Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat (Mejju 2025) — Regolamenti
Question
Ġaladarba fir-Regoli u Regolamenti għall-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat (Mejju 2025) hemm referenza li kull struttura/attrezzatura għandha tkun ċertifikata li tkun konformi mar-regolamenti lokali minn inġinier kwalifikat, jista’ l-Ministru jispeċifika liema huma r-regolamenti li qed tirreferi għalihom din ir-regola u kif ser ikun iġġudikat illi l-parteċipant ikun konformi ma' din ir-regola?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-osservanza tal-kodiċi tas-Saħħa u s-Sigurtà hija intiża sabiex tnaqqas ir-riskji marbuta ma' morbidità u mortalità. Għalhekk kull risk assessment hu intiż li jħares kull liċenzjat li fuqu ħareġ il-permess. Iċ-ċertifikazzjoni tal-istruttura ta’ kull raddiena minn inġinier huwa parti minn dan ir-risk assessment.
F’Ottubru tas-sena 2024 ġie varat il-Manwal tan-Nar għall-Festival Internazzjonali tan-Nar u Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat waqt konferenza organizzata mill-MTA u l-Għaqda Piroteknika Maltija. Preżenti kien hemm rappreżentanti ta’ bosta Kmamar tan-Nar u Kumitati tan-nar tal-festi minn Malta u Għawdex. Kopja tal-Manwal qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ngħarraf li l-MTA, li tieħu ħsieb l-aspett loġistiku tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat, ikkonsultat f’kull stadju lill-Għaqda Piroteknika Maltija meta kellha diffikultajiet tekniċi.
ta’ min japprezza li dan il-kampjonat organizzat tant tajjeb mill-Kunsill Lokali tal-Furjana, hu wieħed li jitlob il-massimu meta jiġi għall-ħarsien tas-Saħħa u s-Sigurtà.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex ix-xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ fil-Bajja s-Sabiħa, Birżebbuġa, waqfu għal numru ta’ ġranet? Tista’ wkoll tippreżenta l-Project Timeline oriġinali u dak updated wara l-waqfien?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet waqfu għal perjodu qasir wara li nħolqot diffikultà minħabba dħul tal-ilma baħar u wara konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati nstabet soluzzjoni teknika fuq il-post. Wara li saru t-testijiet meħtieġa, x-xogħlijiet tkomplew u xorta mistennija jitlestew kif kien pjanat oriġinarjament.
Jista’ l-Ministru jippreżenta rapport tal-konsultazzjoni li sar dwar il-proġetti fin-Naxxar, f’Ħaż-Żebbuġ, fis-Siġġiewi, fl-Imsida, fil-Fgura, fir-Rabat, fil-Mosta, fil-Mellieħa, fil-Furjana, f’Ħal Safi, f’Ħal Kirkop, f’Ħal Tarxien, fiż-Żurrieq u dak ta’ Vjal Kulħadd f’Ħ’Attard u jaqsam din l-informazzjoni proġett bi proġett?
Response (BONETT, CHRIS)
Qed nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-proġetti marbuta mal-inizzjattiva “Vjal Kulħadd” minn Infrastructure Malta. Infakkar lill-Onor Interpellant li din l-inizjattiva għandha l-għan li titrasforma d-disinn tat-toroq lokali fi spazji aktar siguri, aċċessibli u favur l-ambjent. L-Onor Intepellant jifhem illi l-Kunsilli Lokali li ssottomettew il-proġetti tagħhom ħadu in konsiderazzjoni dan kollu biex titejjeb l-infrastruttura tat-toroq b’enfasi fuq infrastruttura pedonali. Dan filwaqt li jiġu prijoritarizzati modi alternattivi tat-trasport (apparti l-karozzi privati), filwaqt li tkun mtejjba s-sigurta’ u l-aċċesibilita’ pedonali billi jiġu inkorporati miżuri xierqa marbuta mal-veloċita’ tal-vetturi biex fl-istess waqt tittejjeb is-sigurezza tas-sewwieq. Fil-proġetti ġew ikkunsidrati wkoll t-titjib ambjentali fosthom permezz ta’ inklużjoni ta’ infrastruttura ekoloġika xierqa biex tkompli tgħin fit-titjib tal-ġestjoni tal-ilma tax-xita.
Għar-rigward tal-proċess ta’ konsultazzjoni mar-residenti, l-interpellant jifhem illi l-kundizzjonijiet tal-iskema Vjal Kulħadd jirrikjedu li l-Kunsilli Lokali rispettivi jorganizzaw dan il-proċess. Ninformah ukoll illi x-xogħol fuq dawn il-proġetti ser jibda matul din is-sena kurrenti u mistenni li jitlesta sal-aħħar tal-2026.
Proġetti — Rapporti dwar l-impatti fuq it-traffiku
Question
Jista’ l-Ministru jippreżenta r-rapport li tħejja sabiex juri x’ser ikun l-impatt fuq it-traffiku u l-parkeġġi, u x’qiegħed jiġi rrakomandat biex dawn jiġu mitigati għal kull proġett individwali fin-Naxxar, f’Ħaż-Żebbuġ, fis-Siġġiewi, fl-Imsida, fil-Fgura, fir-Rabat, fil-Mosta, fil-Mellieħa, fil-Furjana, f’Ħal Safi, f’Ħal Kirkop, f’Ħal Tarxien, fiż-Żurrieq u dak ta’ Vjal Kulħadd f’Ħ’Attard?
Jista’ l-Ministru jippreżenta rapport li juri l-miri fit-titjib fil-kwalità tal-arja fin-Naxxar, f’Ħaż-Żebbuġ, fis-Siġġiewi, fl-Imsida, fil-Fgura, fir-Rabat, fil-Mosta, fil-Mellieħa, fil-Furjana, f’Ħal Safi, f’Ħal Kirkop, f’Ħal Tarxien, fiż-Żurrieq u dak ta’ Vjal Kulħadd f’Ħ’Attard, u jaqsam din l-informazzjoni proġett bi proġett?
Jista’ l-Ministru jippreżenta rapport li juri l-ammont ta’ ilma tax-xita li ser jinġabar, fejn ser jinġabar u kif u b’liema kwantitajiet ser jintuża fin-Naxxar, f’Ħaż-Żebbuġ, fis-Siġġiewi, fl-Imsida, fil-Fgura, fir-Rabat, fil-Mosta, fil-Mellieħa, fil-Furjana, f’Ħal Safi, f’Ħal Kirkop, f’Ħal Tarxien, fiż-Żurrieq u dak ta’ Vjal Kulħadd f’Ħ’Attard?
Jista’ l-Ministru jippreżenta Project Timeline għal kull proġett fin-Naxxar, f’Ħaż-Żebbuġ, fis-Siġġiewi, fl-Imsida, fil-Fgura, fir-Rabat, fil-Mosta, fil-Mellieħa, fil-Furjana, f’Ħal Safi, f’Ħal Kirkop, f’Ħal Tarxien, fiż-Żurrieq u dak ta’ Vjal Kulħadd f’Ħ’Attard?
Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq – Korrispondenza bejn kunsilli lokali u Infrastructure Malta
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25629 u ġaladarba ma ġietx ippreżentata l-korrispondenza mitluba fiha, jista’ l-Ministru jippreżenta l-aħħar korrispondenza mibgħuta mill-kunsilli lokali ta' Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq lil Infrastructure Malta dwar il-prijoritajiet fuq il-lista ta’ toroq fil-lokalitajiet tagħhom li jinħtieġu li jsiru mill-ġdid u r-risposta ta' Infrastructure Malta għal kull waħda mill-korrispondenzi ta' kull kunsill lokali li tindika liema ser ikunu t-toroq li ser isiru u/jew il-prijorità f'kull lokalità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-trattattivi bejn Infrastructure Malta u l-Kunsilli Lokali indikati fil-mistoqsija għadhom għaddejja.
Skejjel tal-Istat — Għaqdiet volontarji - Kiri ta’ binjiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25631, fejn ġie mwieġeb li f’April tal-2024 ġew maħruġa linji gwida lill-iskejjel tal-Istat dwar il-kiri ta’ binjiet lil terzi persuni fejn ġie stabbilit li l-għaqdiet volontarji li għandhom VO number, ir-rati jiġu mnaqqsa bi skont ta’ massimu ta’ 75%, għaldaqstant jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-għaqdiet volontarji li bbenefikaw minn dan l-iskont bejn l-1 ta' Mejju 2024 u t-28 ta' Frar 2025, u kemm kien l-ammont li tħallas u għal kemm sigħat f'kull każ?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li ssir Triq iż-Żurrieq, f'Birżebbuġa? Jista’ jgħid ukoll meta huwa ppjanat li jibdew u meta huwa ppjanat li jitlestew ix-xogħlijiet u x’tip ta' interventi ser isiru f'din it-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi Infrastructure Malta ma ġietx mitluba taħdem fuq din it-triq bħala parti mix-xogħlijiet neċessarji f’Birżebbuġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li ssir l-aħħar parti ta' Triq Dun Ġorġ Zammit, f'Birżebbuġa? Jista’ jgħid ukoll meta huwa ppjanat li jibdew u meta huwa ppjanat li jitlestew ix-xogħlijiet u x’tip ta' interventi ser isiru f'din it-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi Infrastructure Malta ma ġietx mitluba taħdem fuq din it-triq bħala parti mix-xogħlijiet neċessarji f’Birżebbuġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jissewwa l-isprall fi Triq il-Karmnu, fl-Imqabba u meta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għandu talba mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba biex jissewwa dan l-isprall. Diġà saret spezzjoni u bħalissa t-talba qed tiġi evalwata ħalli tkun tista’ ssir il-manutenzjoni meħtieġa mill-iktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-interventi li saru fi Triq Karmenu Ciantar, fl-Imqabba minn meta tlestiet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm ġie jiswa kull intervent, meta sar u min ħallas għalih?
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24636, 24888 u 25364 jista' l-Ministru jippreżenta t-timeline tal-proġett relatat mal-culverts għall-ilma tax-xita fi Triq tal-Ġebel u l-inħawi f’Birżebbuġa u li għalihom ħarġet sejħa għall-offerti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti għall-bini ta’ culverts fi Triq tal-Ġebel u Triq in-Narċis f’Birżebbuġa tagħlaq fl-24 ta’ Frar 2025. Huwa maħsub li l-evalwazzjoni tal-offerti u l-għoti tal-kuntratt jitlestew sal-aħħar ta’ Mejju 2025. Ix-xogħlijiet għandhom jieħdu tnax-il ġimgħa u huwa previst li jitlestew lejn l-aħħar ta’ Settembru 2025.
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24636, 24888 u 25364 dwar il-proġett ta' culverts għall-ilma tax-xita fi Triq tal-Ġebel u l-inħawi, f’Birzebbuga, jista' l-Ministru jgħid jekk humiex ser isiru xogħlijiet oħra u/jew joħorġu skemi sabiex ilma tax-xita li jaqbaq minn Triq Ħal Far u jibqa' nieżel matul Triq tal-Ġebel kollha jkun jista jiġi msewwaq u maħżun fi bjar u ġwiebi fil-ġonna u l-għelieqi fil-ġnub tat-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilma tax-xita li jkun ġej minn Triq Ħal Far u jinżel matul Triq tal-Ġebel jispiċċa f’Wied il-Qoton, fil-limiti ta’ Birżebbuġa. F’dan il-Wied hemm diġà fejn jinġabar l-ilma tax-xita. M’hemmx pjanijiet mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li jsiru xogħlijiet oħra apparti l-culverts ippjanati fi Triq tal-Ġebel u Triq in-Narċis, jew li joħorġu skemi marbuta mal-ilma tax-xita li jgħaddi minn Triq tal-Ġebel.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25362, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan għal xi tip ta' interventi mill-kunsill responsabbli sabiex il-culverts f'Ħal Millieri, limiti taż-Żurrieq ma jibqgħux jinstaddu ma’ kull ftit xita li tagħmel? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' interventi ser isiru, meta ser jibdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser ikunu lesti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq ma rċeviex ilmenti li f’Ħal Millieri hemm xi culverts miżdudin. Il-kunsill ser ikun qed jinvestiga u jara x'intervent jista' jagħmel.
Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq – Korrispondenza bejn kunsilli lokali u Infrastructure Malta
Question
Jista' l-Ministru jippreżenta l-aħħar korrispondenza mibgħuta mill-kunsilli lokali ta' Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq lil Infrastructure Malta dwar il-prijoritajiet fuq il-lista ta’ toroq fil-lokalitajiet tagħhom li jinħtieġu li jsiru mill-ġdid u r-risposta ta' Infrastructure Malta għal kull waħda mill-korrispondenzi ta' kull kunsill lokali li tindika liema ser ikunu t-toroq li ser isiru u/jew il-prijorità f'kull lokalità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Infrastructure Malta diġà tat l-informazzjoni mitluba permezz tal-mistoqsijiet parlamentari 24207, 24208, 24209, 24210, 24211, 24212 u 24696.
Triq Delimara għas-Salini — Għeluq tal-aċċess għall-pubbliku - Permess
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25360 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24892, li għaliha ntalbet aktar informazzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk inħariġx permess mill-Awtorità tal-Ippjanar biex jingħalaq l-aċċess għall-pubbliku tat-triq li tgħaddi minn Co-ordinates 35°49'28.4"N 14°33'38.0"E jew parti minnha, it-triq li tagħti minn Triq Delimara għas-Salini ta’ bejn il-Kalanka t-Tawwalija u Għar Bella f'Delimara?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li li l-għeluq tal-aċċess huwa marbut ma’ xogħol li għaddej bħalissa li hu kopert bil-permess PA 8894/20.
Skejjel tal-Istat — Kiri ta’ swali lil għaqdiet volontarji
Question
Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24895 u 25359 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 7593, 11521, 11811 u 12287 jista' Ministru jgħid jekk minn meta rrisponda l-aħħar mistoqsija, u ċjoè fis-17 ta' Ottubru 2023, kienx hemm xi struzzjonijiet ġodda dwar ir-rati li qed jiġu ċċarġjati mill-iskejjel tal-Istat għall-kiri tas-swali tal-iskejjel lil għaqdiet volontarji u li ma joperawx għal qligħ? F'każ illi fl-affermattiv, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istruzzjonijiet il-ġodda?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’April tal-2024 ġew maħruġa linji gwida lill-iskejjel tal-Istat dwar il-kiri ta’ binijiet lill-terzi persuni fejn ġie stabilit li l-għaqdiet volontarji li għandhom VO number, ir-rati jiġu mnaqsa bi skont ta’ massimu ta’ 75%.
Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà — Appelli interni dwar multi
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-proċedura sabiex persuna tkun tista’ tagħmel appell intern mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà sabiex tkun tista’ ssir reviżjoni interna dwar multa mingħajr il-ħtieġa li persuna tittella’ l-Qorti? Jista’ jgħid ukoll fejn din il-proċedura hija applikabbli u fejn mhijiex?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.