex identifikat dan il-post, fejn hu dan il-post, għal kemm żmien se jinkera u b'liema rata?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li hemm ħsarat fis-soqfa ta’ parti mis-sular terran u ta’ parti mis-sular sovrastanti, tal-blokka prinċipali tal-binja li l-Awtorità tal-Ippjanar tuża f’St. Francis Ravelin, il-Furjana. Illi s-soqfa effettwati ġew imwieżna permezz ta’ strutturi temporanji, filwaqt li diġà nkiteb it-tender u ġew preparati l-BOQs għax-xogħlijiet meħtieġa. Fl-istess waqt, ħarġet sejħa għal Espressjoni ta’ Interess għall-kiri ta’ uffiċini, però ma daħlet l-ebda offerta. Din is-sejħa se terġa’ tiġi ppublikata fil-jiem li ġejjin.

Awtorità tal-Ippjanar – performance assessment tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema snin sar l-assessment tal-performance tal-ħaddiema fl-Awtorità tal-Ippjanar mill-2013 'il hawn u jekk ġiex innotat tibdil fil-performance meta kien hemm ħaddiema li ħadmu bir-remote working?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-prestazzjoni annwali tal-ħaddiema ilu jitħaddem mis-sena 1996. Permezz tiegħu jitkejjel l-output tal-ħaddiema li jaħdmu bir-remote working. L-Awtorità ma nnotat l-ebda tibdil fil-prestazzjoni ta’ dawn l-istess ħaddiema kkumparat mal-ħidma tagħhom mill-uffiċċju. Fi żmien il-pandemija, l-Awtorità kellha kważi nofs il-workforce tagħha jaħdmu remotely. Peress li sar investiment b’saħħtu fil-qasam tal-IT, l-operat tal-Awtorità seta’ jibqa’ għaddej.