Għotja għax-Xiri ta’ Residenza - Applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, għal kull sena mill-bidu tal-iskema tal-Għotja għax-Xiri ta’ Residenza sal-aħħar data disponibbli fl-2026, kemm kien in-numru ta’ applikazzjonijiet riċevuti, approvati, miċħuda u pendenti, in-numru ta’ familji jew persuni waħedhom li effettivament irċevew pagament, u l-ammont totali mħallas?
Jista’ l-Ministru jgħid, għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli, għall-każijiet konklużi taħt l-Iskema tas-Self Soċjali, x’kienu l-medja u l-medjan tal-prezz tal-proprjetà, tal-ammont tas-self, u tas-sussidju ta’ kull xahar approvat?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ applikazzjonijiet li waslu taħt l-Iskema tas-Self Soċjali għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli? Minn dawk li waslu f’kull sena, jista’ jgħid kemm ġew approvati mill-Awtorità tad-Djar, approvati mill-bank, konklużi b’kuntratt finali, miċħuda, irtirati jew għadhom pendenti, u kemm-il applikazzjoni ma wasslitx għal xiri minħabba li l-applikanti ma sabux proprjetà adattata fil-limitu tal-iskema?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirrreferi lill Onorevoli Interpellant għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jipprovdi, f’tabella separata għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli, għall-każijiet konklużi taħt l-Iskema ta’ Qsim ta’ Ekwità, il-medja u l-medjan tal-prezz tal-proprjetà, tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Awtorità u tal-perċentwal tas-sehem tagħha?
Jista’ l-Ministru jipprovdi, f’tabella separata għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli, in-numru ta’ applikazzjonijiet li waslu taħt l-Iskema ta’ Qsim ta’ Ekwità? Jista’ jgħid minn dawk li waslu f’kull sena kemm ġew approvati mill-Awtorità tad-Djar, approvati mill-bank, konklużi b’kuntratt finali, miċħuda, irtirati jew għadhom pendenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qegħda fit-tabella li qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-medja taż-żmien bejn applikazzjoni kompluta u d-deċiżjoni tal-Awtorità tad-Djar, u bejn dik id-deċiżjoni u l-kuntratt finali għall-iskema tal-10% Depożitu għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli? Jekk xi informazzjoni ma tinżammx mill-Awtorità, jista’ jgħid jekk tinżammx mill-banek parteċipanti?
Jista’ l-Ministru jipprovdi f’tabella separata għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli, in-numru ta’ applikazzjonijiet li waslu taħt l-iskema tal-10% Depożitu? Minn dawk li waslu f’kull sena, jista’ jgħid kemm:
(a) ġew approvati mill-Awtorità tad-Djar;
(b) ġew approvati mill-bank;
(ċ) waslu għall-pubblikazzjoni tal-kuntratt finali tax-xiri;
(d) ġew miċħuda mill-Awtorità jew mill-bank, separatament;
(e) ġew irtirati; u
(f) għadhom pendenti, bl-istadju li fih jinsabu?
Jekk xi informazzjoni ma tinżammx mill-Awtorità, jista’ jgħid jekk tinżammx mill-banek parteċipanti?
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull evalwazzjoni li saret dwar l-effett li kellhom l-iskema tal-10% Depożitu, l-Iskema ta’ Qsim ta’ Ekwità, l-Iskema tas-Self Soċjali u l-Għotja għax-Xiri ta’ Residenza fuq l-affordabbiltà tad-djar fl-2023, 2024, u l-2025?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2024 l-Awtorità tad-Djar ħejjiet studju komprensiv dwar l-iskemi tagħha relatati mal-homeownership, inklużi l-Iskemi tad-Depożitu, l-Equity Sharing, Social Loan, New Hope u Sir Sid Darek, li diġa huwa disponibbli għall-konsum pubbliku. Aġġornamenti ta’ dawn l-iskemi jiġu pprovduti wkoll fir-Rapport Annwali tal-Awtorità tad-Djar ta’ kull sena, li kopja tiegħu jiġi impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ta’ kull sena.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar statistiċi mill-Awtorità tad-Djar u/jew minn entità oħra għas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026 (sal-aħħar ta’ Settembru) dwar l-applikanti u l-benefiċjarji tal-iskema tal-10% Depożitu, l-Iskema ta’ Qsim ta’ Ekwità, l-Iskema tas-Self Soċjali u l-Għotja għax-Xiri ta’ Residenza rigward l-età, il-kompożizzjoni tal-familja, id-dħul, l-assi, il-prezz u l-karatteristiċi tal-proprjetà, id-depożitu, l-ammont u t-terminu tas-self, il-pagament ta’ kull xahar, u għajnuniet oħra riċevuti? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm benefiċjarji ta’ aktar minn skema waħda?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Rapporti u dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema rapporti jew dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Gvern jiġu rreġistrati l-istimi tal-obbligazzjonijiet relatati ma’ kumpens li għadu ma tħallasx għal artijiet u proprjetajiet meħuda għal skopijiet pubbliċi jew soċjali u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rendikont disponibbli, bid-data ta’ referenza tiegħu, li juri separatament il-kumpens totali determinat u/jew maqbul iżda mhux imħallas, l-istima totali min-naħa tal-Gvern tal-kumpens li għadu jrid jiġi determinat, u l-imgħax totali dovut?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 676 u 1167 u tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett relatat maċ-Ċentru Parrokkjali, f’Ħal Safi? Tista’ tgħid ukoll:
i. x’inhuma x-xogħlijiet li saru s’issa u kemm ġew jiswew;
ii. x’inhuma x-xogħlijiet li għadhom iridu jsiru u kemm huwa proġettat li ser jiġu jiswew; u
iii. meta huwa ppjanat li l-proġett ikun lest kompletament?
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1166 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull Memorandum of Understanding (MoU) jew tip ta’ ftehim ieħor li jiddetermina minn min u għal liema għanijiet ser ikun jista’ jintuża ċ-Ċentru Pastorali ta’ Ħal Safi ġaladarba qiegħed jiġi restawrat b’fondi pubbliċi? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx xi restrizzjonijiet dwar l-użu tiegħu?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill‑Onor. Interpellant li l‑MoU li sar fir‑rigward taċ‑Ċentru Parrokkjali ta’ Ħal Safi jelenka x‑xogħlijiet involuti u l‑obbligazzjonijiet tal‑partijiet rispettivi. L‑għanijiet li għalihom ser jintuża ċ‑Ċentru Parrokkjali u/jew kwalunkwe restrizzjoni fuq l‑użu tiegħu mhumiex ikkontemplati fl‑MoU, peress li d‑Dipartiment iwettaq proġetti għall‑ġid tal‑komunità kollha mingħajr ma jimponi restrizzjonijiet fuq l‑użu tagħhom. L‑użu taċ‑Ċentru Parrokkjali huwa għad‑diskrezzjoni tal‑Parroċċa ta’ Ħal Safi.
Il-proġett relatat maċ-Ċentru Parrokkjali f’Ħal Safi jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu. Ix-xogħlijiet li saru u li għad iridu jsiru huma dawk elenkati fl-MoU li kien ġie ffirmat bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Parroċċa ta’ Ħal Safi. Huwa stmat li x-xogħlijiet ser jiswew madwar €250,000 u li se jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena.
Dan l-MOU qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-area, il-valur ta' kumpens dovut u l-lokalità tal-artijiet li ġew meħuda mill-Gvern mill-1990 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u li għadhom ma ġewx ikkumpensati b'mod sħiħ? Għal kull każ, jista' jagħti d-data meta ser jingħata l-kumpens dovut u l-ammont tal-kumpens?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li data ta’ dan it-tip ma tistax tingħata għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-informazzjoni. Minbarra dan, fil-maġġoranza tal-każi, il-valur ta’ tali kumpens jiġi stabbilit fiż-żmien li jkun se jsir il-ħlas, għax ikun skont deċiżjoni tal-Qorti jew għax ikun marbut ma’ akkwisti li jkun neċessarju li jingħalqu bil-ħlas u b’kuntratt ta’xiri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' strutturi li għalkemm tħallset il-multa massima, kienu għadhom illegali, irregolari jew mhux sanzjonati sal-aħħar tas-sena 2025?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każijiet ta’ strutturi li għalkemm tħallset il-multa massima, kienu għadhom illegali, irregolari jew mhux sanzjonati sal-aħħar tas-sena 2025, kienu erbgħa. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il proprjetà f'Malta u f'Għawdex inxtrat minn persuni li ma kenux ċittadini Maltin fil-mument li sar il-kuntratt matul l-2024?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Birżebbuġa - Triq il-Bajja s-Sabiħa - Bankina ġdida
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ilmenti dwar id-disinn u/jew dwar ix-xogħlijiet u/jew dwar il-kwalità tal-bankina l-ġdida li saret fi Triq il-Bajja s-Sabiħa f'Birżebbuġa? Jista' jgħid ukoll x'azzjoni ser tittieħed u sa meta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 673.
Birżebbuġa – Trejqa qrib id-Dar ta’ Pultu – Konkos
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 449, tista' l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) approvatx li jingħata l-konkos fi trejqa qrib id-Dar ta' Pultu fil-limiti ta' Birżebbuġa? F'każ li dan ma ġiex approvat, tista’ tgħid x'azzjoni ser tittieħed u sa meta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permessi għar-resurfacing tat-toroq ma jinħarġux mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). L-ERA hija biss waħda mill-entitajiet li jiġu konsultati.
Birżebbuġa – Trejqa qrib id-Dar ta’ Pultu – Konkos
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 671, jista' l-Ministru jgħid jekk is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali approvatx li jingħata l-konkos fi trejqa qrib id-Dar ta' Pultu fil-limiti ta' Birżebbuġa? F'każ li dan ma ġiex approvat, jista’ jgħid x'azzjoni ser tittieħed u sa meta?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmat li s-Sovrintendenza tal-Partrimonju Kulturali ma irċeviet l-ebda talba f’dan ir-rigward.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 676 u tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett relatat maċ-Ċentru Parrokkjali, f’Ħal Safi? Tista’ tgħid ukoll:
i. x’inhuma x-xogħlijiet li saru s'issa u kemm ġew jiswew;
ii. x’inhuma x-xogħlijiet li għadhom iridu jsiru u kemm huwa proġettat li ser jiġu jiswew; u
iii. meta huwa ppjanat li l-proġett ikun lest kompletament?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tkun qed tingħata f'seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 448, tista’ l-Ministru twieġeb din il-mistoqsija fl-intier tagħha u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-project plan relatat max-xogħlijiet li qed isiru u li għad baqa’ jsiru f’diversi toroq fl-inħawi tan-Nigret fiż-Żurrieq li jkun jinkludi d-dati tal-bidu u tlestija ta’ kull waħda mill-fażijiet tal-proġett għal kull triq fosthom Triq il-Parit, Triq il-Veduta, Triq il-Mitħna tal-Qaret, Triq il-Barrieri, Triq id-Dejqa, Triq il-Benedittina, u Triq Żondadari u oħrajn li għadu ma bediex xogħol fuqhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx aktar x’inżid mat-tweġiba li diġà tajt.