Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żurrieq – Wied Fulija – skart tal-kostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn meta beda jintieżen l-iskart tal-kostruzzjoni li ntefa' f'Wied Fulija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li x-xogħlijiet fuq is-sit kienu bdew għall-ħabta ta’ Mejju tas-sena 2019 meta l-miżien kien ġie installat biex jitkejjel id-dħul ta’ dan il-materjal.

Żurrieq – Wied Fulija – skart tal-kostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn meta beda jintieżen l-iskart tal-kostruzzjoni li ntefa' f'Wied Fulija, iż-Żurrieq, kemm intefa' skart tal-kostruzzjoni u minn liema proġett/i ġie ġġenerat?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mal-ispjegazzjonijiet fit-tweġibiet li kienu ngħataw mill-predeċessur tiegħi għall-mistoqsijiet parlamentari 12911 u 15378 tat-Tlettax-il Leġiżlatura, u t-tweġiba li għadni kif tajt għall-mistoqsija parlamentari 7589, ninsab infurmata li ntużaw madwar 110,000 metri kubi ta’ materjal biex tiġi riabilitata l-miżbla. Il-kuntratt kien jispeċifika l-kwalità ta’ materjal li kellu jintuża, imbagħad kienet ir-responsabbiltà tal-kuntrattur li jipprovdi materjal li kien adegwat u li kien konformi mal-kundizzjonijiet tal-permessi kif maħruġa mill-awtoritajiet relevanti. Is-sors tal-materjal li ntuża fix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni mhux dokumentat peress li l-kompożizzjoni tal-materjal huwa l-parametru rekwiżit mid-disinn, u l-provenjenza ma tagħmel ebda differenza fis-suċċess tat-twettiq tal-proġett li minn żewġ miljun tunellata ta’ skart u żona mhux aċċessibbli, radd lura lill-poplu waħda mill-isbaħ inħawi tal-pajjiż f’park għall-familja b’aktar minn 43,000 siġra u arbuxell.

Ħal Far Model Flying Association

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4999, jista' l-Ministru jgħid għal liema post se tkun qed tiċċaqlaq il-Ħal Far Model Flying Association minn fejn hi ppjanata li ssir it-trakka tal-karozzi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-istqarrija maħruġa mid-DOI numru PR220199 datata 13 ta’ Frar 2022.

Università ta’ Malta – korsijiet bis-sistema ta’ numerus clausus

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamenari 5050 u jgħid liema huma l-korsijiet fl-Università ta' Malta li se jkollhom is-sistema ta' numerus clausus fid-dħul li jmiss u kemm se jkun in-numru ta' studenti li se jitħallew jidħlu f'kull wieħed minn dawn il-korsijiet universitarji? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li għal dawn il-korsijiet din is-sistema titneħħa jew tinbidel u meta? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li meta studenti jmorru jistudjaw f'universitajiet Ewropej minnħabba n-numerus clausus, dawn jibdew jieħdu refund tal-ispejjeż għall-istudji tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Minbarra li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li s-sistema hi kompletament fir-responsabbiltà tal-Università ta' Malta u l-Ministeru ma jindaħal bl-ebda mod f’tali deċiżjonijiet, jien infurmat li l-istess istituzzjoni tevalwa partikolarment il-ħtieġa li, f’kull kors, jinżamm il-livell meħtieġ ta’ edukazzjoni li tkun trid tingħata qabel tasal għall-konklużjonijiet tagħha. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tal-Istat – kiri ta’ swali lil għaqdiet volontarji

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rati li qed jiġu ċċarġjati mill-iskejjel tal-Istat għall-kiri tas-swali tal-iskejjel lil għaqdiet volontarji u li ma joperawx għal qligħ, x'inhi r-rata tal-VAT użata u x'tip ta' rċevuta qed tingħata?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-użu ta’ swali huma rregolati mill-Kunsilli tal-Iskejjel u r-rati jvarjaw skont iċ-ċirkostanzi.

Awtorità tad-Djar – dwal użat f’komun ta’ binjiet, appartamenti u garaxxijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont u l-valur, ta’ dawl li ntuża fil-komun ta' binjiet, appartamenti u garaxxijiet, binja b’binja, matul is-sena 2022 u x'miżuri jittieħdu mill-Awtorità tad-Djar jew minn xi entità jew dipartiment ieħor sabiex id-dawl fil-komun ta' appartamenti u garaxxijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħhom ma jitħalliex mixgħul mingħajr bżonn?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f’seduta oħra.

Liġijiet/linji gwida li għandhom jiġu segwiti mis-social workers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6721 u 7013 u jelenka lista ta' liġijiet u/jew linji gwida uffiċjali li s-Social Workers għandhom isegwu f'każijiet ta' vjolenza domestika li jiltaqgħu magħhom? Jista' jgħid liema huma u fejn jistgħu jinstabu l-linji gwida u/jew proċeduri li s-Social Workers għandhom isegwu meta jiltaqgħu ma’ każijiet ta' vjolenza domestika u kif tali każijiet għandhom jiġu rapportati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-professjoni tax-Xogħol Soċjali (Social Work) hija rregolata mill-Att dwar il-Professjoni tax-Xogħol Soċjali, Kap. 468 tal-Liġijiet ta’ Malta. Il-Ħaddiema Soċjali (Social Workers) isegwu l-Kodiċi tal-Etika għall-Ħaddiema Soċjali li ġew maħruġa fl-2018 mis-Social Work Profession Board. Is-Social Workers li jaħdmu ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika jsegwu l-Att dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika, Kap. 581 tal-Liġijiet ta’ Malta, kif ukoll Kap 9, Artikolu 540A tal-Kodiċi Kriminali. Is-Social Workers isegwu wkoll il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika. Parti mix-xogħol tas-Social Workers huwa li jagħmlu social work assessments hekk kif ġew imħarrġa fil-kors universitarju li jkunu segwew biex iggradwaw fis-social work. Is-Social Workers li jaħdmu ma’ vittmi u aġġressuri ta’ vjolenza domestika huma mħarrġin fl-assessment tool - DASH - Domestic Abuse, Stalking and Honour Based Violence Risk Checklist. Informazzjoni f’aktar dettal dwar id-DASH Risk Assessment u l-awtur tiegħu jinsabu f’dan is-siti elettroniċi - https://www.laurarichards.co.uk/laura-richards-work/ & https://www.dashriskchecklist.co.uk/dash/. Bħall kull servizz ieħor, is-Social Workers tat-taqsima kontra l-vjolenza domestika, isegwu l-policies u proċeduri interni tal-Aġenzija u l-Fondazzjoni li jagħmlu parti minnha. F’kull każ li jiltaqgħu miegħu, is-Social Workers jagħmlu d-DASH Risk Assessment biex jevalwaw il-livell ta’ riskju li l-allegat vittma tinsab fiha. F’kull każ is-Social Workers jinkoraġġixu l-vittma sabiex tagħmel rapport mal-pulizija tat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika. Is-Social Workers jaħdmu mal-vittma biex jiprovdu sapport emozzjonali u jresquhom lejn servizzi oħra li jistgħu jgħinuhom.

Project Green – spazji miftuħa ġodda

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi lista tal-ispazji miftuħa ġodda, jiġifieri mhux rinovati jew li qed issirilhom manutenzjoni, li ser ikunu qed jitlestew sal-aħħar tal-2023 mill-aġenzija Project Green?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s'issa l-Aġenzija Project Green diġà fetħet żewġ spazji ġodda li huma l-Park tal-Familja f’Bengħajsa u l-estensjoni ġdida tal-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar. Sadattant, għaddej il-proċess biex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet għal spazji miftuħa ġodda relatati mal-Community Greening Grant. F’dan il-kuntest nirreferi wkoll għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7509.

Project Green – spazji miftuħa eżistenti

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi lista tal-ispazji miftuħa diġà eżistenti li ser ikunu rinovati jew li se ssirilhom manutenzjoni u li ser ikunu qed jitlestew sal-aħħar tal-2023 mill-aġenzija Project Green u x'ser ikun ix-xogħol fihom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li reċentement ġie rinovat id-Dog Park ta’ Ta’ Qali u għaddej il-proċess biex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet għal spazji miftuħa ġodda relatati mal-Community Greening Grant. F’dan il-kuntest nirreferi wkoll għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7509.

Dipartiment tax-Xogħlijiet – spazji miftuħa eżistenti

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista tal-ispazji miftuħa diġà eżistenti li ser ikunu rinovati jew li se ssirilhom manutenzjoni u li ser ikunu qed jitlestew sal-aħħar tal-2023 mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar tal-2023, mix-xogħlijiet li d-Dipartiment qed jaħdem fuqhom bħalissa, se jkun qed jirrinova dawn l-ispazji miftuħa: Ġnien Bir l-Iljun fir-Rabat, Ġnien il-Kunsill f’Birżebbuġa u Ġnien Ġorġ Zarb f’San Ġwann.

Applikazzjonijiet għal zebra crossings ġodda

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista ta' zebra crossings ġodda illi għalihom hemm applikazzjonijiet f'kull lokalità mill-Gvernijiet Lokali rispettivi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-zebra crossing applications li hemm applikazzjoni pendenti għand Transport Malta huma : Ħaz-Zebbuġ – Misraħ San Filep Tarxien – Triq San Anard Tarxien – Triq il-Palma

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles – ħsarat li qegħdin iġarrbu karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli għall-ħsarat li qed iġarrbu karozzi fi Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa, in-naħa tal-Freeport, waqt li qegħdin isiru x-xogħlijiet, imma t-triq xorta waħda hija miftuħa għat-traffiku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għandha proċedura dwar kif għandhom isiru t-talbiet għal kumpens fuq ħsarat tal-karozzi. Wara li ssir evalwazzjoni tal-każi, tagħti kumpens lill-individwi li jkunu ġarrbu ħsara fuq il-vetturi tagħhom b’konsegwenza ta’ l-istat ta’ toroq taħt responsabilita’ tagħha. F’każ li l-ħsara tkun saret kawza ta’ negliġenza min-naħa tal-kuntrattur, il-kumpens isir mill-istess kuntrattur.

Energy Performance Certificates

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1981, 5572 u 6075 u jgħid kemm ġew irreġistrati, sena b’sena u sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija, Energy Performance Certificates (EPCs) għall-ewwel darba, maqsuma bejn bini jew installazzjonijiet privati, pubbliċi u kummerċjali? Kemm minn dawn skadew? Kemm minn dawk li skadew reġgħu ġew imġedda u kemm minn dawk li skadew għadhom skaduti? Kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru fiċ-ċertifikati li saru fl-ewwel ċertifikat ġew implimentati sakemm saret iċ-ċertifikazzjoni sussegwenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Infurmat li n-numru ta’ EPCs reġistrati kull sena huma kif ġej: Djar ta’ abitazzjoni: Sena Numru totali ta' EPCs 2023 476 2022 8,900 2021 10,194 2020 9,286 2019 13,131 2018 16,576 2017 10,392 2016 9,035 2015 7,936 2014 1,382 2013 139 2012 238 2011 301 2010 3 Bini ieħor: Sena Numru totali ta' EPCs 2023 10 2022 316 2021 318 2020 331 2019 623 2018 1,044 2017 1,036 2016 689 2015 543 2014 37 Kull EPC huwa validu għal għaxar snin. EPC irid jinħareġ f’każi ta’ bejgħ, kiri jew bini ġdid. Hemm l-obbligu li s-sid jara li hu konformi mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-istess ċertifikat.

Birżebbuġa – ċentru komunitarju ġdid

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6718, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il spazju ta' parkeġġ hemm biswit il-lok magħżul għal Klinika fil-Komunità f'Birżebbuġa, kemm ser ikun l-investiment inizjali, x'ser ikunu s-servizzi li ser ikunu offruti u meta ser ikunu l-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ? Jista' jgħid liema ser ikunu l-ħinijiet tat-tabib (GP) u jekk hux ser jingħata s-servizz ta' tilqim, speċjalment dak relatat ma’ persuni li jaħdmu ma’ immigranti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xoghol fuq il-Klinika Kommunitarja għas-sahha f’B’Bugia ser jibda fil-gimghat li gejjin wara li aktar kmieni din is-sena instab sit addattat.

Ħal Safi, Imqabba u Ħal Kirkop – ħruġ ta’ permessi għal tined/canopies

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6074 u jgħid kemm inħarġu permessi għal tined/canopies mill-1 ta' Jannar 2022 sal-aħħar ta' Jannar 2023 f'Ħal Safi, fl-Imqabba u f’Ħal Kirkop?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nħarġu l-ebda permessi għal tined f’Ħal Safi, l-Imqabba u Ħal Kirkop bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u l-aħħar ta’ Jannar 2023.

Marsaxlokk – port — materjali mormi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7016, tista' l-Ministru tgħid kemm kienet il-kwantità ta' materjali li ġew imħammla mill-Port ta' Marsaxlokk mill-aħħar xahar tas-sena l-oħra sal-lum u fejn ġew mormija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont in-Noti ta’ Kunsinna mogħtija lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, it-tħammil fil-Port ta’ Marsaxlokk bejn Diċembru 2022 u t-22 ta’ Marzu 2023 kellu jammonta għal 25,200 metru kubu ta’ materjal li wara jintrema fl-ispoil ground uffiċjali 'l barra mill-Port il-Kbir.

Malta Freeport Terminals – irbit tal-vapuri mal-mollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6716 u 7015 u jgħid x'inhi l-policy, l-istandard jew il-prattika użata dwar kif (id-direzzjoni) jorbtu l-vapuri mal-mollijiet tal-Malta Freeport Terminals, għaliex ħafna drabi dawn jorbtu bil-poppa u għalhekk il-magni u l-ħsejjes ikunu l-eqreb lejn l-abitant? Hemm possibbiltà li din il-prassi tinbidel b'tali mod li l-ħsejjes ikunu l-aktar 'il bogħod mir-residenti, dejjem jekk l-istandards u r-regoli tal-marittimu u tas-sigurtà jippermettu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm pjani li l-prattika tal-ħatt u t-tagħbija tal-bastimenti titbiegħed iżjed mill-abitat, u dan kif se jkun qed iseħħ bi proġett, li qed jiġi propost attwalment. Ma’ dan ngħarrfu wkoll li l-kaptan tal-bastiment, fuq konsultazzjoni mal-piloti marittimi, jiddetermina l-arranġamenti tal-irmiġġ bħala parti minn Skambju ta' Informazzjoni dwar il-Bdot u l-Kaptan abbord. Dan hu fl-interess li jiġi żgurat li l-manuvri tal-wasla u tat-tluq tal-bastimenti jitwettqu b'mod sigur bir-riskji kollha minimizzati sa fejn hu possibbli.

Awtorità tal-Ippjanar – status ta’ applikazzjoni

Question

B'referenza għal applikazzjoni numru PA/03040/16, jista' l-Ministru jispjega xi jfisser l-istatus "Planning Authority decision reviewed by Appeals Board / EPRT" u jekk dan il-każ hux magħluq? Jekk le, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni tal-Ippjanar hijiex qed tikkunsidra mill-ġdid l-applikazzjoni fid-dawl ta’ dak li kien espliċitament deċiż u ordnat mit-Tribunal fid-deċiżjoni tal-appell 343/16, ġaladarba t-Tribunal ħassar il-permess PA/3040/16 fl-appell nru 382/18 JB?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

B’referenza għall-istatus tal-applikazzjoni PA/03040/16 "Planning Authority decision reviewed by Appeals Board / EPRT" ifisser illi l-applikazzjoni kienet appellata u t-Tribunal emenda d-deċiżjoni oriġinali. Bħalissa l-applikazzjoni qed terġa' tiġi kkunsidrata wara li d-deċiżjoni tat-Tribunal fl-appell PAB382/18 JB kienet li l-applikazzjoni terġa tiġi ikkunsidrata mill-Kummissjoni tal-Ippjanar fid-dawl ta’ dak li kien deċiż u ordnat mit-Tribunal fid-deċiżjoni tal-appell PAB343/16, u tiddeċiedi mill-ġdid skont il-liġi u għaldaqstant għadha m’hix magħluqa. Bħalissa l-applikazzjoni qiegħda quddiem il-Kummissjoni tal-Ippjanar u fil-fatt tressqet tlett darbiet minn Mejju tal-2021 s’issa fejn l-applikant intalab biex jemenda l-block plan biex turi permessi li ħarġu ġol-Category 3 Rural Settlement. L-aħħar seduta kienet fil- 15 ta’ Marzu li għadda fejn id-deċiżjoni ġiet diferita għal ħmistax-il ġurnata sabiex il-perit inaqqas id-daqs tal-proposta u l-informazzjoni sottomessa terġa tintbgħat lill-Kumitat ta’ Konsulenza dwar l-Agrikoltura.

Liġijiet/linji gwida li għandhom jiġu segwiti mis-social workers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6721 u jelenka lista ta' liġijiet u/jew linji gwida uffiċjali li s-Social Workers għandhom isegwu f'każijiet ta' vjolenza domestika li jiltaqgħu magħhom? Jista' jgħid liema huma u fejn jistgħu jinstabu l-linji gwida u/jew proċeduri li s-Social Workers għandhom isegwu meta jiltaqgħu ma’ każijiet ta' vjolenza domestika u kif tali każijiet għandhom jiġu rapportati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Awtorità li tissorvelja s-saħħa u s-sigurtà fi spazji pubbliċi u playing fields

Question

Tista' l- Ministru tgħid liema hi l-awtorità li tissorvelja s-saħħa u s-sigurtà fl-ispazji pubbliċi, inkluż fil-playing fields, u telenka lista tal-istandards nazzjonali u internazzjonali użati għal dan l-iskop?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbiltà għas-saħħa u s-sigurtà ta’ spazji pubbliċi taqa’ fuq is-sid ta’ dawn il-postijiet. Speċifikament dwar saħħa u sigurtà ġewwa Playing Fields hemm standard nazzjonali volontarju ppubblikat mill-Istitut tal-Istandards u l-Metroloġija fi ħdan l-MCCAA li jkopri dawn. L-Istitut jipprovdi wkoll servizz ta’ verifika kontra r-rekwiżiti ta’ dan l-istandard fuq bażi volontarja fuq talba ta’ terzi li huma responsabbli għal dawn il-postijiet li f’dan il-każ huma l-Kunsilli Lokali.