Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sejħa ta’ Headship Positions

Question

B'referenza għas-sejħa pubblika ta’ ‘Headship Positions’ li ħarġet fit-28 ta’ Ottubru 2022 bin-numru taċ-ċirkolari 16/2022, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm u jekk kien hemm, kemm kien hemm kandidati ineliġibbli għall-ħatra ta’ pożizzjoni ta’ Direttur jew Kap fid-direttorati u/jew units fi ħdan il-MEYR? Kull ħatra li saret, jista’ jgħid jekk il-kandidati kenux eliġibbli skont l-Appendiċi ‘A’ u ‘B’ tal-istess sejħa u li kellhom l-aħjar kriterji fuqiex sussegwentement intgħażlu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li għal din is-sejħa pubblika dawk li ntgħażlu kienu dawk meqjusa l-aħjar skont il-proċess ta’nominazzjoni stabbilit li jinkludi pjan ta’erba snin, ħiliet ta’tmexxija u għarfien ieħor.Għal disa’ pożizzjonijiet kien hemm 23 applikant.

Ftehim dwar l-art fejn inbniet il-Lukanda Jerma

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull ftehim li l-Gvern Malti kien għamel ma’ investituri barranin bejn l-1970 u l-1990 dwar l-art fejn inbniet il-Lukanda Jerma?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Fornituri ta’ mediċini lokali u barranin — ħlas

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il kreditur u kemm kien il-valur li kien għadu ma tħallasx sa 30 jum, sa 60 jum u aktar minn 60 jum mid-data tal-invoice sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni bejn fornituri ta' mediċini lokali u dawk barranin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

BCA – ħlasijiet lill-konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 7757 u 9357 u jgħid kemm tħallsu s’issa mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) il-konsulenti li qed joffru konsulenza dwar il-building codes u jipprovdi lista ta' dawn il-konsulenti u għal kull każ jgħid jekk dan kienx direct order jew ingħatax permezz ta' tender?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li, l-konsulenti ngaġġati sa’ minn 2021 b’rabta mas-somma tal-Kodiċi tal-Bini huma Bezzina & Cole, Charles Buhagiar, Martin Debono, Thomas Paris, Anthony Cutajar, Marta Repice, Matthew Giordmaina, Marie Denise Barbara, Natalino Bezzina u Peter Paul Coleiro.Sal-lum tħallsu somma kompleta ta’ Eur72,190.

Birżebbuġa – football ground

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-titolu li għandha l-fondazzjoni u/jew għandhom il-clubs tal-football ta' Birżebbuġa fuq il-football ground li jinsab fi Triq il-Port Ħieles?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Artijiet li ġew meħuda mill-Gvern

Question

Ġaladarba l-mistoqsija parlamentari 512 tat-18 ta' Mejju 2022 u l-mistoqsija parlamentari 8047 tal-25 ta' April 2023 għadhom ma ġewx imwieġba, u fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9360 tal-5 ta' Ġunju 2023 intqal li informazzjoni ta’ dan it-tip ma tistax tingħata, jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex ma jistax iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-area, il-valur ta' kumpens dovut u l-lokalità ta' artijiet li ġew meħuda mill-Gvern mill-1990 sad-data li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u li għadhom ma ġewx ikkompensati b'mod sħiħ? F'każ li għar-raġunijiet diġà mogħtija mill-Ministru u l-Ministru ma jistax jagħti l-valur ta' kumpens, jista' jgħid x'inhu l-book value li l-Gvern qiegħed juża għal finijiet ta' kontijiet pubbliċi u ċjoè l-ammont li potenzjalment il-Gvern ser ikun qed iħallas?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9360.

Urban Improvement Fund u Development Planning Fund

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2906 u jgħid kemm daħlu flus fl-Urban Improvement Fund u fid-Development Planning Fund, fond b’fond u sena b’sena, mill-1 ta' Jannar 2013 sal-aħħar ta' Diċembru 2022, u liema kienu l-proġetti li ġew iffinanzjati minn dawn il-fondi? X'kien l-ammont ta' finanzjament proġett proġett, fejn sar kull proġett u x'inhu l-istatus ta' kull proġett?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sejħa ta’ Headship Positions

Question

B'referenza għas-sejħa pubblika ta’ ‘Headship Positions’ li ħarġet fit-28 ta’ Ottubru 2022 bin-numru taċ-ċirkolari 16/2022, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm każijiet diretti jew indiretti ta’ kunflitt ta’ interess marbutin mal-għażla tal-kandidati għal din is-sejħa?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li għal din is-sejħa pubblika ma kienx hemm kunflitti ta’ interess waqt xi parti mill-proċess. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull membru fuq is-Senior Appointments Advisory Committee huwa obbligat li jiddikjara kwalunkwe kunflitt ta’ interess. F’każ ta’ kunflitt, il-membru jirrikuża ruħu mill-proċess u floku jidħol membru sostitut.

Enforcement Notice dwar permess

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9495, jista' l-Ministru jgħid x'passi oħrajn tista' tikkonsidra l-Awtorità tal-Ippjanar fejn jinstab żvilupp li mhux kopert b’permess ta’ żvilupp ma jitneħħiex u fiex tikkonsisti l-proċedura stabbilità li tintuża f’dawn il-każijiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn jinstab żvilupp li mhux kopert b’permess ta’ żvilupp u dan ma jitneħħiex wara li l-Awtorità tkun ħarġet Avviż ta’ Waqfien u ta’ Twettiq u wara li jiġi verifikat li r-rimedji kolla mogħtija mil-liġi ġew eżawriti, l-Awtorità tal-Ippjanar tikkomunika mas-sid jew mal-persuna li tokkupa l-art sabiex jiġi stabbilit jekk l-iżvilupp illegali hux ser jitneħħa mis-sid jew mill-persuna li tokkupa l-art u li jekk dan ma jseħħx l-Awtorità għandha d-dritt skont il-liġi li tneħħi l-iżvilupp illegali hi mingħajr ebda preavviż, f’dik li tissejjaħ azzjoni diretta, liema azzjoni ssir a spejjeż ta’ min huwa responsabbli tat-tali żvilupp mhux kopert b’permess. Il-proċedura li tintuża f’dawn il-każijiet, hija dik li hemm fl-Att prinċipali Kap. 552 artikolu 100.

Urban Development Capacity Study

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9494, jista' l-Ministru jispjega x'għandu jinftiehem meta jingħad abbozz ta' studju tal-'Urban Development Capacity Study' li fir-rapport annwali tal-Awtorità tal-Ippjanar għas-sena 2022 (pg. 9) huwa rrapportat li tlesta u x'jista' jinbidel fl-istudju bejn l-abbozz u dak finali?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-‘Development Capacity Study’ tlesta fi stadju t’abbozz, liema abozz huwa suġġett għal studji u konsultazzjoni interna addizzjonali.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għall-Iskema 'Irrestawra Darek'

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9493 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista eżawrjenti tal-applikazzjonijiet kollha, inkluż dawk fil-waiting list, illi l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet fl-aħħar sejħa tal-Iskema 'Irrestawra Darek' illi turi mhux biss in-numru tal-applikazzjoni, il-Perit li applika f'isem il-klijent u l-Kunsill Lokali, imma wkoll it-timestamp ta' meta l-applikazzjoni rreġistrat ruħha fis-sistema?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 9784 u 9446 li ngħataw fis-seduta 132.

Sejħa ta’ Headship Positions

Question

B'referenza għas-sejħa pubblika ta’ ‘Headship Positions’ li ħarġet fit-28 ta’ Ottubru 2022 bin-numru taċ-ċirkolari 16/2022, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm kandidati li kienu jissodisfaw il-kriterji meħtieġa u ma saritilhomx l-intervista personali?

Response (ABELA, ROBERT)

Din is-sejħa tmexxiet skont in-Nomination Process stabbilit fejn isir shortlisting għal Psychometric/Personality Test ikkumbinat ma' extended interview. Ninsab infurmat ukoll li fl-extended interview ikun hemm preżenza ta’ membru tekniku u xi applikanti talbu u ġew mogħtija l-opportunità li jiddiskutu l-eżitu mal-membru tekniku biex jaraw kif jistgħu itejbu l-prestazzjoni tagħhom f’applikazzjonijiet futuri.

Dipartiment tax-Xogħlijiet – spazji miftuħa eżistenti

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 7516 u 8036, jista' l-Ministru jgħid meta bdew, meta se jkunu kompluti u kemm se jiswew ix-xogħlijiet fuq Ġnien Bir l-Iljun fir-Rabat, Ġnien il-Kunsill f’Birżebbuġa u Ġnien Ġorġ Zarb f’San Ġwann? Jista' jgħid jekk hux se jkun hemm kuntratturi ingaġġati u jekk iva, x'xogħol se jkunu qed jagħmlu u fuq liema proġett?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq Ġnien Bir l-Iljun bdew fi Frar 2022 u ser ikunu kompluti fil-ġimghat li ġejjin. F’dan il-proġett, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għamel diversi xogħlijiet li ammontaw għal €26,267 eskluż il-pagi tal-ħaddiema. Il-Kunsill Lokali ħa ħsieb l-installazzjoni tal-play equipment, il-bankijiet u l-landscaping. Fuq dan il-proġett, id-Dipartiment ingaġġa kuntrattur għall-għorik tal-pavimentar. Ix-xogħlijiet fuq Ġnien il-Kunsill f’Birżebbuġa bdew f’Diċembru 2022 u ser ikunu kompluti għal aktar tard din is-sena. Fuq dan il-proġett, id-Dipartiment tax-Xogħljiet Pubbliċi ser ikun qed jiffinanzja x-xogħlijiet kollha ħlief l-installazzjoni tal-play equipment. S’issa n-nefqa min-naħa tad-Dipartiment tammonta għal €26,202 eskluż il-pagi tal-ħaddiema. Id-Dipartiment ser ikun qed jingaġġa kuntrattur biex tiġi installata sistema ta’ CCTV. Ix-xogħlijiet fuq Ġnien Ġorġ Zarb f’San Ġwann bdew fi Frar 2023 u ser ikunu kompluti għal aktar tard din is-sena. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħljiet Pubbliċi waqt li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann ser joħrog l-ispejjez kollha tal-materjal u l-makkinarju li s’issa jammontaw għal €6,248. Min-naħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi m’hemmx il-ħsieb li jiġu ngaġġati kuntratturi fuq dan il-proġett.

Skejjel tal-Istat – kiri ta’ swali lil għaqdiet volontarji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8031 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7593, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid x'inhi r-rata tal-VAT użata u x'tip ta' rċevuta qed tingħata f'każijiet ta’ ħlas għall-kiri tas-swali tal-iskejjel lil għaqdiet volontarji u li ma joperawx għall-qliegħ? Jista’ jgħid ukoll x'inhi r-rata li qed tiġi ċċarġjata minn kull Kunsill Skolastiku għall-użu tas-swali tal-iskejjel rispettivi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

SPED 2015 – reviżjoni tal-policies

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tar-reviżjoni tal-policies tal-iSPED 2015, x'inhuma l-istadji li jmiss u x'inhu t-timeline biex dan l-eżerċizzju jkun lest?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità aktar tard din is-sena se tkun qed tippubblika aktar dettalji partikolarment meta se tkun qed titħabbar konsultazzjoni pubblika.

Clubs sportivi — skemi

Question

Tista' l-Ministru telenka lista ta' skemi li se jinfetħu jew jerġgħu jinfetħu, u meta, għal klabbs sportivi fejn dawn jiġu megħjuna jieħdu inizjattivi ambjentali u sostenibbli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sabiex klabbs sportivi jieħdu inizjattivi ambjentali u sostenibbli, hemm numru ta’ għajnuniet li jistgħu jirrikorru għalihom. Fost dawn, Project Green nediet il-Community Greening Grant li għaliha setgħu japplikaw għaqdiet volontarji, skejjel u Kunsilli Lokali. Din l-iskema kienet intiża għal tisbiħ ambjentali fil-komunità, inkluż bit-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli. Wara li għalqet din l-ewwel skema, Project Green nediet skema oħra Local Greening Programme fejn entitajiet mhux governattivi, inkluż klabbs sportivi, jistgħu jidentifikaw spazji mitluqa, jew li forsi ma jintużawx, sabiex fihom jitħawlu aktar siġar fil-komunità. Aktar dettalji dwar din l-iskema jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-aġenzija. Opportunità oħra hija dik li joffri r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) fejn entitajiet mhux governattivi, u allura inkluż ukoll il-klabbs sportivi, jistgħu japplikaw biex jibbenefikaw minn tariffa feed-in taħt ir-Regolamenti dwar it-Tariffi Feed-in (Elettriku Ġenerat minn Stallazzjonijiet Fotovoltajiċi tax-Xemx) (L.S. 545.27). Din l-opportunità tapplika għal stallazzjonijiet ta’ pannelli b’kapaċità sa 40kW. F’każ ta’ stallazzjonijiet b'kapaċità ta’ bejn l-40kW u l-1000kWp, dawn l-istess entitajiet jistgħu jieħdu sehem fis-sejħiet għall-Offerti (ITB) għall-għoti ta' appoġġ finanzjarju għall-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu. Min-naħa tal-Aġenzija dwar l-Enerġija u l-Ilma (EWA), aktar kmieni din is-sena, nfetħet skema għal għaqdiet volontarji (inkluż dawk sportivi) sabiex jinvestu f’inizjattivi li jipprovdu għal aktar effiċjenza fl-użu tal-ilma u l-enerġija. Taħt din l-iskema ntlaqgħu 24 applikazzjoni li bħalissa qed jiġu evalwati mill-Aġenzija. L-inizjattivi magħżula se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin bil-ħsieb li jiġu implimentati matul din is-sena. Sadanittant, qed tiġi esplorata wkoll il-possibbiltà li din l-iskema terġa’ tiftaħ kmieni s-sena d-dieħla.

Birżebbuġa – Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk saritx xi tip ta' applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar dwar iċ-Ċentru tas-Saħħa f'Birżebbuġa u f'każ illi saret, x'inhu n-numru ta' referenza?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-applikazzjoni għal bdil ta’ użu tas-sit għal klinika komunitarja tas-saħħa qed tiġi preparata.

Skema 'Irrestawra Darek'

Question

Wara li ġiet posposta l-iskema 'Irrestawra Darek' għal binjiet skedati grad 1 u 2, jista' l-Ministru jgħid meta din se tinfetaħ u x'se jkunu t-termini u l-kondizzjonijiet, inkluż il-limitu tal-fond?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

L-Awtorità tal-Ippjanar se tkun qed tħabbar din l-iskema fiż-żmien li ġej u l-fond allokat huwa dak li diġà ġie mħabbar ta’ €1 miljun.

Sejħa pubblika ta’ Headship Positions

Question

B'referenza għas-sejħa pubblika ta’ ‘Headship Positions’ li ħarġet fit-28 ta’ Ottubru 2022 bin-numru taċ-ċirkolari 16/2022, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm u jekk kien hemm, kemm kien hemm kandidati ineleġibbli għall-ħatra ta’ pożizzjoni ta’ Direttur jew Kap fid-direttorati u/jew units fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni? Jista' jikkonferma jew le, li kull ħatra li saret, il-kandidati kienu eleġibbli skont l-Appendiċi ‘A’ u ‘B’ tal-istess sejħa u li kellhom l-aħjar kriterji fuq xiex sussegwentement intgħażlu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Sejħa pubblika ta’ Headship Positions

Question

B'referenza għas-sejħa pubblika ta’ ‘Headship Positions’ li ħarġet fit-28 ta’ Ottubru 2022 bin-numru taċ-ċirkolari 16/2022, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm kandidati li kienu jissodisfaw il-kriterji meħtieġa u ma saritilhomx l-intervista personali?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministeru kkonċernat.