Birżebbuġa – Bajja ta’ San Ġorġ – Sistema tad-drenaġġ
Question
Peress li mill-bidu tas-sajf il-Bajja ta' San Ġorġ f’Birżebbuġa kellha tingħalaq darbtejn minħabba żbroff ta' drenaġġ, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru xogħlijiet ta' upgrade tas-sistema ta' drenaġġ f'dawn l-inħawi, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti relatati ma' dan l-upgrade?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ntqal u kien rappurtat pubblikament aktar minn darba, dak li qed jirreferi għalih fil-mistoqsija tiegħu ma kienx relatat ma’ nuqqasjiet fl-infrastruttura tas-sistema tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Wieħed mill-inċidenti seħħ minħabba rimi llegali li sar minn terzi u l-ieħor minħabba żbroff f’latrina pubblika. Qed npoġġji fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ rapporti li dehru fil-midja. Il-Korporazzjoni qed taħdem bla heda fuq proġett ta’ tisħiħ tan-newterk tad-drenaġġ fl-akwata kollha, bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali tagħha.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19111, minħabba li mhux possibli li tingħata referenza għal xi sit partikolari, proprju għaliex il-mistoqsija kienet sabiex il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi liema huma l-artijiet tal-Gvern fi Triq Salvu Cauchi bejn Triq in-Nassaba u Triq San Pawl, f'Ħal Safi, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tali pjanta li turi l-artijiet kollha tal-Gvern fi Triq Salvu Cauchi bejn Triq in-Nassaba u Triq San Pawl, f'Ħal Safi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan li tirreferi għat-triq imsemmija fil-Mistoqsija tal-Onor. Membru. Ninsab infurmat li f’din it-triq m’hemmx propjetajiet tal-Gvern.
Ħal Far, Wied Fulija, Ħal Blandun u Benghisa — New water
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta ser ikun imwassal in-New Water fiż-żoni ta' Ħal Far, Wied Fulija, Ħal Blandun u Bengħisa u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta tad-distribuzzjoni ta' dan l-ilma f'dawn l-inħawi, kif ukoll project plan li jelenka lista tax-xogħlijiet li għad baqa' jsiru relatati mad-distribuzzjoni tan-new water? Tista’ tgħid ukoll sa meta dawn ix-xogħlijiet ser isiru f'dawn iż-żoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett li se jitwettaq fiż-żoni msemmija se jkun maqsum f’fażijiet, fejn kull żona li jsiru x-xogħlijiet fiha t-triq tiġi asfalatata malli jitlesta t-tqegħid ta’ mejnijiet u tal-fibre optic, kif ukoll isiru t-testijiet meħtieġa. Il-proġett fit-totalità tiegħu huwa mmirat li jitlesta lejn l-aħħar tal-2026. Sussegwentement il-bdiewa jkunu jistgħu jagħmlu użu min-New Water fil-bidu tas-sena 2027.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar studju li seta' sar li juri r-rata tal-kanċer u mard serju ieħor f'Birżebbuġa u jekk kienx hemm korrelazzjoni ma’ dħaħen mill-vapuri, mill-ajruplani u minn impjanti industrijali fil-madwar, u minn trabijiet u minn bexx li jintuża fl-agrikoltura?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li sal-lum id-Dipartiment tas-Saħħa m’għamel ebda studju f’dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li ġew riveduti l-Building (Price Control) (Concrete Work and Masonry Work) Regulations, jekk għadhomx applikabbli u f'każ li għadhom applikabbli, kif qed jiġu infurzati?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Building (Price Control) ACT u sussegwentament ir-regolamenti (Concrete Work and Masonry Work) Regulations (Kap. 288, SL.288.01 u SL 288.02) kienu ġew imħassra permezz ta' Att XII ta' 2011, u allura ma humiex applikabbli aktar.
L-Att XII ta' 2011 kien l-Att li stabbilixxa l-Kap 513 (Att Dwar Ir-Regolament Tal-Bini) li llum huwa wkoll abrogat u minfloku hemm l-Kap 623 li jirrigwardja l-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni.
L-Imqabba — Triq Mons. Alfons Caruana - Permess ta’ twaqqigħ ta’ kamra
Question
Jista' l-Ministru jgħid taħt liema permess twaqqgħet il-kamra li kienet qiegħda fin-nofs fi Triq Mons. Alfons Caruana, l-Imqabba, meta ħareġ il-permess u f'każ li ma kienx għadu validu meta kien imġedded?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjoni 1(e) tal-permess ta’ żvilupp PA/0444/13 tirrikjedi li triq skemata li tmiss mas-sit u, fejn huwa l-każ għadha mhix miftuħa, għandha tinfetaħ skont il-linji u livelli uffiċjali tat-triq skemata. Peress li l-iżvilupp approvat bil-permess sar, il-kundizzjoni kellha tiġi applikata u għaldaqstant l-istruttura msemmija kellha titneħħa.
LESA — Kontravenzjonijiet għall-campers u caravans ipparkjati illegalment
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu kontravenzjonijiet mil-LESA għall-campers u caravans li kienu pparkjati illegalment f'Malta u f'Għawdex mill-1 ta' Lulju sal-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Settembru ta’din is-sena, ma nħarġu l-ebda kontravenzjonijiet mill-Aġenzija LESA fuq Caravans, u dan għaliex infurmat li fejn twaħħlu ordnijiet ta' twissija dawn ġew osservati mis-sidien. Din l-informazzjoni hija biss dwar taħrikiet tal-Aġenzija LESA.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18854 u jippreżenta lista tal-eviction orders li għadhom attivi u li turi d-dati ta’ meta nħarġu dawn l-ordnijiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet li nħareġ it-tender għalihom (WSC/T/118/2023) għadhomx ippjanati li jsiru u jekk iva, meta se jibdew u kemm għandhom jieħdu żmien?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li qed issir referenza għalihom għadhom ippjanati li jsiru u diġà ġew ikkuntrattati. Iżda minħabba li Birżebbuġa hija meqjusa bħala żona turistika dawn ix-xogħlijiet mistennija jinbdew wara li jgħaddi s-sajf u huwa stmat li jieħdu madwar sena biex jitlestew.
San Ġiljan — Żbroff ta' drenaġġ fil-Bajja ta' San Ġorġ - Xogħlijiet
Question
Wara li l-bajja ta' San Ġorġ, f’San Ġiljan kellha tingħalaq darbtejn mill-bidu tas-sajf minħabba żbroff ta' drenaġġ, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru xogħlijiet ta' upgrade tas-sistema ta' drenaġġ f'dawn l-inħawi, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti relatati ma' dan l-upgrade?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma kinitx responsabbli għan-nuqqasijiet li wasslu għall-għeluq tal-bajja ta’ San Ġorġ. Dan l-egħluq ma kienx ikkawżat minn problemi fis-sistema u n-network tad-drenaġġ tal-istess Korporazzjoni. Il-problema hawnhekk kienet ġejja minn problema f'sistema tad-drenaġġ privat u ġiet inidirizzata.
Bħal kull żona oħra fin-network kemm tal-ilma u kif ukoll tad-drenaġġ, il-Korporazzjoni kontinwament tistudja u tfassal pjanijiet ta’ tisħiħ skont id-domanda eżistenti u dik futura. Matul l-2022 sar investiment ta’ €21.2 miljun f'upgrades li €7.2 miljuni minnhom kienu jinvolvu tisħiħ fin-network. Waqt li fl-2023 sar investiment ieħor ta’ €26.1 miljun f'upgrades li €10.8 miljuni minnhom ukoll saru f’dak li huwa tisħiħ tan-network.
F’Jannar li għadda l-Korporazzjoni nediet Pjan ta’ Investiment Nazzjonali komprensiv ta’ €310 miljun immirat lejn il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-ilma u d-drenaġġ fil-pajjiż. Pjan ambizzjuż li fil-qasam tad-drenaġġ għandu €48.4 miljun allokati għal rinovazzjoni fin-network u €85.5 miljun f’upgrades.
Dan il-pjan jinkludi t-titjib u l-espansjoni tal-faċilitajiet ta' trattament tad-drenaġġ biex tiżdied il-kapaċità u l-effiċjenza; titjib tan-network tad-drenaġġ biex jiġu evitati blokki u jsir titjib fil-prestazzjoni ġenerali; u titjib tal-inizjattivi ta' riċiklaġġ u użu mill-ġdid tad-drenaġġ fi New Water biex nappoġġjaw lill-bdiewa tagħna u s-sostenibbiltà ambjentali.
Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-Korporazzjoni diġà investiet €15-il miljun f'upgrades li €6 miljun kienu jinvolvu tisħiħ fin-network.
Wara li fl-aħħar ġimgħat kien hemm oil spill fil-bajja tal-Qajjenza, f’Birżebbuġa, tista' l-Ministru tgħid x'testijiet saru biex jinstab is-sors tal-ispill, jekk instabx is-sors, u x'qiegħed isir biex dan ma jerġax jiġri?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) rċeviet żewġ ilmenti rigward żejt fil-baħar fiż-żona tal-Qajjenza. Minn spezzjoni li saret fis-sit ġiet osservata roqgħa żejt fil-baħar viċin tax-xatt. L-ERA kkordinat mal-Awtorità għat-Trasport biex jiġi identifikat is-sors, fejn rriżulta li kien probabbli ħafna li s-sors kien skarigu minn xi bastiment, li mbagħad resaq viċin ix-xatt bil-mewġ. Il-prijorità tal-Awtorità kienet li jsir it-tindif ta' dan iz-zejt biex jitnaqqsu r-riskji ambjentali. L-ERA kkordinat mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex isir it-tindif.
Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jitwassal in-new water fl-inħawi ta' Ħal Far u Ħal Blandun u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta ta’ kif se tkun is-sistema tad-distribuzzjoni fl-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Iż-Żurrieq — Triq Karmnu Żammit u Triq Wied Babu - Garaxxijiet u postijiet
Question
Jista' l-Ministru jelenka, anke permezz ta' pjanti, liema huma l-garaxxijiet u l-postijiet fil-Housing Estate biswit Triq Karmnu Zammit u Triq Wied Babu, iż-Żurrieq li l-Awtorità tal-Artijiet qed tirċievi kera għalihom imma ma tistax tbiegħhom għaliex għadhom ma ġewx akkwistati mill-Gvern, anke jekk inħarġu għall-bejgħ mill-istess Awtorità?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Membru jippreċiża d-domanda tiegħu u jispeċifika għal liema garaxxijiet u l-postijiet qed jirreferi.
Tista' l-Ministru tgħid kemm naqas id-dħul tal-Wasteserv mill-bejgħ tal-materjal riċiklabbli fis-sena 2023 wara li bdiet topera s-sistema tal-Beverage Container Refund Scheme?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-flixken tal-plastic (PET) miġbura mill-Wasteserv fl-2023, meta mqabbel mal-2022, jidher li naqsu b'madwar 51% b'effett tal-BCRS u dawk tal-aluminju naqsu b'madwar 56%.
Is-suq tal-esportazzjoni tal-iskart riċiklabbli huwa suq volatili u fil-fatt il-prezzijiet attwali li qed jiġu offruti huma f'livell baxx ħafna minħabba fatturi esterni, bħal spejjeż għoljin tal-enerġija f'pajjiżi fejn jinsabu l-faċilitajiet finali u żidiet fix-shipping costs. Għalhekk filwaqt li t-tnaqqis fid-dħul stmat ma jistax jiġi kwantifikat, tnaqqis fid-dħul huwa inevitabbli peress li inqas plastik u aluminju taħt l-ambitu tal-BCRS qed jispiċċaw fil-borża griża/ħadra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema tal-kuntrattur li jaħdmu fil-faċilitajiet tal-Wasteserv, kuntrattur kuntrattur, faċilità faċilità, u grad grad?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-inofrmazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru telenka lista li turi r-rapporti li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irċeviet dwar operaturi li jiġbru l-iskart u li ħaltu l-iskart jew meta nġabar, jew f'faċilitajiet privati, minn mindu bdiet is-sistema l-ġdida tas-separazzjoni u l-ġbir tal-iskart sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u f'kull każ tgħid x'azzjoni ħadet l-ERA?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-15 t’Ottubru 2023 meta daħal fis-seħħ l-obbligu tas-seperazzjoni mandatorja tal-iskart, sad-data li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) rċeviet tliet rapporti mill-pubbliku dwar taħlit ta’ skart minn kolletturi tal-iskart wara li dawn kienu ġabruh. F’dawn il-każijiet ma kienx hemm biżżejjed evidenza li fuqha l-Awtorità setgħet taġixxi.
Kien hemm ukoll tliet każijiet oħra li ġew rappurtati wara sorvlejanza minn uffiċjali tal-ERA minħabba li sar taħlit ta’ skart fl-istess kompartament tal-istess vettura. F’żewġ każiijiet minnhom inħarġet multa’ ta’ €850 f’kull każ, waqt li fil-każ l-ieħor il-multa kienet ta’ €1,700. Il-ħlas ta’ dawn il-multi għadhom pendenti.
Kunsilli Lokali — Tipping fees għall-iskart domestiku
Question
Jista' l-Ministru jelenka lista tar-refunds li l-kunsilli lokali ħadu relatati mit-tipping fees tal-Wasteserv għall-iskart domestiku mill-1 ta' Jannar 2017 sal-1 ta' Mejju 2024 u jaqsam din l-informazzjoni kunsill kunsill u tip tip?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li ma hemmx refunds fuq it-tipping fees li jitħallsu lill-Wasteserv.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il arloġġ tad-dawl hemm irreġistrati fuq il-kumpless tat-Teatru Rjal, inkluż il-faċilitajiet kummerċjali mikrija lill-privat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm arloġġ wieħed tad-dawl li jissuplixxi l-kumpless tat-Teatru Rjal.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18853, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-261 għalliema ingaġġati u kemm mid-69 għalliema li rriżenjaw matul din is-sena skolastika, kienu supply teachers?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.