Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar — Ħitan tas-sejjieħ - Skemi ta' għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx skemi ta' għajnuna mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-konservazzjoni u/jew tiswija ta' ħitan tas-sejjieħ u jekk le, jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ser joħorġu skemi f'dan ir-rigward u meta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Iterpellant li l-Awtorità ma għandha l-ebda skema li tirrigwardja l-konservazzjoni jew it-tiswija tal-ħitan tas-sejjieħ.

Ħitan tas-sejjieħ — Skemi ta' għajnuna għall-konservazzjoni u/jew tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx skemi ta' għajnuna għall-konservazzjoni u/jew tiswija ta' ħitan tas-sejjieħ u jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li joħorġu skemi f'dan ir-rigward u meta?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ħitan tas-sejjieħ — Skemi ta' għajnuna għall-konservazzjoni u/jew tiswija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk bħalissa hemmx skemi ta' għajnuna għall-konservazzjoni u/jew tiswija ta' ħitan tas-sejjieħ u jekk le, tista’ tgħid jekk hemmx il-ħsieb li joħorġu skemi f'dan ir-rigward u meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Santa Venera — Inċident f’warehouse

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-warehouse fi Triq Antonio Miruzzi, Santa Venera, fejn ġara inċident nhar it-Tnejn, 11 ta' Novembru 2024, hix fuq art tal-INDIS Malta Ltd? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt relattiv?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Iterpellant li r-risposta hija fin-negattiv.

Santa Venera — Inċident f’warehouse

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) hix qed tinvestiga inċident li ġara f'warehouse nhar it-Tnejn, 11 ta' Novembru 2024, fi Triq Antonio Miruzzi, Santa Venera?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispetturi fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni investigaw is-sit inkwistjoni u stabilixxew li dan ma kienx sit ta' kostruzzjoni.

Santa Venera — Inċident f’warehouse

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol hix qed tinvestiga inċident li ġara f'warehouse nhar it-Tnejn, 11 ta' Novembru 2024, fi Triq Antonio Miruzzi, Santa Venera?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita għas-Saħħa u s-Sigurtà qed tinvestiga dan l-inċident. L-investigazzjoni bdiet minn meta ġiet infurmata u għadha għaddejja.

Santa Venera — Inċident f’warehouse

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm komunikazzjoni bejn xi awtorità li taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu u l-Kamra tal-Periti dwar inċident li ġara f'warehouse nhar it-Tnejn, 11 ta' Novembru 2024, fi Triq Antonio Miruzzi, Santa Venera?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress dan is-sit mhuwiex sit ta’ kostruzzjoni u ma jaqax taħt l-ġurisdizzjoni tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, din m’għamlitx kuntatt mal-Kamra tal-Periti. L-Awtorita għas-Saħħa u s-Sigurta’ ukoll m’għamlitx kuntatt mal-Kamra tal-Periti, pero sar kuntatt mal-partijiet konċernati sabiex jfornu dokumentazzjoni relatati mal-post tax-xogħol u li jaqaw taħt l-Avviż legali 44/2002, kif ukoll intalbu sabiex jitħejjew diversi dokumentazzjoni li jaqaw taħt ir-regolament AL88/2018 u dan vis-a vis ix-xogħol li jrrid isir.

Santa Venera — Inċident f’warehouse

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux għaddejja investigazzjoni mill-Pulizija dwar inċident li ġara f'warehouse nhar it-Tnejn, 11 ta' Novembru 2024, fi Triq Antonio Miruzzi, Santa Venera?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. membru jirreferi għat-tweġiba tal-mistqosija parlamentari 9467.

Fidi ta’ ċnus – applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm baqa' applikazzjonijiet għal fidi ta' ċnus ta' proprjetajiet amministrati mill-Uffiċċju Konġunt li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju Konġunt huwa biss responsabbli li jilqa’ l-applikazzjonijiet għall-fidi ta’ ċnus taħt l-iSkema 2019, waqt li l-ipproċessar tal-applikazzjonjiet hija responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet.

Birżebbuġa — Ġnien Indipendenza - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru telenka lista sħiħa tax-xogħlijiet li saru jew li ser isiru fi Ġnien Indipendenza, Birżebbuġa, li ma kinux inklużi fiż-żewġ tenders oriġinali? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew jew ser jiġu jiswew, oġġett oġġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li ma kinux inklużi fit-tender oriġinali jikkonsistu fil-bini ta’ bankina mad-dawra tal-proġett kollu għas-somma ta’ €19,500 (VAT eskluża) u biex isir tindif estensiv tal-ġibjun li hemm taħt il-ġnien li se jiswa €5,500 (VAT eskluża).

Bord Mediku — Każijiet pendenti

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem il-Bord Mediku li ilhom pendenti: i. aktar minn sentejn; ii. aktar minn sena u nofs; iii. bejn sena u sena u nofs; iv. bejn sitt xhur u sena; u v. anqas minn sitt xhur, fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jinġabar.

Birżebbuġa — Wied il-Buni - Proġett tal-promenade

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 14792 u 19097, jista' l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jibda l-proġett tal-promenade ta' Wied il-Buni, Birżebbuġa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett għadu fil-fażi ta’ tender.

Servizz tas-Silver T

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm anzjani użaw is-servizz tas-Silver T, lokalità lokalità u xahar b'xahar, mill-1 ta' Settembru 2023 sat-30 ta' Settembru 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istatistika mitluba dwar is-Servizz tas-Silver T, lokalità lokalità u xahar b’xahar mill-1 ta' Settembru 2023 sat-30 ta' Settembru 2024 qed tiġi impoggija fuq il-Mejda tal-Kamra.

L-Imġarr — Triq Għajn Tuffieħa - Street lighting

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jistax isir street lighting fi Triq Għajn Tuffieħa li mill-Imġarr twasslek għal Għajn Tuffieħa jew għal San Pawl il-Baħar? Jekk le, tista' tgħid għaliex? Jekk iva, tista' tgħid jekk hemmx pjan li jsir dan id-dawl?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

L-Imrieħel — Road markings u parking bays

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru r-road markings, inkluż il-parking bays fit-toroq taż-Żona Industrijali fl-Imrieħel?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li is-Central Business District Foundation diġà kienet għamlet l-arranġamenti meħtieġa ħalli jsiru r-road markings. Inzerta li meta kellu jibda x-xogħol kien il-maltemp u allura issa x-xogħol se jibda fi ftit ġranet oħra.

Awtorità tal-Artijiet — Konċessjonijiet għal imwejjed u siġġijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22610, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tad-29 konċessjoni maħruġa mill-Awtorità tal-Artijiet għal imwejjed u siġġijiet fi Triq is-Salini, Triq ix-Xatt u l-Bajja ta' San Tumas?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista mitluba.