Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà — Multi mhux imħallsa - Persuni mtellgħin il-Qorti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà minħabba multi li ma tħallsux, maqsuma sena b'sena, minn meta twaqqfet l-Awtorità sal-31 ta' Diċembru 2024?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà — Każijiet ta’ multi mhux imħallsa
Question
Jista’ l-Ministru jelenka lista tal-każijiet li ttellgħu l-Qorti mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà mill-1 ta' Jannar 2022 sal-31 ta' Diċembru 2024 minħabba multi li ma tħallsux? Jista’ jgħid ukoll id-data u l-valur tal-multa oriġinali ta' kull każ?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Urban Improvement Fund u mid-Development Planning Fund
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25369 u jelenka liema kienu l-proġetti li ġew iffinanzjati mill-Urban Improvement Fund u mid-Development Planning Fund, fond b’fond, sena b’sena u lokalità b’lokalità, mill-1 ta' Frar 2013 sal-aħħar ta' Jannar 2025? Jista’ jgħid ukoll x'kien l-ammont ta' finanzjament proġett bi proġett, fejn sar kull proġett u x'inhu l-istatus ta' kull proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-informazzjoni elenkata fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Qed issir ukoll referenza għall-mistoqsija parlamentari 10624 fejn diġà ġiet mgħoddija parti mill-informazzjoni mitluba. Qed issir referenza wkoll għall-mistoqsija parlamentari 24112.
Attachments:PQ 25623 Urban Improvement Fund u mid-Development Planning Fund.pdf
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25366 u jgħid kemm diġà ħarġu permessi għall-faċilitajiet għall-kultivazzjoni tal-kannabis għad-distribuzzjoni mill-assoċjazzjonijiet relatati, maqsuma lokalità b’lokalità?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis ħarġet sittax (16) -il liċenzja operattiva.
Fl-istess ħin infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-assoċjazzjonijiet huma obbligati bil-liġi li ma jagħmlu ebda reklamar u għalhekk is-siti ta’ distribuzzjoni jiġu aġġornati biss fuq is-sit tal-awtorità.
Rigward is-siti ta’ kultivazzjoni dawn iridu jkunu koperti b’permess tal-Awtorità tal-Ippjanar fi Klassi 5 (Manifatturi fuq livell Industrijali) jew Klassi 7 (Agrikoltura Intensiva). Hawn ukoll ma jista’ jkun hemm ebda forma ta’ reklamar u lanqas tabella jew indikazzjoni li tidentifika kif qed jintuża l-fond relattiv, biex bħala parti mill-istrateġija ta’ harm reduction ma jkun hemm ebda pubbliċità, filwaqt li bħala miżura ta’ sigurtà jitnaqqas ir-riskju li jkun hemm serq ta’ kannabis biex jiġi ttraffikat b’mod illegali. Fil-fatt wieħed mill-iskopijiet tal-liġi dejjem kien li jkun attakat is-suq illegali.
Awtorità tal-Ippjanar — Kultivazzjoni tal-kannabis - Change of use
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25365 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux meħtieġ li ssir applikazzjoni għaċ-change of use mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex binja li ma tkunx qed tintuża għall-kultivazzjoni tal-kannabis tkun tista' tiġi użata bħala faċilità għall-kultivazzjoni tal-kannabis?
Awtorità tal-Ippjanar — Kultivazzjoni tal-kannabis - Change of use
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux meħtieġ li ssir applikazzjoni għaċ-change of use mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex binja li ma tkunx qed tintuża għall-kultivazzjoni tal-kannabis tkun tista' tiġi użata bħala faċilità għall-kultivazzjoni tal-kannabis?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm diġà ħarġu permessi għall-faċilitajiet għall-kultivazzjoni tal-kannabis għad-distribuzzjoni mill-assoċjazzjonijiet relatati, maqsuma lokalità b’lokalità?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura sabiex persuna tkun tista' tirraporta illegalità jew kontravenzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar waqt li tibqa' anonima?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar tinvestiga kull ilment li tirċievi, u tieħu azzjoni fejn meħtieġ. Iżda meta l-ilment ma jkunx ċar jew id-dettalji pprovduti jkunu insuffiċjenti jew saħansitra ma jkunx jista’ jinstab is-sit, l-ilment ma jkunx jista’ jiġi investigat.
F’dan il-każ, l-uffiċjali tal-Awtorità jerġgħu jagħmlu kuntatt ma’ min għamel l-ilment biex tinġabar aktar informazzjoni.
Għaldaqstant, l-Awtorità titlob lil min qiegħed jagħmel l-ilment sabiex jipprovdi dettalji fejn jista’ jiġi kkuntattjat, biex f’każ li jkun hemm bżonn kjarifika jew informazzjoni ulterjuri, l-uffiċjali jkunu f’pożizzjoni li jġibu din l-informazzjoni, u l-Awtorità tkun tista’ tinforma lil min għamel l-ilment bir-riżultat tal-investigazzjoni wara li tiġi konkluża.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura sabiex persuna tkun tista' tirraporta illegalità jew kontravenzjoni fuq il-helpline 138 waqt li tibqa' anonima?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pubbliku ġenerali għandu dritt li jibqa’ anonimu meta jċempel l-helpline 138. Ġaladarba l-aġent ikun infurmat b'din it-talba ma tintalabx informazzjoni personali iżda biss dettalji dwar ir-rapport li jkunu qed jagħmlu. Huwa importanti li kull min jirrapporta illegalitajiet jipprovdi l-post preċiż tas-sit u possibbilment in-numru tal-permess tal-iżvilupp u wkoll deskrizzjoni ċara tal-ksur li qed josserva. Tali informazzjoni hija essenzjali biex ikunu jistgħu jitwettaq l-investigazzjoniji meħtieġa mill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni u L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
Urban Improvement Fund u mid-Development Planning Fund
Question
Jista' l-Ministru jelenka liema kienu l-proġetti li ġew iffinanzjati mill-Urban Improvement Fund u mid-Development Planning Fund, fond b’fond, sena b’sena u lokalità b’lokalità, mill-1 ta' Frar 2013 sal-aħħar ta' Jannar 2025? Jista’ jgħid ukoll x'kien l-ammont ta' finanzjament proġett bi proġett, fejn sar kull proġett u x'inhu l-istatus ta' kull proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm baqa' applikazzjonijiet għat-2024 Double Glazing Scheme (Retro-fitting) għar-residenti ta' Birżebbuġa li għadhom ma tħallsux imma ġew ippreżentati d-dokumenti meħtieġa qabel il-5 ta' Novembru 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li b’kollox kien hemm 83 applikant li fil-fatt biddlu l-aperturi ta’ darhom kif meħtieġ fl-applikazzjoni. Minn dawn 54 diġà tħallsu filwaqt li l-oħrajn se jitħallsu fil-ġranet li ġejjin jew, fejn applikabbli, wara li jissottomettu u jkunu verifikati dokumenti li ntalbu mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma.
Jista' l-Ministru jelenka lista ta' kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fi stabbilimenti kummerċjali, xahar b'xahar u lokalità lokalità, skont it-tip tal-istabbilimenti matul l-2024?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2024 saru total ta’ 1210 inspezzjoni mill- Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fi stabbilimenti kummerċjali. Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juri l-informazzjoni disponibli maqsuma xahar b’xahar jew skont l-lokalità.
Skejjel tal-Istat — Kiri ta’ swali lil għaqdiet volontarji
Question
Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24895 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 7593, 11521, 11811, 12287 u 24895 jista' Ministru jgħid jekk minn meta rrisponda l-aħħar mistoqsija, u ċjoè fis-17 ta' Ottubru 2023, kienx hemm xi istruzzjonijiet ġodda dwar ir-rati li qed jiġu ċċarġjati mill-iskejjel tal-Istat għall-kiri tas-swali tal-iskejjel lil għaqdiet volontarji u li ma joperawx għal qligħ? F'każ illi fl-affermattiv, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istruzzjonijiet il-ġodda?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Triq Delimara għas-Salini — Għeluq tal-aċċess għall-pubbliku - Permess
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24892, li għaliha ntalbet aktar informazzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk inħariġx permess mill-Awtorità tal-Ippjanar biex jingħalaq l-aċċess għall-pubbliku tat-triq li tgħaddi minn Co-ordinates 35°49'28.4"N 14°33'38.0"E jew parti minnha, it-triq li tagħti minn Triq Delimara għas-Salini ta’ bejn il-Kalanka t-Tawwalija u Għar Bella f'Delimara?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Kunsilli Lokali – Talbiet għal xogħlijiet minn Infrastructure Malta
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijaparlamentari 24891 u jippreżenta lista ta' toroq, maqsuma lokalità b’lokalità, li l-Kunsilli Lokali rispettivi talbu li jsiru minn Infrastructure Malta matul is-sena 2025?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 25185.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat xi tip ta' intervent sabiex il-culverts f'Ħal Millieri, limiti taż-Żurrieq, ma jibqgħux jinstaddu ma kull ftit xita li tagħmel? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' interventi ser isiru, meta ser jibdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser ikunu lesti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li din iż-żona ma hijiex waħda arterjari jew distributorja, r-responsabilta’ tat-tindif tal-culverts taqa’ taħt il-Kunsill Lokali.
Għawdex — Awtorità tal-Ippjanar - Impjegati fi gradi D u E on-call
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-ġranet meta impjegati fi gradi D u E fl-Awtorità tal-Ippjanar kienu on-call u kellhom jattendu għal xi emerġenza li nqalgħet f'Għawdex matul is-sena 2024? Jista’ jagħti n-natura tal-każ u tal-lokal ta’ kull emerġenza?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Għawdex hemm uffiċjal wieħed tal-konformita’ u infurzar fi Grad D. Dan l-uffiċjal tal-Awtorità tal-Ippjanar attenda ħames darbiet għal emergenza (on call) f’Għawdex matul is-sena 2024, kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 25363 Għawdex - Awtorità tal-Ippjanar - Impjegati fi gradi D u E on-call.pdf
Birżebbuġa — Triq tal-Ġebel - Pjanti tal-culverts - Sejħa għall-offerti
Question
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24636 u 24888, jista' l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tal-culverts għall-ilma tax-xita fi Triq il-Ġebel u Triq in-Narċis, Birżebbuġa, li għalihom ħarġet sejħa għall-offerti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti tal-culverts għall-ilma tax-xita fi Triq il-Ġebel u Triq in-Narċis, Birżebbuġa qed jiġu mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jelenka lista li turi kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fi stabbilimenti kummerċjali, maqsuma lokalità b’lokalità u f'liema tip ta' stabbilimenti kummerċjali saru l-ispezzjonijiet? Jista' fl-istess lista jgħid ukoll in-numru ta' kontravvenzjoniet li nstabu waqt dawn l-ispezzjonijiet?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2024 saru total ta’ 1210 inspezzjoni u inagħtaw 456 kontravvenzjoni mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fi stabbilimenti kummerċjali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juri l-informazzjoni disponibli maqsuma xahar b’xahar jew skont l-lokalità.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi s’issa għall-faċilitajiet għall-kultivazzjoni tal-kannabis għad-distribuzzjoni mill-assoċjazzjonijiet relatati, maqsuma lokalità b’lokalità?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.