Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Freeport Terminals – irbit tal-vapuri mal-mollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6716 u jgħid x'inhi l-policy, l-istandard jew il-prattika użata dwar kif (id-direzzjoni) jorbtu l-vapuri mal-mollijiet tal-Malta Freeport Terminals, għaliex ħafna drabi dawn jorbtu bil-poppa u għalhekk il-magni u l-ħsejjes ikunu l-eqreb lejn l-abitant? Hemm possibbiltà li din il-prassi tinbidel b'tali mod li l-ħsejjes ikunu l-aktar 'il bogħod mir-residenti, dejjem jekk l-istandards u r-regoli tal-marittimu u tas-sigurtà jippermettu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles – xogħol in-naħa tal-Freeport

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beda u meta ser jitlesta x-xogħol fi Triq il-Port Ħieles Birżebbuġa n-naħa tal-Freeport?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ tħammil beda fl-aħħar xahar tas-sena l-oħra. Peress li dan ix-xogħol ikun affettwat kemm mill-maltemp kif ukoll mill-immanuvrar tal-vapuri li jidħlu fil-Freeport, Infrastructure Malta mhijiex f’pożizzjoni li tati data ta’ meta x-xogħol ser ikun komplut. F’dan ir-rigward, il-prijorità dejjem tingħata lix-xogħol tal-Freeport u mhux lil dak tat-tħammil sabiex l-operat tal-Freeport ikollu l-inqas impatt possibbli. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 1505 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, f'Seduta 100 tat-14 ta' Marzu 2023)

Birżebbuġa – Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan – xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5501, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-konsultazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), x'kien l-intopp prinċipali u meta se jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan, Birżebbuġa, liema xogħljiet ilhom li bdew mis-sajf li għadda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjoni mal-ERA nqasmet f’żewg fażijiet. Il-permess fuq il-parti tat-triq li ma tinsabx fuq Għar Ħasan ħareġ, ix-xogħol għaddej u mistenni jkun lest fiż-żmien li ġej. Dwar il-parti li tinsab fuq Għar Ħasan, qed isiru studji ġeoloġiċi u ġeotekniċi, b’konsultazzjoni mal-ERA. Dan sabiex waqt ix-xogħlijiet nassiguraw ruħna li l-inġenji u l-interventi ma jagħmlu l-ebda ħsara lil dan l-istess Għar.

Wasteserv – tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ ta’ materjal riċiklabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm naqas id-dħul tal-Wasteserv mill-bejgħ tal-materjal riċiklabbli minn meta bdiet topera s-sistema tal-Beverage Container Refund Scheme sal-lum?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li s-sistema tal-BCRS għadha fl-istadji inizjali tagħha, ġiet osservata bidla fil-materjal tal-borża griża/ ħadra. Ibbażat fuq proġezzjonijiet inizjali, ġie osservat tnaqqis ta' 56% fil-kontenituri tal-plastik u tnaqqis ta' 59% fl-aluminju. Is-suq tal-esportazzjoni tal-iskart riċiklabbli huwa suq volatili u fil-fatt il-prezzijiet attwali li qed jiġu offruti huma f'livell baxx ħafna minħabba fatturi esterni bħal spejjeż għoljin tal-enerġija f'pajjiżi fejn jinsabu l-faċilitajiet finali u żidiet fis-shipping costs. Għalhekk filwaqt li t-tnaqqis fid-dħul stmat ma jistax jiġi kwantifikat, tnaqqis fid-dħul se jkun inevitabbli peress li inqas plastik u aluminju taħt l-ambitu tal-BCRS se jkunu qed isibu triqithom fil-borża griża/ ħadra.

Malta Freeport Terminals – irbit tal-vapuri mal-mollijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy, l-istandard jew il-prattika użata dwar kif (id-direzzjoni) jorbtu l-vapuri mal-mollijiet tal-Malta Freeport Terminals, għaliex ħafna drabi dawn jorbtu bil-poppa u għalhekk il-magni u l-ħsejjes ikunu l-eqreb lejn l-abitant? Hemm possibbiltà li din il-prassi tinbidel b'tali mod li l-ħsejjes ikunu l-aktar ’il bogħod possibbli mir-residenti, dejjem jekk l-istandards u r-regoli tal-marittimu u tas-sigurtà jippermettu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Mediċini b’xejn lill-pazjenti bil-Fibromyalgia

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka l-lista ta' mediċini li l-Gvern qiegħed jagħti b'xejn lill-pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni tal-Fibromyalgia?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-medicini li l-Gvern jagħti b'xejn lill-pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni tal-Fibromyalgia huma: Amitriptyline 10mg & 25mg tablets Pregabalin 75mg, 150mg & 300mg capsules Tramadol 50mg capsules

Birżebbuġa – ċentru komunitarju ġdid

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal il-proċess biex id-Dipartiment tal-Kura Primarja jsib sit adegwat għal ċentru komunitarju ġdid f’Birżebbuġa? Jekk is-sit diġà ntgħażel, jista' l-Ministru jgħid jekk dan huwiex tal-Gvern jew tal-privat, fejn ser tkun il-Klinika fil-Komunità l-ġdida ta’ din il-lokalità, meta ser tinfetaħ din il-klinika f'Birżebbuġa, kemm-il spazju ta' parkeġġ hemm biswit, kemm ser ikun l-investiment inizzjali, x'ser ikunu s-servizzi li ser ikunu offruti u meta ser ikunu l-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sit il-ġdid tal-Klinka fil-Komunità ta’ Birżebbuġa jinsab fi Triq Birżebbuġa, Birżebbuġa, u dan intgħażel wara li saret sejħa pubblika għall-offerti. Huwa ppjanat li l-Klinka fil-Komunità ta’ Birżebbuġa tkun lesta lejn l-aħħar tal-2023.

Operazzjonijiet posposti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5570 u jgħid liema tip ta' operazzjonijiet u kemm minn kull tip ġew posposti mill-1 ta' Jannar 2023 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija fl-Isptar Mater Dei u x'kienet ir-raġuni prinċipali għal kull tip ta' operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Settembru u Novembru tal-2022, f’26 jum saru 4055 operazzjonijiet f’Mater Dei. Waqt li ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta' Jannar 2023 ġew posposti 166 operazzjoni u r-raġunijiet prinċipali kienu dawn: 1. Il- pazjent ma jiġix għall-operazzjoni. 2. Minħabba xi kontraindikazzjoni medika. 3. Il-pazjent irrifjuta l-operazzjoni. 4. Ikun hemm operazzjonijiet fuq l-istess lista li jkunu damu iżjed milli kien mistenni. 5. Il-pazjent ma kellux bżonn l-operazzjoni, għaliex il-kundizzjoni tiegħu tkun inbidlet. 6. Minħabba li jkun hemm xi każ urġenti li jkun irid jiġi operat minnufih. 7. Il-pazjent ma jkunx ippreparat sew għall-operazzjoni, eż. ma jkunx sajjem.

Awtorità li tissorvelja s-saħħa u s-sigurtà fl-ispazji pubbliċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema hija l-awtorità li tissorvelja s-saħħa u s-sigurtà fl-ispazji pubbliċi, inkluż fil-playing fields, u jelenka lista tal-istandards nazzjonali u internazzjonali użati għal dan l-iskop?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Liġijiet / linji gwida li għandhom jiġu segwiti mis-social workers

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta’ liġijiet u/jew linji gwida uffiċjali li s-social workers għandhom isegwu f'każijiet ta' vjolenza domestika li jiltaqgħu magħhom? Jista' l-Ministru jgħid liema huma u fejn jistgħu jinstabu l-linji gwida u/jew proċeduri li għandhom isegwu s-social workers meta jiltaqgħu ma’ każijiet ta' vjolenza domestika u kif tali każijiet għandhom jiġu rrapportati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

LESA – Field Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad hemm bżonn Field Officers biex il-LESA jkollha full complement f'kull reġjun? Jista’ jgħid jekk saritx sejħa interna u jekk saret, jista’ jgħid kemm applikaw, x'inhu l-proċess u meta hemm il-ħsieb li dan il-proċess jingħalaq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li nħoloq post vakanti ta’ “field officer”, li għaliha saret sejħa interna skont kif jitlob il-ftehim kollettiv.

Proġett tal-Mosta – konsultazzjoni mis-Sezzjoni tal-Ilma tax-Xita

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5748, jista' l-Ministru jgħid ma’ min saret konsultazzjoni mis-Sezzjoni tal-Ilma tax-Xita fi ħdan it-Taqsima Kostali u tal-Ilma tax-Xita meta ressqet il-proposta tal-istorm water management il-ġdid fil-Mosta lil Infrastructure Malta? Jista' jippreżenta r-rapporti u/jew studji li saru qabel ma ġie deċiż li l-ilma jintefa' f'Wied il-Għasel u x'alternattivi kienu kkonsidrati?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett kien implimentat minn Infrastructure Malta u s-Sezzjoni tal-Ilma tax-Xita fi ħdan it-Taqsima Kostali u tal-Ilma tax-Xita taħt il-Ministeru tax-Xogħolijiet Pubbliċi li pprovdiet assistenza teknika lil din l-aġenzija. Għalhekk saret kunsultazzjoni mal-uffiċjali ta’ Infrastructure Malta li kienu inkarigati mix-xogħol tat-toroq fi Triq il-Kbira, Pjazza Rotunda, Triq il-Kostituzzjoni, Pjazza 16 ta’ Settembru, Triq il-Farinal, Triq ir-Rebbiegħa, Triq il-Barrieri u Triq it-Torri fil-Mosta u ma’ rappreżentanti tal-Kunsill Lokali tal-istess lokalità. Minħabba t-topografija tal-post, l-ilma tax-xita miġbur f’dawn it-toroq dejjem kien imur fil-wied. Għalhekk studji ma sarux, iżda saru kalkoli bbażati fuq il-livelli tat-toroq u l-kobor tal-catchment areas li jaffettwaw id-daqs tal-katusi li jridu jintuzaw biex jiġbru l-ilma tax-xita f’każ ta’ maltempati.

Żieda fil-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5746, u jgħid kemm hemm anzjani li qabżu l-età tal-pensjoni li lanqas ħadu ż-żieda ta’ €2.60 fil-pensjoni? F'każ li hemm xi każijiet, x'inhi r-raġuni prinċipali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żieda li ħadu l-pensjonanti kienet ta’ €12.50 maqsuma €9.90 bħala ż-żieda tal-għoli tal-ħajja u €2.60 bħala żieda li ta l-Gvern fir-rata tal-pensjoni nnifisha. Il-pensjonanti jitħallsu r-rata tal-pensjoni kif ukoll il-bonus tal-għoli tal-ħajja fl-istess pagament. Il-parti tal-COLA li żdiedet mal-pensjoni kienet ta’ €6.60 (żewġ terzi ta’ €9.90) kif ukoll iż-żieda addizzjonali ta’ €2.60 li allura tfisser li r-rata tal-pensjoni żdiedet b’€9.20 fil-ġimgħa. It-terz l-ieħor tal-għoli tal-ħajja (€3.30) tħallas fil-bonus tal-għoli tal-ħajja bħala żieda ma’ dak li kien diġà qiegħed jitħallas is-sena l-oħra. B’hekk it-total taż-żieda mogħtija huwa €12.50 fil-ġimgħa. Jista’ jkun hemm każijiet li għalissa għadhom jitħallsu bir-rata tas-sena l-oħra minħabba l-fatt li qegħdin f’residenza fejn is-servizz residenzjali huwa ffinanzjat mill-Gvern u li r-rata ta’ tnaqqis mill-pensjoni għad trid tinħadem. Jista’ jkun hemm ukoll każi li jieħdu pensjoni żgħira pro-rata taħt xi ftehim bilaterali internazzjonali allura kif dejjem isir f’dawn il-każi ma jieħdux iż-żieda sħiħa imħabbra imma pro-rata. Dawn ikunu qed jirċievu wkoll pensjoni oħra minn pajjiż ieħor.

Passaport Malti għal wild ta’ persuna minn pajjiż membru tal-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess sabiex wild ta' persuna minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, bil-ġenitur ilu jgħix u jaħdem f'Malta għal aktar minn għaxar snin, ikun jista' jkollu passaport Malti sabiex ikun jista' jirrappreżenta lil Malta f'kompetizzjonijiet sportivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li skont id-dispożizzjonijiet tal-Att Dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188), persuna adulta tista’ tapplika ġħaċ-Ċittadinanza Maltija fuq bażi ta’ residenza sakemm tissodisfa r-rekwiżiti tal-artiklu 10(1). Jekk din il-persuna għadha minuri tista’ ssir applikazzjoni skont ir-rekwiżiti tal-artikolu 11 tal-istess Att. Infurmat li dan l-Att kif ukoll il-liġi sussidjarja taħt dan l-Att tipprovdi li persuna takkwista ċ-Ċittadinanza Maltija bil-Mertu sakemm n-naturalizzazzjoni tagħha hija ta’ interess eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta fejn dan l-interess eċċezzjonali jirreferi għal kontribuzzjonijiet minn xjenzati, riċerkaturi, atleti, nies sportivi, artisti, artisti kulturali, investituri u intraprendituri.

Karta tal-Identità Maltija għal persuni li għandhom ’il fuq minn 75 sena minn pajjiżi membri tal-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess sabiex anzjan li jkollu ’l fuq minn 75 sena minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea jkollu Karta tal-Identità Maltija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Karta tal-Identità Maltija tinħareġ biss lil ċittadini Maltin. Ċittadini li ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, li jirrisjedu f’Malta jinħarġilhom Dokument ta’ Residenza.

MCST – programmi jew proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5201, u jagħti lista ta' programmi jew proġetti li ġew offruti mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST) matul is-snin 2021 u 2022 u jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet sottomessi għal kull wieħed minnhom, kemm minn dawn il-proposti kienu ta' standard tajjeb biżżejjed sabiex setgħu ġew awarded il-fondi u kemm fil-fatt ġew milqugħa proposti għal kull proġett jew programm?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Safi, Imqabba u Ħal Kirkop – ħruġ ta’ permessi għal tined/canopies

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm inħarġu permessi għal tined/canopies mill-1 ta' Jannar 2022 sal-aħħar ta' Jannar 2023 f'Ħal Safi, fl-Imqabba u f’Ħal Kirkop?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.

Energy Performance Certificates

Question

Minħabba li sa minn Ġunju 2022 għadhom ma ġewx imwieġba l-mistoqsijiet parlamentari 1981 u 5572, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati, sena sena u sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija, Energy Performance Certificates (EPCs) għall-ewwel darba, maqsuma bejn bini jew installazzjonijiet privati, pubbliċi u kummerċjali? Kemm minn dawn skadew? Kemm minn dawk li skadew reġgħu ġew imġedda u kemm minn dawk li skadew għadhom skaduti? Kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru fiċ-ċertifikati li saru fl-ewwel ċertifikat ġew implimentati sakemm saret iċ-ċertifikazzjoni sussegwenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.

Residenza San Vinċenz de Paul – ħlas lil nurses u/jew carers barranin

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5567, jista' Ministru jgħid kif qed jassigura li n-nurses u/jew carers barranin (TCN) li jaħdmu fil-parti l-ġdida ta' San Vincenz de Paul u dawk li jaħdmu fil-parti l-antika jitħallsu l-istess għall-istess xogħol? Jista' l-Ministru jikkonferma li dan qed iseħħ?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5567 li ngħatat fis-Seduta 82 tat-30 ta’ Jannar 2023.

Birżebbuġa – Triq tal-Ġebel – irwejjaħ ta’ drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk daħlux rapporti li r-residenti fi Triq tal-Ġebel u fl-inħawi, f'Birżebbuġa, qegħdin ixommu rwejjaħ ta' drenaġġ? X'investigazzjonijiet saru u minn min, u x'azzjonijiet ser jittieħdu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li f’dak li jirrigwardja każijiet ta’ rwejjaħ fl-inħawi ta’ Birżebbuġa, mill-bidu ta’ Jannar lil hawn, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi rċeviet rapport wieħed biss nhar il-Ħadd 29 ta’ Jannar. L-Awtorità wettqet spezzjonijiet fit-triq imsemmija, fit-toroq tal-madwar u kif ukoll fiż-żona residenzjali tal-Papa u fiċ-ċentru ta’ Birżebbuġa. Fil-fratemp il-korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma għamlet l-investigazzjonijiet tagħha wkoll, fejn il-problema relatata ma’ rwejjaħ ta’ drenaġġ ġiet solvuta. Il-korporazzjoni se tibqa' ssegwi l-każ.