Awtorità tal-Ippjanar – membru miġjub Malta — spiża
Question
Jista’ l-Ministru jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti tal-kont imħallas sabiex membru tal-Awtorità tal-Ippjanar tinġieb minn barra għall-vot dwar l-applikazzjoni numru PA/03807/17 magħruf bħala ‘City Centre’?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda kopja tal-irċevuta mitluba (according to the VAT act when a supplier provides the authority with a tax invoice there is no need for the supplier to issue an official receipt).
Il-PA hija awtorità independenti u awtonoma.
Jiena la kont infurmat w anqas kelli sehem f’din id-deċizjoni; u kif diġà esprimejt fil-pubbliku jien ma qbiltx ma din id-deċiżjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ordni għal titjira permezz ta’ ajruplan privat sabiex tinġieb minn barra membru tal-Awtorità għall-vot dwar l-applikazzjoni numru PA/03807/17 magħruf bħala ‘City Centre’, saritx permezz ta’ talba għal kwotazzjonijiet jew permezz ta’ direct order?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li proċess sar b’talba ta’ direct order.
Il-PA hija awtorità independenti u awtonoma.
Jiena la kont infurmat w anqas kelli sehem f’din id-deċizjoni; u kif diġàesprimejt fil-pubbliku jien ma qbiltx ma din id-deċiżjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li għandhom Kunsill Skolastiku min-numru totali ta’ Skejjel tal-Istat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskejjel statali primarji u sekondarji u dawk post-sekondarji kollha għandhom Kunsill Skolastiku. Hemm żewġ skejjel li m’għandomx. Dawn huma l-iskola Malta Visual and Performing Arts, il-Ħamrun, u Ġuże Ellul Mercer 16+, il-Gżira. Dawn ser ikollhom l-elezzjonijiet f’Jannar 2019.
Jista’ l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Skolastiċi u f’liema skejjel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli skolastiċi saru f’Jannar tal-2017.
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ skejjel fejn saru l-elezzjonijiet jew tal-ġenituri jew tal-għalliema.
Fl-iskejjel l-oħra ma kienx hemm bżonn issir elezzjoni peress li kien hemm in-numru eżatt ta’ kandidati.
Kunsilli Skolastiċi – ġenituri ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ġenituri fil-Kunsilli Skolastiċi li huma ġenituri ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentri tar-Riżorsi kollha, jiġifieri:
Kulleġġ t’Għawdex, Sannat Special Unit, Sannat Għawdex
Kulleġġ San Benedittu Helen Keller Resource, Qrendi
Kulleġġ San Ġorġ Preca, Guardian Angel Resource Centre, Ħamrun
Kulleġġ Santa Klara San Miguel Primary Education Resource Centre, Pembroke u
Kulleġġ Marija Reġina, Wardija Resource Centre
għandhom Kunsill Skolastiku. F’dawn il-kunsilli hemm ġenituri li għandhom tfal bi bżonnijiet speċjali. Fl-iskejjel statali l-oħra, din l-informazzjoni ma tinġabarx minħabba l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data.
Jista’ l-Ministru jgħid ġeneralment x’jiġi diskuss waqt il-laqgħat tal-Kunsilli Skolastiċi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li waqt il-laqgħat tal-Kunsilli Skolastiċi kull kunsill jiddiskuti affarijiet pertinenti għall-iskola partikolari. Xi suġġetti komuni li jiġu diskussi, fost ħafna suġġetti oħra, huma dawn li ġejjin:
Proġetti tal-Erasmus
School Development Plans
Open Days
Celebration days
Audit Report
School Management System
Sports Day
Christmas activities
Tuck shop
Student Council matters
Financial updates
School Refurbishment
Parents’ Day
Exam results
Teaching Practice
Induction Day for Year 7 students
Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika – ħatra
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6415, jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex għadu ma nħatarx Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ai termini tal-Att XIII tal-2017 dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, aktar minn sena wara li din il-liġi għaddiet mill-Parlament?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin konsultazzjonijiet bejn l-Gvern u l-Oppożizzjoni.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6414, lil hinn minn jekk daħalx bil-kunsens tiegħu jew le, jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-‘profil' tiegħu fuq Facebook ‘ħariġx’ jew għadux membri tal-gruppi sigrieti fuq Facebook li jintużaw bħala hate groups u li fihom tiġi ġġenerata u/jew tinxtered mibgħeda dwar in-nies, speċjalment avversarji politiċi tal-istess Prim Ministru?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Kif jaf l-Onor. Interpellant il-Facebook huwa platform soċjali pubbliku u l-Prim Ministru ma għandux s-setgħa li jikkontrolla x’jingħad f’fora pubbliċi. Ta’ min ifakkar lill-Onor. Interpellant li l-Prim Ministru u l-familja tiegħu kienu u għadhom vittmi ta’ hate speech, f’Facebook Groups ikkontrollati minn persuni qrib l-istess Interpellant. Li nista’ nagħmel, b’mod konsistenti, huwa li nikkundanna kwalunkwe hate speech ġejja minn fejn ġejja.
Intant, il-profil tneħħa minn gruppi li ddaħħal fih mingħajr kunsens. Fost dawn kien hemm gruppi bħal ‘
No To Embryo Freezing in Malta
’ li żgur ma kellhomx kunsens biex jinkludu bħala membru tagħhom il-profil tal-Prim Ministru.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6385, peress li fl-istħarriġ intern li sar mill-Ministeru tiegħu dwar l-użu ta’ ħaddiema tal-Gvern għal xogħol fir-residenza privata tiegħu ma hemm l-ebda referenza għal permess tal-Awtorità tal-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid jekk, fil-każ tal-veranda stallata minn ħaddiema tal-Gvern fid-dar tiegħu, kienx applika, iva jew le, għal permess jew Development Notification Order (DNO) mal-Awtorità tal-Ippjanar u f’dak il-każ, jippreżenta evidenza dokumentarja ta’ dan?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk, bħala Prim Ministru, awtorizzax iż-żjarat uffiċjali barra minn Malta li l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar għamel waħdu mill-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-Onor. Interpellant qiegħed effettivament jitlob dokumenti tal-Kabinett u kif jaf l-Onor. Interpellant id-dokumenti u r-records tal-Kabinett huma, u dejjem kienu, meqjusa bħala dokumenti u informazzjoni li mill-istess natura tagħhom huma kunfidenzjali u mħux għall-pubblikazzjoni, kif minn dejjem kienu jipprovdu l-ligijiet tal-pajjiż.
Żjarat uffiċjali ta' Ministru — kopja tar-rapporti
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar ippreżenta lill-Uffiċċju tal-Kabinett wara ż-żjarat uffiċjali li għamel barra minn Malta waħdu mill-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-Onor. Interpellant qiegħed effettivament jitlob dokumenti tal-Kabinett u kif jaf l-Onor. Interpellant id-dokumenti u r-records tal-Kabinett huma, u dejjem kienu, meqjusa bħala dokumenti u informazzjoni illi mill-istess natura tagħhom huma kunfidenzjali u mħux ghall-pubblikazzjoni, kif minn dejjem kienu jipprovdu l-ligijiet tal-pajjiż.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, fil-każ tal-veranda stallata minn ħaddiema tal-Gvern fid-dar tiegħu, kienx applika għal permess jew Development Notification Order (DNO) mal-Awtorità tal-Ippjanar u jippreżenta l-evidenza dokumentarja ta’ dan?
Response (ABELA, CARMELO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari 6253.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista ta’ Facebook Groups, miftuħa jew ristretti, li huwa membru tagħhom? Jista’ jgħid jekk dan l-aħħar ħariġx minn xi gruppi li jintużaw bħala hate groups u li fihom tiġi ġġenerata u/jew tinxtered mibgħeda dwar in-nies, speċjalment avversarji politiċi tal-istess Prim Ministru?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-paġna politika attiva tal-Prim Ministru, @josephmuscatdotcom, hija dik uffiċjali u vverifikata minn Facebook stess. Din ma hi parti jew membru tal-ebda grupp fuq Facebook.
Min-naħa l-oħra jeżisti wkoll ‘profil’ fuq Facebook, li huwa distint mill-‘paġna’.
Ninsab infurmat li kwalunkwe grupp fuq Facebook jista’ jdaħħal profil ta’ xi ħadd bħala membru ta’ grupp fuq Facebook mingħajr il-bżonn li dak il-profil jaċċetta. F’dan il-każ, jekk hemm il-profil f’xi grupp ma sarx b’kunsens jew b’mod konxju.
Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika – ħatra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadu ma nħatarx Kummissarju għall-
Istandards
fil-Ħajja Pubblika
ai termini
tal-Att XIII tal-2017 dwar
Standards
fil-Ħajja Pubblika, aktar minn sena wara li din il-liġi għaddiet mill-Parlament?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġietx trasferita art industrijali liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jew lil xi kumpanija li fiha huwa għandu interess dirett jew indirett mill-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija u jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti tagħrif dwar it-trasferiment in kwistjoni u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt relevanti?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-atti ta’ trasferiment huma minn natura tagħhom pubbliċi u għalhekk huma għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk intużawx ħaddiema tal-Gvern biex isir xogħol fid-dar privata tiegħu fiż-żmien li kien Ministru tal-Intern responsabbli mill-ħarsien tal-liġi u ż-żamma tal-ordni? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar:
· id-data ta’ meta sar dan ix-xogħol u/jew xogħlijiet oħra fid-dar privata tiegħu f’dati oħra;
· kemm kienu l-ħaddiema tal-Gvern involuti fix-xogħol fid-dar privata tal-Ministru u ma’ liema Ministeru u/jew Dipartiment jaħdmu l-ħaddiema inkwistjoni;
· kemm ħallas għal dan ix-xogħol flimkien ma’ kopja tal-irċevuta fiskali relevanti għal dan il-ħlas?
Response (ABELA, CARMELO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-ispjega li tajt u dokumenti li ppreżentajt fis-seduta Parlamentari ta’ nhar l-Erbgħa 6 ta’ Ġunju. M’għandi xejn aktar xi nżid ma’ dan.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħadet il-pulizija dwar il-messaġġ ta’ mibgħeda li ġie mtella’ fuq facebook mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hekk kif jidher indikat fil-viżwal li wkoll qed jingħata separatament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li ma jidhirx li l-kontenut tal-messaġġ li ġie mtella’ fuq facebook minn individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament mill-Onor. Interpellant b’xi mod inġab għall-konjizzjoni tal-Pulizija qabel ma saret din l-interpellanza. Għaldaqstant ma setgħux jittieħdu passi dwar dan. Madankollu qed jittieħdu l-proċeduri meħtieġa biex dak kollu neċessarju fil-konfront ta’ dan il-każ, isir.