Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjant tal-Produzzjoni tal-prodotti tax-xorb — ilma

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2840 u tgħid sena b'sena mill-2011 sal-2021 kemm ittella' ilma mill-ilma tal-pjan mill-impjanti tal-produzzjoni tal-prodotti tax-xorb, inklużi dawk li jibbottiljaw l-ilma għax-xorb, u b'liema rata, medja għal kull sena, dan inxtara?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-2016 ma kien isir l-ebda monitoraġġ speċifiku. Minn dak iż-żmien bdew jiġu rreġistrati l-ammonti f’metri kubi kull sena, kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Infurmata li bħalissa għaddejja l-evalwazzjoni neċessarja f’dan ir-rigward.

AFM – għoti ta’ leave u/jew time off in lieu lil ħaddiema tal-CFF

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li f'każ ta' mard, persuna li taħdem fl-Armata tgħaddi optional leave u/jew time off in lieu lil persuna li taħdem fil-Faċilità Korrettivia ta' Kordin jekk din il-persuna jkollha bżonn minħabba mard fil-familja? F'każ li iva, jista' jispjega l-proċedura? F'każ li le, jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li dan isir possibbli?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi fil-Forzi Armati ta’ Malta (FAM), f’każ li impjegat tal-Armata jkun jixtieq jagħti xi sigħat ta’ vacation leave/time-off in lieu minn tiegħu/tagħha lil xi impjegat ieħor li jaħdem f’xi dipartitment jew entità oħra tal-Amministrazzjoni Pubblika, jista’ jagħmel dan billi jimla l-formola li teżisti għal dan il-għan u din tkun ipproċessata u approvata skont il-provvedimenti li hemm fis-seħħ għall-Amministrazzjoni Pubblika kollha.

Żieda fil-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti li ħadu ż-żieda ta’ €2.60 fil-pensjoni imma ma ħadu xejn mid-€9.90 għall-għoli tal-ħajja? Jekk hemm xi każijiet, jista’ jgħid x'inhi r-raġuni prinċipali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

ERA – Pjazza Prinċipali tal-Mosta — proġett

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), b'xi mod jew ieħor, tat il-go-ahead sabiex bħala riżultat tal-proġett li qed isir, l-ilma mill-pjazza prinċipali tal-Mosta jintefa' f'Wied il-Għasel? Jekk ingħata dan il-go-ahead, b'liema mod ingħata? Sar xi tip ta' studju, u jekk iva, jista' r-rapport jitpoġġa fuq il-Medja tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) rċeviet konsultazzjoni mingħand Transport Malta fuq l-applikazzjoni RWP1_22_02372 għal xogħlijiet fil-pjazza tal-Mosta u f’toroq oħra madwarha. Ix-xogħlijiet indikati jinkludu ukoll tkabbir ta’ katusi eżistenti li diġà jwasslu l-ilma tax-xita lejn l-istess parti tal-wied. L-ERA ma kellhiex oġġezzjoni għal dawn ix-xogħlijiet diment li jkunu segwiti ċerti kundizzjonijiet u limitazzjonijiet. Ir-risposta tal-ERA ngħatat permezz tal-portal uffiċjali għal dawn l-applikazzjonijiet, li hu amministrat minn Transport Malta.

Proġett tal-Mosta – konsultazzjoni mis-Sezzjoni tal-Ilma tax-Xita

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma ma’ min saret konsultazzjoni mis-Sezzjoni tal-Ilma tax-Xita fi ħdan it-Taqsima Kostali u tal-Ilma tax-Xita meta resqet il-proposta tal-istorm water management il-ġdida fil-Mosta lil Infrastructure Malta? Jista' jippreżenta r-rapporti u/jew studji li saru qabel ma ġie deċiż li l-ilma jintefa' f'Wied il-Għasel u x'alternattivi kienu ikkunsidrati?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qiegħed jinġabar.

Bdil ta’ Liġi sabiex jinbidlu l-pjanti għal bini għoli

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-proċess sabiex tinbidel il-liġi sabiex jinbidlu l-pjanti u tiżdied il-possibilità li f'uħud mill-oqsma industrijali jkun jista' jsir bini għoli (high rise) permezz ta' DNO, għadux għaddej?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposta tal-2022 biex tiġi emendata l-liġi sussidjarja S.L.552.08 magħrufa bħala l-Ordni ta’ Notifikazzjoni dwar Żvilupp ma tippermettix li jsir bini għoli (high rise) fl-ebda qasam industrijali. Wara l-konsultazzjoni pubblika fuq l-emenda u l-approvazzjoni tat-tali emenda mill-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-proposta għat-tibdil fil-liġi sussidjarja tinsab għall-kunsiderazzjoni tal-Ministru.

Eżerċizzju ta’ mapping fir-Riċerka u l-Innovazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5202 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport jew estratt minnu li juri l-eżerċizzju ta' mapping dwar is-sitwazzjoni kurrenti fir-Riċerka u fl-Innovazzjoni sabiex fuqu ġiet mibnija l-istrateġija ppreżentata għas-snin 2023-2027?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument voluminuż jinsab fid-dominju pubbliku u jista’ jiġi aċċessat minn fuq il-website tal-Kummissjoni Ewropea taħt it-titlu “Peer Review of the Maltese Research and Innovation system”.

Residenza San Vinċenz de Paul – nurses u/jew carers barranin

Question

Jista' Ministru jgħid jekk nurses u/jew carers barranin (TCN) li jaħdmu fil-parti l-ġdida ta' San Vinċenz għandhomx salarju bażiku u/jew bonuses differenti minn dawk li jaħdmu fil-parti l-antika? Jekk inhu l-każ jista' jagħti raġuni u/jew ġustifikazzjoni?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-care workers li huma pprovduti lil San Vinċenz de Paul u li jaħdmu fil-blokok il-ġodda huma pprovduti u mħallsa minn Kuntrattur.

Applikazzjonijiet għar-rijunifikazzjoni ta’ barranin mal-familja f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies barranin, nazzjonalità b’nazzjonalità li applikaw għar-rijunifikazzjoni mal-familja tagħhom f'Malta u għadhom qed jistennew li jintemmilhom il-proċess?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li n-nazzjonalità ta’ dawk li applikaw għar-rijunifikazzjomi mal-familja tagħhom f’Malta huma kif jidher fit-tabella riprodotta hawn taħt: Nationality Number of Applications Georgian 1 Serbian 3 Albanian 3 Filippino 6 Indian 13 Malaysian 2 Tunisian 1 Syrian 3 Ethiopian 1 Libyan 5 Nigerian 2 Pakistani 8 Bangladeshi 3 Egyptian 2 British (United Kingdom) 3 Sinhalese (Srilanka) 2 Turkish 3 Russian 2 Moldovan 1 Mexican 1 South African 1 Lebanese 1 Macedonian 2 Japanese 1 American (U.S.A.) 2 Chinese 1 Colombian 2 Uzbek 1

Applikazzjonijiet għar-rijunifikazzjoni ta’ barranin mal-familja f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa ż-żmien minn mindu persuna tapplika għar-rijunifikazzjoni mal-familja sakemm jintemm il-proċess?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li għandha ssir referenza għal-LEĠISLAZZJONI SUSSIDJARJA 217.06, REGOLAMENTI DWAR IR-RIJUNIFIKAZZJONI TAL-FAMILJI, b'mod partikolari l-paragrafu 9.

Operazzjonijiet posposti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema tip ta' operazzjonijiet u kemm minn kull tip ġew posposti mill-1 ta' Jannar 2023 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija fl-Isptar Mater Dei u x'kienet ir-raġuni prinċipali għal kull tip ta' operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.

Sptar Mater Dei – –użu tal-operating theatres

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhuma l-Key Performance Indicators għall-użu tal-operating theatres fl-Isptar Mater Dei u jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport li juri l-kejl tal-performance tal-użu tal-operating theatres?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.

Energy Performance Certificates

Question

Minħabba li sa minn Ġunju 2022 għadha ma ġietx imwieġba l-mistoqsija parlamentari 1981, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati, sena sena u sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija, Energy Performance Certificates (EPCs) għall-ewwel darba, maqsuma bejn bini jew installazzjonijiet privati, pubbliċi u kummerċjali? Kemm minn dawn skadew? Kemm minn dawk li skadew reġgħu ġew imġedda u kemm minn dawk li skadew għadhom skaduti? Kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru fiċ-ċertifikati li saru fl-ewwel ċertifikat ġew implimentati sakemm saret iċ-ċertifikazzjoni sussegwenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Birżebbuġa, Żurrieq u Ħal Safi – rapporti ta’ vandaliżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' vandaliżmu fuq il-bibien u faċċati ta' residenzi privati f'Birżebbuġa, fiż-Żurrieq u f'Ħal Safi mill-1 ta' Diċembru 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid f'liema stadju tinsab l-investigazzjoni u jekk tressqux xi nies il-Qorti? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx innotati xi tendenzi partikolari u x'azzjonijiet qed jittieħdu min-naħa tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mill-1 ta' Diċembru 2022 sat-22 ta’Jannar 2023, kien hemm rapport wieħed dwar vandaliżmu, fuq bieb ta' residenza privata fiż-Żurrieq. Ma kienx hemm rapporti aktar ta' vandaliżmu fuq il-bibien u faċċati ta' residenzi privati f’dan il perjodu fil-lokalitajiet msemmija mill-Onorevoli Membru. L-investigazzjonijiet qed ikomplu mill-Korp.

Birżebbuġa – Pjan ta’ azzjoni għal upgrading fis-sistema tad-drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5015, tista' l-Ministru tikkonferma li l-għeluq ta' toroq minħabba l-imsemmija xogħlijiet ma jikkoinċidix mal-għeluq ta' toroq u devjazzjonijiet oħra minħabba xogħlijiet ippjanati ta' manutenzjoni jew proġetti oħra bħal dak ta' ħdejn l-ajruport? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-traffic management li ser ikun applikat għal kull fażi tax-xogħlijiet imsemmija fil-mistoqsija parlamentari 5015?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sejħa għall-offerti għat-tisħiħ tas-sistema tad-drenaġġ f'Birżebbuġa qiegħda fi stadju ta' abbozz. Kif l-abbozz ikun iffinalizzat, s-sejħa ppubblikata, u sussegwentement jiġi ffirmat il-kuntratt, il-kuntrattur magħżul huwa obbligat jissottometti pjan ta' traffic management għall-iskrutinju u l-approvazzjoni ta' Transport Malta

Rimi ta’ affluwenti minn kumpanija fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament terġa’ titħalla tarmi l-effluwenti tagħha fis-sistema tad-drenaġġ u jekk iva, meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rimi ta’ effluwenti fis-sistema tad-drenaġġ huwa regolat mil-leġiżlazzjoni sussidjarja S.L.545.08

Birżebbuġa – Pjan ta’ azzjoni għal upgrading fis-sistema tad-drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5015, tista' l-Ministru tgħid minn liema fondi ser jitħallas dan l-upgrade?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju l-proġett se jiġi ffinanzjat minn fondi lokali, kif inhi l-prassi qabel ma jsir irkupru minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Birżebbuġa – Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan Birżebbuġa, liema xogħlijiet ilhom li bdew mis-sajf li għadda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejja konsultazzjoni ma’ l-ERA dwar kif jistghu jitkomplew ix-xogħlijiet fid-dawl tas-sensittivita tas-sit.