Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korporazzjoni Telemalta, Malta Drydocks, Malta Shipbuilding, Gas Board u International Aeradio Ltd. — Skemi ta’ kumpens għall-eks ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji dwar l-iskemi ta’ kumpens li japplikaw għall-eks ħaddiema tal-Korporazzjoni Telemalta, tal-Malta Drydocks, tal-Malta Shipbuilding, tal-Gas Board u tal-International Aeradio Ltd.? Jista’ jgħid ukoll meta, fejn u kif ser jibdew jintlaqgħu l-applikazzjonijiet relatati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

One-Stop-Shop fin-Nofsinhar ta’ Malta — Settur tal-volontarjat

Question

Tista’ l-Ministru tagħti d-dettalji dwar il-One-Stop-Shop fin-Nofsinhar ta’ Malta, li se jservi bħala ċentru ta’ taħriġ, riżorsi u riċerka għas-settur tal-volontarjat, kif imħabbar fil-Baġit?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-One-Stop-Shop fin-Nofsinhar ta’ Malta miexi b’ritmu tajjeb bl-ewwel fażi tal-istess proġett mistennija tiftaħ fil-ġimgħat li ġejjin.

Birżebbuġa — Wesgħa Carmelo Caruana - Permessi relatati mal-imwejjed u s-siġġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numri tal-permessi relatati mal-imwejjed u s-siġġijiet f’Wesgħa Carmelo Caruana, f’Birżebbuġa, u jannetti magħhom is-site plan, il-pjanta u t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kull permess?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li telenka s-sitt permessi relatati mal-imwejjed u s-siġġijiet f’Wesgħa Carmelo Caruana, f’Birżebbuġa.

Ħal Safi — Proġetti ta’ Vjal Kulħadd - Proċess ta’ konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta rapport dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li saret rigward il-proġetti ta’ Vjal Kulħadd f’Ħal Safi, kif ukoll l-istudji li saru għall-istess proġetti rigward it-traffiku u l-immaniġġjar tal-ilma tax-xita?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi qed jaħdem fuq proġett ta’ tisbiħ tal-Pjazza Misraħ il-Knisja bħala parti mill-iskema “Vjal Kulħadd”. Dan il-proġett, bl-għan li tinħoloq żona pedonali u jsir immaniġjar iktar effiċjenti tat-traffiku, bħalissa jinsab fi stadju ta’ konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, sabiex isiru r-reviżjonijiet meħtieġa abbażi tal-proposti relatati mal-immaniġjar tat-traffiku fiż-żoni rispettivi, kif ukoll mal-immaniġjar tal-ilma tax-xita. Laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar dan il-proġett saru mar-residenti kollha tal-lokalità, mal-Malta Chamber of SMEs bħala rappreżentanti tal-komunità kummerċjali tal-lokalità, kif ukoll mal-Parroċċa ta’ Ħal Safi u mal-Kumitat tal-Każin Banda San Pawl. Kien hemm qbil unanimu mill-Kunsilliera dwar dan il-proġett, u huma previsti iktar laqgħat biex il-proġett jiġi approvat u jimxi għal fazi ta’ implimentazzjoni.

In-Naxxar — Proġetti ta’ Vjal Kulħadd - Proċess ta’ konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta rapport dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li saret rigward il-proġetti ta’ Vjal Kulħadd fin-Naxxar, kif ukoll l-istudji li saru għall-istess proġetti rigward it-traffiku u l-immaniġġjar tal-ilma tax-xita?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar li applika għal proġett “Vjal Kulħadd” ma’ Infrastructure Malta. F’dan l-istadju, il-Kunsill għadu f’diskussjonijiet ma’ Infrastruttura Malta biex isiru xi aġġustamenti fid-disinn tal-pjanti li ġew sottomessi mill-Kunsill stess. Minn dak li ġie diskuss s’issa ma’ Infrastructure Malta, huwa mifhum li kif ikun hemm il-pjanti finali maqbula bejn iż-żewġ partijiet, isiru l-konsultazzjonijiet u l-istudji meħtieġa.

Ħaż-Żebbuġ — Proġetti ta’ Vjal Kulħadd - Proċess ta’ konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta rapport dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li saret rigward il-proġetti ta’ Vjal Kulħadd f’Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll l-istudji li saru għall-istess proġetti rigward it-traffiku u l-immaniġġjar tal-ilma tax-xita?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Zebbuġ li saret konsultazzjoni pubblika fejn ir-residenti kollha kienu mistiedna biex jattendu. Matul din il-laqgħa, il-Perit responsabbli ta spjegazzjoni dwar il-proġett propost. Il-Perit, flimkien mal-Kunsill, ħa nota tas-suġġerimenti li saru mill-pubbliku, li qed jiġu inkorporati fil-pjanijiet mgħoddija lill-Infrastructure Malta. Il-pjan oriġinali kien jinkludi ġiebja għall-ġbir u mmaniġġjar b’mod effiċjenti l-ilma tax-xita. Bl-istess mod, l-immaniġġjar tat-traffiku kien inkorporat fil-pjanijiet oriġinali tal-proġett u għalkemm dawn qed jiġu riveduti, il-proġett huwa approvat unanimament mill-Kunsilliera kollha.

Birżebbuġa/Żurrieq/Luqa/Gudja — Vjal l-Avjazzjoni/Triq Ħal Far - Rotot alternattivi għall-vetturi tal-protezzjoni ċivili

Question

Jista’ l-Ministru jelenka r-rotot alternattivi li l-vetturi tal-protezzjoni ċivili tal-istazzjon ta’ Ħal Far jistgħu jużaw fil-21 u fit-22 ta’ Mejju meta Vjal l-Avjazzjoni/Triq Ħal Far, f’Birżebbuġa/Żurrieq/Luqa/Gudja ser tkun magħluqa minħabba xogħlijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm qbil mal-kuntrattur li se jkun qed jagħmel ix-xogħlijiet li, f’każijiet t’emerġenza l-vetturi msemmija għandhom jitħallew jgħaddu.

Iż-Żurrieq — Proġetti ta’ Vjal Kulħadd - Proċess ta’ konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta rapport dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li saret rigward il-proġetti ta’ Vjal Kulħadd fiż-Żurrieq, kif ukoll l-istudji li saru għall-istess proġetti rigward it-traffiku u l-immaniġġjar tal-ilma tax-xita?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ħal Kirkop — Proġetti ta’ Vjal Kulħadd - Proċess ta’ konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta rapport dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li saret rigward il-proġetti ta’ Vjal Kulħadd f’Ħal Kirkop, kif ukoll l-istudji li saru għall-istess proġetti rigward it-traffiku u l-immaniġġjar tal-ilma tax-xita?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop li qed jaħdem fuq żewġ proġetti infrastrutturali bħala parti mill-iskema ‘Vjal Kulħadd’: Dawn il-proġetti huma relatati ma’ Triq in-Niċċa tal-Madonna u u ż-żona ta’ Misraħ Ħal Kirkop, Triq il-Parroċċa u Triq C. Taljana. It-tnejn li huma bħalissa jinsabu fi stadju ta’ konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, bil-għan li jsiru r-reviżjonijiet meħtieġa abbażi tal-proposti relatati mal-immaniġġjar tat-traffiku fiż-żoni rispettivi.

L-Imqabba — Triq Karmenu Ciantar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26232 u jgħid x’kienu l-interventi li saru fi Triq Karmenu Ciantar, fl-Imqabba minn meta tlestiet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm ġie jiswa kull intervent, meta sar u min ħallas għalih?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għamel intervent wieħed fi Triq Karmenu Ciantar fl-Imqabba minn meta din tlestiet sal-lum. Dan sar fis-6 ta’ Ġunju 2024 u kien jikkonsisti f’tindif u tiswija ta’ culverts. Dan ix-xogħol sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-ispejjeż, li kienu minimi, tħallsu mill-istess dipartiment.

Skejjel tal-Istat — Għaqdiet volontarji - Kiri ta’ binjiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26228 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25631, fejn ġie mwieġeb li f’April tal-2024 ġew maħruġa linji gwida lill-iskejjel tal-Istat dwar il-kiri ta’ binjiet lil terzi persuni fejn ġie stabbilit li l-għaqdiet volontarji li għandhom VO number, ir-rati jiġu mnaqqsa bi skont ta’ massimu ta’ 75%, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-għaqdiet volontarji li bbenefikaw minn dan l-iskont bejn l-1 ta’ Mejju 2024 u t-28 ta’ Frar 2025, u kemm kien l-ammont li tħallas u għal kemm sigħat f’kull każ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull għaqda volontarja tista’ tibbenefika mill-użu tal-iskejjel fejn hu neċessarju. Għal fini ta’ privatezza, informazzjoni interna mhux ser tiġi ppublikata.

Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq — Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26227 fejn intqal li t-trattattivi bejn Infrastructure Malta u l-Kunsilli Lokali ta’ Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq għadhom għaddejja, jista’ l-Ministru jagħti d-data meta huwa mistenni li t-trattativi għax-xogħlijiet għas-sena 2025 ser ikunu lesti?

Response (BONETT, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24207, 24208, 24209, 24210, 24211 u 24212, ninfurmah illi d-diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali rispettivi għaddejin u jiffurmaw parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni kontinwa.

Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq — Korrispondenza bejn kunsilli lokali u Infrastructure Malta

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26227 fejn intqal li t-trattattivi bejn Infrastructure Malta u l-Kunsilli Lokali ta’ Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq għadhom għaddejja, u ġaladarba li għall-mistoqsija parlamentari 25629 ma ġietx ippreżentata l-korrispondenza mitluba, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar korrispondenza mibgħuta mill-kunsilli lokali ta’ Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq lil Infrastructure Malta dwar il-prijoritajiet fuq il-lista ta’ toroq fil-lokalitajiet tagħhom li jinħtieġu jsiru mill-ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal mistoqsija parlamentari 28328.

Kultivazzjoni tal-kannabis — Applikazzjonijiet għat-tibdil ta’ użu ta’ proprjetà

Question

Fid-dawl li l-applikazzjonijiet għat-tibdil ta’ użu ta’ proprjetà jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Awtorità tal-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux meħtieġ li issir applikazzjoni għaċ-change of use mal-Awtorità tal-Ippjanar biex binja eżistenti tkun tista’ tibda tintuża għall-kultivazzjoni tal-kannabis?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Birżebbuġa — Project timeline - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-project timeline għax-xogħlijiet li għadhom mhux kompluti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, relatati mas-sistema tad-drenaġġ f’Birżebbuġa li juri kemm xogħlijiet għad jonqos isiru kif ukoll sa meta huwa proġettat li dawn ix-xogħlijiet jitlestew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li qed issir referenza għalihom mexjin skont il-pjan u huwa mmirat li jintemmu fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla. Dan minħabba li se jkun hemm waqfa matul is-sajf, skont il-kundizzjonijiet maħruġin mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), peress li Birżebbuġa hija meqjusa bħala żona turistika.

Awtorità tal-Ippjanar — illegalitajiet u kontravenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka lista ta’ każijiet ta’ illegalitajiet jew kontravenzjonijiet fejn l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet multa ta’ kuljum fejn intlaħaq il-massimu tal-multa, l-illegalità jew il-kontravenzjoni xorta baqgħu ma ġewx ikkorreġuti, u x’inhi l-azzjoni ulterjuri min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar li għadha pendenti? Fl-istess lista jista’ jindika n-numru ta’ referenza, meta ħarġet l-ewwel multa u meta ntlaħaq il-massimu ta’ multi għal kull każ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni nġabret mis-sistema informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar. L-Awtorità tal-Ippjanar tieħu azzjoni diretta biex tneħħi illegalitajiet skont il-prijorità ta’ każijiet pendenti.

Awtorità tal-Ippjanar — Kultivazzjoni tal-kannabis - Change of use

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25365 u fid-dawl li applikazzjonijiet għat-tibdil ta’ użu ta’ proprjetà jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-Awtorità tal-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux meħtieġ li ssir applikazzjoni għaċ-change of use mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex binja li ma tkunx qed tintuża għall-kultivazzjoni tal-kannabis tkun tista’ tiġi użata bħala faċilità għall-kultivazzjoni tal-kannabis?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — Każijiet ta’ multi mhux imħallsa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25622 u jelenka lista tal-każijiet li ttellgħu l-Qorti mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2024 minħabba multi li ma tħallsux? Jista’ jgħid ukoll id-data u l-valur tal-multa oriġinali ta’ kull każ?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li għal kull multa amministrattiva li baqgħet mhux imħallsa jinbdew il-proċeduri quddiem il-Qorti b’mod awtomatiku kif titlob il-liġi. Dan għaliex ġaladarba jiskatta l-perjodu fejn persuna ma ħalsitx il-multa il-każ jiġi proċessat normali bħal kull każ ieħor fejn ikun hemm ksur tal-liġijiet tas-Saħħa u s-Sigurtà. L-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant mhijiex disponibbli, madanakollu ninforma li fil-perjodu indikat u ċjoè bejn Jannar tas-sena 2022 u Diċembru 2024 inħarġu 1,094 multa amministrattiva, b’valur totali ta’ €535,850. Bl-introduzzjoni tas-sistema tal-Management Information System, li ġiet introdotta mill-bidu ta’ din is-sena, informazzjoni bħal din tkun tista’ tinġabar.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — Multi mhux imħallsa - Persuni mtellgħin il-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25621 u jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà minħabba multi li ma tħallsux, maqsuma sena b’sena, minn meta twaqqfet l-Awtorità sal-31 ta’ Diċembru 2024?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant illi minkejja li l-Awtorità ġiet imwaqqfa fis-sena 2000, il-multi amministrattivi bdew jinħarġu mis-sena 2012 permezz tal-Avviż legali 36/2012 u kull persuna li rċeviet multa amministrattiva u li baqgħet mhux imħallsa nbdew il-proċeduri quddiem il-Qorti b’mod awtomatiku kif titlob il-liġi. Matul il-perjodu inkwistjoni, u ċjoè bejn is-sena 2012 sa 2024, inħarġu il-fuq min 4,700 multa amministrattiva. Il-figura preċiża ta’ kemm ittellgħu persuni l-Qorti mill-Awtorità mhux possibbli li tingħata peress li din l-informazzjoni tkun trid tiġi miġbura manwalment. Apparti minn hekk l-Awtorità hija ukoll marbuta bil-liġi tad-data, fejn files li jkunu magħluqa ma jinżammux aktar mill-perjodu stabbilit skont ir-retention policy, tal-istess Awtorità. Għalhekk il-files jinżammu sa' ħames snin minn meta jingħalaq il-każ. Madanakollu, bl-introduzzjoni tal-Management Information System li ġiet introdotta mill-bidu ta’ din is-sena, din l-informazzjoni se tibda tkun tista’ tinġabar.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — Appelli interni dwar multi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25620 u jelenka l-proċedura sabiex persuna tkun tista’ tagħmel appell intern mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà sabiex tkun tista’ ssir reviżjoni interna dwar multa mingħajr il-ħtieġa li persuna tittella’ l-Qorti? Jista’ jgħid ukoll fejn din il-proċedura hija applikabbli u fejn mhijiex?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi abbażi tal-artikolu 23(1)(a) u (b) tal-Kap. 646 tal-Liġijiet ta’ Malta, kull persuna li trid tappella minn deċiżjonijiet, ordnijiet, jew strumenti amministrattivi maħruġa mill-Awtorità, kif ukoll affarijiet inkonnessjoni ma’ ksur ta’ natura amministrattiva u li bħala riżultat tal-istess tista' tiġi imposta penali amministrattiva, jista' jagħmel hekk permezz tal-mekkaniżmu adoperat tat-Tribunal għas-Saħħa u s-Sigurtà mwaqqaf mill-istess artikolu.